Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-573/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara, E. Manhaeve, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)    minħabba n-nuqqas ta’ osservanza sistematika u kontinwa mal-valuri ta’ limitu annwali ta’ konċentrazzjoni tan-NO2

mill-2010 u mingħajr interruzzjoni fiż-żoni IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino), IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano), IT0307 (agglomerazzjoni ta’ Bergamo), IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia), IT0309 (żona A – pjanura b’rata ta’ urbanizzazzjoni għolja), IT0906 (agglomerazzjoni ta’ Firenze), IT0711 (komun ta’ Genova), IT1215 (agglomerazzjoni ta’ Ruma),

mill-2010 sal-2012 u mill-ġdid mill-2014 mingħajr interruzzjoni fiż-żoni IT1912 (agglomerazzjoni ta’ Catania) u IT1914 (żoni industrijali),

nuqqas ta’ konformità li għadha tippersisti sal-lum, tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligu tagħha stabbilit permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 u flimkien ma’ dawk tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE relatati mal-kwalità tal-arja fl-ambjent u għal arja iktar nadifa fl-Ewropa 1 ;

2)    billi ma adottatx miżuri xierqa mill-11 ta’ Ġunju 2010 sabiex tiggarantixxi konformità mal-valuri ta’ limitu tan-NO2 fiż-żoni indikati fil-punt 1, tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset b’mod sistematiku u kontinwu wkoll mill-obbligi imposti mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, waħdu kif ukoll flimkien mal-punt A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva, ksur li għadu sal-lum jippersisti;

3)    u li l-Qorti tal-Ġustizzja konsegwentement tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-data miksuba dwar il-konċentrazzjoni tan-NO2 fl-arja turi l-eżistenza ta’ ksur sistematiku u kontinwu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 flimkien ma’ dawk tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50. Skont dawn id-dispożizzjonijiet meħudin flimkien, il-livell ta’ konċentrazzjoni ta’ dawn is-sustanzi ma jistax jaqbeż ċerti limiti ta’ konċentrazzjoni annwali. F’xi żoni, dawn il-limiti ġew miksura mingħajr interruzzjoni għal iktar minn għaxar snin.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva, waħdu kif ukoll flimkien mal-punt A tal-Anness XV tad-Direttiva 2008/50. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, adottati wara l-qbiż tal-valuri ta’ limitu tal-konċentrazzjoni NO2, ma jippermettu la li jinkisbu dawn il-valuri ta’ limitu, u lanqas li jiġi limitat li dawn jintlaħqu għall-iqsar perijodu possibbli. It-tieni nett, ħafna minn dawn il-pjanijiet ma għandhomx l-informazzjoni mitluba fil-punt A tal-Anness XV tad-Direttiva, informazzjoni li l-indikazzjoni tagħha hija obbligatorja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

____________

1     Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (GU 2008, L 152, p. 1).