KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-18 ta’ Mejju 2010 (1)

Kawża C‑585/08

Peter Pammer

vs

Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG

u

Kawża C‑144/09

Hotel Alpenhof GesmbH

vs

Oliver Heller

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l‑Awstrija)) “Regolament Nru 44/2001 – Artikolu 15(1)(ċ) u (3) – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur – Aċċessibbiltà tas-sit permezz tal‑internet – Kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni – Vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija”







Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Ir-Regolament Nru 44/2001

B –   Ir-Regolament Ruma I

C –   Id-Direttiva 90/314

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A –   Kawża Pammer

B –   Kawża Hotel Alpenhof

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   L-argumenti tal-partijiet

A –   Kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni (l-ewwel domanda preliminari fil-kawża Pammer)

B –   Attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur (it-tieni domanda preliminari fil-kawża Pammer; domanda preliminari fil-kawża Hotel Alpenhof)

C –   Rwol tan-negozjant (kawża Pammer)

VI – Kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali

A –   Introduzzjoni

B –   Kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni (l-ewwel domanda preliminari fil-kawża Pammer)

C –   Attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur (it-tieni domanda preliminari fil-kawża Pammer; domanda preliminari fil-kawża Hotel Alpenhof)

1.     Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

a)     Konklużjoni ta’ kuntratt

b)     Konklużjoni min-naħa tal-konsumatur ta’ kuntratt li jaqa’ taħt l-ambitu tal-attivitŕ kummerċjali jew professjonali tan-negozjant

c)     Żvolġiment tal-attivitŕ fl-Istat Membru tal-konsumatur jew attivitŕ “immexxija [immirata]” għal tali Stat Membru

2.     Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

a)     Interpretazzjoni letterali, teleoloġika, storika u sistematika tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

b)     Kriterji biex jiġi stabbilit jekk in-negozjant jimmirax l-attività tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

c)     Kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tal-esklużjoni espressa tal-attivitŕ “immexxija [immirata]” għal ċerti Stati Membri

3.     Konklużjoni

VII – Konklużjonijiet

I –    Introduzzjoni

1.        Dawn iż-żewġ kawżi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001”). Il-kwistjoni prinċipali mqajma f’dawn il-kawżi tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 u, b’mod partikolari, tal-kunċett li l-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali “tmexxi [timmira]” (ausrichtet, dirige, directs) tali attività għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew għal għadd ta’ Stati inkluż dak l-Istat Membru. B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali, kemm fil-kawża Hotel Alpenhof, kif ukoll fil-kawża Pammer, tqajjem il-kwistjoni jekk huwiex suffiċjenti, sabiex attività titqies li hija “immexxija [immirata]” lejn Stat Membru fis-sens indikat fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, il-fatt li s-sit tal-internet tan-negozjant jkun aċċessibbli fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Fil-kawża Pammer, barra minn hekk, hija tqajjem id-domanda jekk vjaġġ (turistiku) fuq bastiment tat-tagħbija jistax jitqies bħala kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

2.        F’dawn iż-żewġ kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament mhux ser ikollha tinterpreta għall-ewwel darba l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 (3), iżda għall-ewwel darba ser ikollha tikkjarifika l-kunċett ta’ attività kummerċjali jew professjonali “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Il-problema tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ilha li ġiet identifikata fid-duttrina (4) u anki l-qrati ta’ xi Stati Membri diġà kellhom okkażjoni biex jinterpretawha (5). L-interpretazzjoni tagħha hija partikolarment importanti fil-każ ta’ attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur permezz tal-internet, peress li din għandha karatteristiċi speċifiċi, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-karatteristika speċifika tal-internet tinsab fil-fatt li l-konsumaturi normalment jidħlu fuq is-sit internet tan-negozjant minn kwalunkwe parti tad-dinja, u interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” twassal biex is-sempliċi ħolqien ta’ sit internet ikun ifisser li n-negozjant jimmira l-attività għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” b’hekk jeħtieġ li tiġi bbilanċjata l-protezzjoni tal-konsumatur, li abbażi tar-Regolament Nru 44/2001 jibbenefika minn dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni, u l-konsegwenzi għan-negozjant, li għalih dawk id-dispożizzjonijiet partikolari dwar il-ġurisdizzjoni huma applikabbli biss jekk huwa jkun iddeċieda volontarjament li jimmira l-attivitajiet tiegħu għall-Istat Membru ta’ residenza tal-konsumatur.

3.        Bħala introduzzjoni nixtieq nenfasizza li bl-iżvilupp ta’ sistemi ġodda ta’ komunikazzjoni u ta’ konklużjoni ta’ kuntratti jqumu wkoll kwistjonijiet ġuridiċi ġodda. L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa eżempju tajjeb tar-risposta għal tali żvilupp, peress li fir-rigward tal-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) (6) dan ġie emendat bil-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ikbar għall-konsumaturi fil-konfront tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku. Peress li r-Regolament Nru 44/2001 jippermetti lill-konsumaturi li jfittxu jew jiġu mfittxija fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom anki fil-każ ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz tal-internet, din ir-regola ġiet adattata għall-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda; fl-istess ħin infetħu wkoll kwistjonijiet ġodda ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-istess regola. Fiż-żewġ kawżi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tipprovdi soluzzjoni għal waħda mill-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni msemmija hawn fuq li jirrigwardaw ir-Regolament Nru 44/2001.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 44/2001

4.        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab taħt il-Kapitolu II (“Ġurisdizzjoni”), fis-Sezzjoni 1 (“Disposizzjonijiet ġenerali”), jipprovdi dan li ġej:

“1. Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b'domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

[...]”.

5.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab taħt il-Kapitolu II (“Ġurisdizzjoni”), fis-sezzjoni 2 (“Ġurisdizzjoni speċjali”), jipprovdi hekk:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija:

1. (a) f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[...]”.

6.        L-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab taħt il-Kapitolu II (“Ġurisdizzjoni”), fis-sezzjoni 4 (“Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”), jipprovdu skont kif ġej:

“Artikolu 15

1. F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 5 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

a) ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew;

b) ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew;

ċ) fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi [bi kwalunkwe mezz], imexxi [jimmira] tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[...]

3. Din is-Sezzjoni m’għandiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.

Artikolu 16

1. Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2. Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

[...]”.

B –    Ir-Regolament Ruma I

7.        Il-premessa 24 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (7) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), hija fformulata kif ġej:

“Fir-rigward, aktar partikolarment, ta’ kuntratti konsumistiċi, ir-regola tal-konflitt għandha twassal sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għad-deċiżjoni ta’ disputi li jikkonċernaw talbiet li ħafna drabi jkunu ta’ valur relattivament żgħir, u sabiex jittieħed kont ta’ l-iżvilupp tat-teknika ta’ bejgħ minn distanza. Il-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 44/2001 teħtieġ, minn naħa waħda, li ssir referenza għall-kunċett ta’ “attività indirizzata” bħala kondizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett jiġi interpretat b’armonija fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u f’dan ir-Regolament, fid-dawl ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li tispeċifika li “sabiex l-Artikolu 15(1)(c) ikun applikabbli, mhuwiex suffiċjenti għal intrapriża li timmira l-attivitajiet tagħha għall-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur, jew lejn numru ta’ Stati Membri inkluż dak l-Istat Membru; għandu jun hemm ukoll kuntratt konkluż fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħha”. Id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li “s-sempliċi fatt li sit ta’ l-Internet ikun aċċessibbli mhuwiex suffiċjenti sabiex l-Artikolu 15 ikun applikabbli, għalkemm ikun fattur li dan is-sit internet iħajjar il-konklużjoni ta’ kuntratti minn distanza u li kuntratt ġie effettivament konkluż minn distanza, bi kwalunkwe mezz. F’dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata f’dan is-sit ta’ l-Internet ma tikkostitwixxix fattur rilevanti”.

C –    Id-Direttiva 90/314

8.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/314”) jipprovdi hekk:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1) ‘pakkett’ tfisser it-tagħqid irranġat minn qabel ta’ mhux anqas minn tnejn minn dawn li ġejjin meta jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ bi prezz inklużiv u meta s-servizz ikopri perjodu ta’ aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa jew jinkludi akkomodazzjoni ta’ bil-lejl:

a) it-trasport,

b) l-akkommodazzjoni,

ċ) servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew l-akkomodazzjoni u li jammontaw għal parti sinifikanti tal-pakkett.

It-tqegħid tad-diversi komponenti ta’ l-istess pakkett f’kontijiet differenti ma jeħlisx lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ mill-obbligazzjonijiet skond din id-Direttiva;

[...]”.

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A –    Kawża Pammer

9.        Il-kawża prinċipali hija bejn P. Pammer (ir-rikorrent), resident fl-Awstrija, u l-kumpannija Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG (il-konvenuta), b’uffiċċju rreġistrat fil-Ġermanja, għar-restituzzjoni tal-bilanċ fuq is-somma mħallsa minn P. Pammer għal vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija li fih huwa ma pparteċipax.

10.      P. Pammer kien irriżerva mal-kumpannija Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija għal żewġ persuni minn Trieste għal-Lvant Imbiegħed bi tluq previst fl-aħħar ta’ Jannar 2007 għall-prezz totali ta’ EUR 8 510. Il-vjaġġ kien ġie rriżervat permezz tal-aġenzija Internationale Frachtschiffreisen Pfeiffer GmbH, li għandha uffiċċju rreġistrat fil-Ġermanja u li tbiegħ vjaġġi ta’ dan it-tip anki fis-suq Awstrijakk permezz tas-sit tagħha fuq l-internet.

11.      Id-deskrizzjoni tal-bastiment u tal-vjaġġ fuq is-sit internet tal-kumpannija intermedjarja ma kinitx taqbel mar-realtà. Minflok il-kabina doppja rriżervata, ingħataw biss kabina singola, fejn l-apparat tal-arja kkundizjonata ma kienx jaħdem. Min-naħa l-oħra fuq il-bastiment – għall-kuntarju ta’ kif kien irriklamat fuq is-sit internet – ma kienx hemm pixxina esterna, ġinnasju, sett ta’ televiżjoni li jaħdem u deckchairs fuq il-gverta. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ nżul fuq l-art kienet limitata ħafna. Għal din ir-raġuni P. Pammer irrifjuta li jitlaq mal-bastiment tat-tagħbija. Wara li kiseb mingħand il-kumpannija Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG rimbors parzjali biss, għall-ammont rimanenti ta’ EUR 5 294.00 ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-qorti Awstrijaka. Il-konvenuta eċċepiet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali tal-qorti adita.

12.      Il-Qorti ta’ prim’istanza affermat il-ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali tagħha, abbażi li s-suġġett tal-kawża kien kuntratt konkluż minn konsumatur, jew kuntratt għal vjaġġ “għal prezz inklussiv”, u li l-kumpannija intermedjarja Internationale Frachtschiffreisen Pfeiffer GmbH kienet wettqet attività pubbliċitarja mmirata, permezz tas-sit internet tagħha, anki għar-rikorrent fl-Awstrija. Il-qorti tal-appell laqgħet l-appell tal-kumpannija Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG, peress li ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u ċaħdet ir-rikors. Kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell P. Pammer ressaq rikors ta’ kassazzjoni (Revision) quddiem l-Oberster Gerichsthof (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”).

13.      Fid-digriet tar-rinviju l-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar id-definizzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ bħala “għal prezz inklussiv” u tenfasizza li fil-kawża inkwistjoni mhuwiex ċar kemm iċ-ċirkustanzi fattwali jistgħu jiġu mqabbla ma’ kruċieri, li skont l-opinjoni prevalenti jikkostitwixxu vjaġġi tat-tip “għal prezz inklussiv”. Jekk fil-kawża li qed tiġi eżaminata jitqies li hemm kuntratt għal vjaġġ “għal prezz inklussiv” u l-ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi kkjarifikat liema huma l-kundizzjonijiet li fihom titwettaq attività kummerċjali jew professjonali mmirata għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza f’dan is-sens li fl-istanzi preċedenti ta’ ġudizzju f’din il-kawża ma sarux verifiki iktar preċiżi fir-rigward tal-mod kif ġie stipulat il-kuntratt. Barra minn hekk, ma ġewx aċċertati n-natura u l-intensità tal-kollaborazzjoni bejn il-konvenuta u l-intermedjarju.

14.      Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2008 l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali jista’ jiġi interpretat fis-sens li vjaġġ ‘għal prezz inklussiv’ jinkludi wkoll ‘vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija’?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, sabiex attività titqies bħala li tkun ‘immexxija’ [destinata] għal Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa biżżejjed li s-sit virtwali tal-aġenzija tal-ivvjaġġar ikun jista’ jiġi kkonsultat fuq l-internet?”

B –    Kawża Hotel Alpenhof

15.      Il-kawża prinċipali hija bejn Hotel Alpenhof GesmbH (ir-rikorrenti), b’uffiċċju rreġistrat fl-Awstrija, u O. Heller (il-konvenut), residenti fil-Ġermanja, għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 5 248.30 għal servizzi ta’ lukanda.

16.      Il-konvenut sar jaf bl-offerta tal-lukanda mis-sit internet tal-lukanda stess, aċċessibbli wkoll fil-Ġermanja. It-talba tal-konvenut dwar ir-riżervazzjoni ta’ kmamar għal iktar persuni għall-perijodu bejn id-29 ta’ Diċembru 2007 sal-5 ta’ Jannar 2008, l-offerta tar-rikorrent u l-aċċettazzjoni ta’ tali offerta min-naħa tal-konvenut saru permezz tal-posta elettronika. Il-partijiet ma jikkontestawx il-fatt li l-indirizz tal-posta elettronika kien ippubblikat fuq is-sit internet. Il-konvenut uża s-servizzi tal-lukanda fil-perijodu indikat u telaq mingħajr ma ħallas għal tali servizzi, waqt li ħallas biss depożitu ta’ EUR 900. B’hekk ir-rikorrenti fetħet kawża għall-ħlas tal-bilanċ.

17.      Fil-kawża prinċipali l-konvenut eċċepixxa n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali tal-qorti adita, peress li sostna li, bħala konsumatur, seta’ jiġi mfittex biss fil-Ġermanja. Il-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza ddikjaraw li ma għandhomx ġurisdizzjoni u ċaħdu r-rikors. Ir-rikorrent b’hekk ressaq rikors ta’ kassazzjoni (Revision) quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.      Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2009 l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“Il-fatt li sit internet ta’ parti li magħha konsumatur ikkonkluda kuntratt jista’ jiġi kkonsultat fuq l-internet huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika konstatazzjoni li attività qed tiġi “diretta [immiratata]” skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 […]?”.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-digriet tar-rinviju fil-kawża Pammer wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2008 u, fil-kawża Hotel Alpenhof, fl-24 ta’ April 2009. Fil-fażi bil-miktub taż-żewġ kawżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom il-Gvern Awstrijakk, il-Gvern Ċek u l-Gvern Lussemburgiż, kif ukoll il-Kummissjoni. Fil-kawża Pammer biss ippreżentaw osservazzjonijiet P. Pammer u l-Gvern Pollakk u l-Gvern Taljan, waqt li fil-kawża Hotel Alpenhof biss ippreżentaw osservazzjonijiet Hotel Alpenhof u l-Gvern Olandiż u l-Gvern Brittaniku. Fis-seduta konġunta li saret fis-16 ta’ Marzu 2010, P. Pammer, Hotel Alpenhof, Heller, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Awstrijakk, il-Gvern Ċek, il-Gvern Olandiż, u l-Gvern Brittaniku, kif ukoll il-Kummissjoni, għamlu osservazzjonijiet orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    L-argumenti tal-partijiet

A –    Kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni (l-ewwel domanda preliminari fil-kawża Pammer)

20.      P. Pammer, il-Gvern Awstrijakk, il-Gvern Ċek, il-Gvern Taljan il-Gvern Lussemburgiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li kuntratt li jinkludi mhux biss trasport għal bosta ġranet, iżda wkoll akkomodazzjoni u servizzi oħrajn, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001

21.      Skont il-fehma ta’ P. Pammer, tal-Gvern Awstrijakk, tal-Gvern Ċek u tal-Gvern Taljan kif ukoll tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni” jirreferi biss bħal vjaġġi tat-tip “pakkett” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314. Huma jissostanzjaw l-argument tagħhom billi jirreferu għar-Regolament Ruma I, li fl-Artikolu 6(4)(b) jipprovdi dispożizzjoni simili, li tirreferi espressament għad-definizzjoni li tinsab fid-Direttiva 90/314. Anki l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-motivazzjoni tal-proposta tar-Regolament Nru 44/2001 (9), ikkummentat dwar l-Artikolu 15(3) billi rreferiet għan-natura ta’ vjaġġ fil-forma ta’ “pakkett” fis-sens tad-Direttiva 90/314.

22.      Il-Gvern Lussemburgiż u l-Gvern Pollakk min-naħa l-oħra jsostnu li ma hemm ebda bażi għal tali riferiment għad-definizzjoni mogħtija fid-Direttiva 90/314, peress li fir-Regolament Nru 44/2001 il-leġiżlatur ukoll seta’ jirreferi direttament għal dik id-direttiva jew jirriproduċi t-terminoloġija tagħha.

B –    Attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur (it-tieni domanda preliminari fil-kawża Pammer; domanda preliminari fil-kawża Hotel Alpenhof)

23.      P. Pammer u O. Heller, il-Gvern Awstrijakk, il-Gvern Ċek, il-Gvern Taljan u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li l-għan segwit mill-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur u jipproponu interpretazzjoni wiesa’ tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” għal Stat Membru.

24.      O. Heller isostni li l-kunċett ta’ “immexxija [immirata]” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, li fil-fehma tiegħu, jirriżulta mit-termini tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li jgħid li n-negozjant jista’ “imexxi [jimmira]” l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur “b’xi meżżi [bi kwalunkwe mezz]”. Indipendentement mill-fatt jekk is-sit internet ikunx interattiv jew passiv, in-negozjant jimmira l-attività tiegħu permezz tas-sit meta jippreżenta l-prodotti u s-servizzi tiegħu, u joffrihom b’mod konklużiv lill-konsumatur. Heller jenfasizza, barra minn hekk, li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” ma għandhiex konsegwenzi negattivi għas-suq intern, iżda tħeġġeġ lill-konsumaturi biex jużaw il-kummerċ transkonfinali permezz ta’ siti internet, fl-għarfien li jistgħu jfittxu u jiġu mfittxija fl-Istat Membru fejn ikunu domiċiljati.

25.      Il-Gvern Awstrijakk isostni li ma huwiex neċessarju li l-informazzjoni aċċessibbli permezz tal-internet tkun tirrappreżenta r-raġuni għall-konklużjoni tal-kuntratt. Jekk ikollu jiġi ppruvat ness ta’ kawżalità dan jista’ jkun diffiċli u jmur kontra l-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-mod kif jiġi konkluż kuntratt (mill-bogħod jew personalment) ma għandux ikun relevanti. Il-kummerċjant għandu jikkunsidra l-possibbiltà li jiġi mfittex fi kwalunkwe Stat Membru, sakemm ma jindikax espressament li ma jaqdix lil konsumaturi ddomiċiljati f’ċerti Stati Membri. Il-Gvern Awstrijakk isostni, barra minn hekk, li – għall-kuntrarju ta’ dak li huwa indikat fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Kunsill (10) – il-konklużjoni konkreta tal-kuntratt ma għandhiex tkun il-kundizzjoni li abbażi tagħha tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li dan ma huwiex previst f’dak l-artikolu u b’hekk imur ukoll kontra l-għan tal-istess regolament.

26.      Skont il-Gvern Ċek, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet tan-negozjant ma hijiex biżżejjed biex tinħoloq ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda trid tkun sodisfatta wkoll il-kundizzjoni li l-kuntratt jaqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet tan-negozjant.

27.      Skont il-Gvern Taljan, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet tan-negozjant ma hijiex biżżejjed biex tikkostitwixxi attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur; pjuttost, sabiex tali kundizzjoni tiġi sodisfatta, jeħtieġ li l-konsumatur jirċievi proposta ta’ kuntratt u li l-kuntratt stess jiġi effettivament konkluż. F’din l-evalwazzjoni jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, fil-fehma tal-Gvern Taljan, il-prinċipju tal-bona fide.

28.      Skont il-Gvern Pollakk, meta tiġi evalwata l-kundizzjoni ta’ attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tal-konsumatur, il-qorti nazzjonali trid tikkunsidra l-kontenut tas-sit u tevalwa jekk is-sit tan-negozjant jistedinx jew le lill-konsumatur biex jiffirma l-kuntratt, billi jagħtih il-faċilità li jikkonkludih permezz tal-internet. Is-sempliċi eżistenza tas-sit internet, skont il-Gvern Pollakk, ma hijiex biżżejjed biex tikkostitwixxi attività “immexxija” [immirata] għall-Istat Membru tal-konsumatur. Meta jiġi interpretat l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 ikun opportun – kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Gabriel (11) b’riferiment għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – li jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni tal-kuntratt fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur tkunx seħħet wara l-pubblikazzjoni tar-riklam fl-istampa, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni, fiċ-ċinema, fuq katalgu jew permezz ta’ offerta indirizzata direttament lill-konsumatur.

29.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur ma hijiex fiha nfisha suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-attività hija mmirata għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li s-sempliċi indikazzjoni tal-indirizz tal-posta elettronika fuq is-sit internet ma hijiex suffiċjenti biex tikkostitwixxi attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Kieku l-artikolu msemmi hawn fuq kellu jiġi interpretat b’tali mod li l-indikazzjoni tal-indirizz tal-posta elettronika tkun suffiċjenti biex tikkostitwixxi attività “immexxija [immirata]”, tkun tista’ tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fir-rigward tas-siti kollha tal-internet abbażi ta’ dak l-artikolu, peress li huwa obbligatorju li jiġi indikat l-indirizz tal-posta elettronika skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (12). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (13), fejn issir distinzjoni bejn bejgħ “attiv” u “passiv”, ma humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

30.      Il-Kummissjoni tenfasizza, barra minn hekk, li l-qorti nazzjonali trid tiddeċiedi fil-mertu dwar il-kwistjoni jekk l-attività tan-negozjant hijiex “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każijiet individwali. Fost l-oħrajn, huma importanti dawn iċ-ċirkustanzi: i) in-natura tal-attività imprenditorjali u l-mod ta’ pubblikazzjoni tas-sit internet (14), ii) l-indikazzjoni tan-numru tat-telefon bil-prefiss internazzjonali, iii) il-link għall-programm li jipprovdi direzzjonijiet tat-toroq u iv) l-eżistenza tal-opzjoni “fittex/irriżerva”, li permezz tagħha wieħed jista’ jikkontrolla d-disponibbiltà ta’ kmamar f’perijodu partikolari.

31.      Skont Hotel Alpenhof, il-Gvern Lussemburgiż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Brittaniku, il-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’.

32.      Hotel Alpenhof issostni li fl-attivitajiet tagħha wieħed ma jistax jikkonċepixxi attività “immexxija [immirata]” għal Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 u tippreċiża li s-sit tagħha ma huwiex interattiv u li b’hekk, permezz tiegħu, ma huwiex possibbli li wieħed jagħmel riżervazzjoni diretta. Hija ssostni li huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tal-internet, li ma tippermettix li l-informazzjoni tiġi llimitata għat-territorju tal-Awstrija.

33.      Il-Gvern Lussemburgiż jiġbed l-attenzjoni għall-periklu li jista’ jinħoloq minn interpretazzjoni wiesa’ tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. B’interpretazzjoni wiesa’ jintlaħaq punt li l-eżistenza ta’ kawżi potenzjali fl-Istati Membri kollha tiskoraġġixxi lill-impriżi milli joffru prodotti u servizzi fis-suq komuni, bil-konsegwenza li jkun hemm diffikultà kbira biex jiġu eżerċitati l-libertajiet fundamentali. Kieku f’każijiet bħal dawn l-impriżi kellhom jindikaw espressament li l-prodotti jew is-servizzi tagħhom ma humiex immirati għal konsumaturi ddomiċiljati f’ċerti Stati Membri, dan iwassal għal diskriminazzjoni fl-offerta fuq bażi territorjali u tfarrik tas-suq komuni. In-neċessità li jiġi indikat espressament lil liema konsumaturi ta’ liema Stati Membri hija indirizzata l-offerta ta’ prodotti jew servizzi tmur kontra l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern(15), li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn id-destinatarji ta’ servizzi abbażi taċ-ċittadinanza jew id-domiċilju. Skont il-Gvern Lussemburgiż, huwa neċessarju li tiġi llimitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-każijiet partikolari fejn l-impriżi jistiednu attivament, selettivament u espressament lil konsumatur partikolari jew lill-konsumaturi inġenerali. Il-preżenza fuq l-internet, l-aċċessibbiltà tal-offerta u l-possibbiltà li jiġu konklużi tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan is-suq intern fuq sit internet ma jirrappreżentawx tali każ partikolari.

34.      Il-Gvern Olandiż jenfasizza li fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jeħtieġ li jinkiseb bilanċ bejn l-interess tal-konsumatur, li jixtieq li tiġi rikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tiegħu, u l-interess tan-negozjant, li huwa li ma tiġix rikonoxxuta l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti, ħlief jekk ma jkunx iddeċieda konsapevolment li jimmira u li jwettaq l-attività tiegħu wkoll f’dak l-Istat Membru. Skont il-Gvern Olandiż, biex tiġi ddefinita l-attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tal-konsumatur iridu jiġu kkunsidrati dawn il-kriterji: i) il-ħolqien ta’ sit internet interattiv minflok sit passiv, fejn jintwera l-indirizz tal-posta elettronika tan-negozjant, ii) li jintbagħat messaġġ bil-posta elettronika lill-konsumatur, li jinfurmah dwar l-eżistenza tas-sit tan-negozjant, iii) l-impożizzjoni ta’ spejjeż ulterjuri fuq konsumaturi ta’ ċerti Stati Membri, bħal pereżempju spejjeż ta’ pustaġġ, iv) il-kisba ta’ marka ta’ kwalità, li tintuża f’ċerti Stati Membri, v) l-indikazzjoni tal-itinerarju minn ċertu Stat Membru sal-post fejn in-negozjant jeżerċita l-attività tiegħu, u vi) l-indikazzjoni tan-numru tat-telefon ta’ assistenza għall-konsumaturi barranin. Skont il-Gvern Olandiż, il-qorti nazzjonali trid tiddeċiedi għal kull każ individwali jekk in-negozjant jimmirax l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

35.      Il-Gvern Olandiż isostni li l-użu ta’ lingwa waħda, ta’ munita waħda jew il-ħolqien ta’ diversi siti internet b’dominji differenti (pereżempju “.nl” jew “.co.uk”) ma humiex kriterji rilevanti.

36.      Il-Gvern Brittaniku jindika l-kriterji li, fil-fehma tiegħu, għandhom jiġu applikati biex jiġi evalwat jekk ikunx hemm attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur u preċiżament: i) l-użu ta’ siti internet biex jiġu ppubblikati riklami indirizzati lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, jew inkella jekk jiġu ċċitati espliċitament ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, pereżempju billi jiġu jiġu ppubblikati l-opinjonijiet ta’ utenti ta’ prodotti jew servizzi, ii) il-ħlas lil search engines sabiex is-sit internet tal-impriża jidher fost il-links fi Stati partikolari, u iii) il-fatt li s-siti internet jiġu indirizzati lil konsumaturi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn, permezz ta’ portals trans-Ewropej; f’dan il-każ il-konsumaturi normalment iridu jindikaw il-post ta’ residenza u abbażi ta’ dan jiġu indirizzati għas-sit internet relattiv.

C –    Rwol tan-negozjant (kawża Pammer)

37.      Peress li P. Pammer irriżerva l-vjaġġ permezz ta’ intermedjarju, uħud mill-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet dwar il-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar. Il-Gvern Ċek, il-Gvern Lussemburgiż, il-gvern Awstrijakk u l-Gvern Pollakk isostnu li ma huwiex rilevanti l-fatt jekk is-sit internet huwiex amministrat min-negozjant jew mill-istess intermedjarju. Il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni tal-kuntratt permezz ta’ intermedjarju ma tostakolax l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, jekk l-intermedjarju aġixxa f’isem in-negozjant, li min-naħa tiegħu approva l-konklużjoni tal-kuntratt mal-konsumatur.

VI – Kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali

A –    Introduzzjoni

38.      Iż-żewġ kawżi li qed jiġu eżaminati jqajmu żewġ kwistjonijiet ġuridiċi. Minn naħa waħda, fil-kawża Pammer tqum il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-konsumatur, effettivament, iffirma kuntratt għal vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija lejn il-Lvant Imbiegħed, li ma kienx jinkludi biss it-trasport, iżda wkoll l-akkomodazzjoni, għalkemm tqum il-kwistjoni jekk dan jistax jiġi assimilat ma’ kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.

39.      Min-naħa l-oħra, fiż-żewġ kawżi, Pammer u Hotel Alpenhof, tqum il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Fiż-żewġ kawżi li qed jiġu eżaminati, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba biex tinterpreta għall-ewwel darba dan l-artikolu, li kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet twal matul il-proċess leġiżlattiv u, suċċessivament, fil-kuntest kummerċjali u fid-duttrina, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”.

40.      F’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina qabelxejn il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, li titqajjem biss fil-kawża Pammer, u sussegwentement il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

B –    Kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni (l-ewwel domanda preliminari fil-kawża Pammer)

41.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari fil-kawża Pammer il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kuntratt dwar l-organizzazzjoni ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, bħal dak li huwa s-suġġett f’din il-kawża, jirrappreżentax kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Mis-soluzzjoni ta’ dik il-kwistjoni jidderivaw konsegwenzi importanti għall-konsumatur, peress li skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi ma japplikawx għal kuntratti ta’ trasport, ħlief għal dawk li għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda preliminari hija fl-affermattiv, meta titqies l-interpretazzjoni letterali u teleoloġika tal-imsemmi artikolu.

42.      Abbażi ta’ interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, diġà jista’ jiġi konkluż li kuntratt dwar l-organizzazzjoni ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, bħal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, huwa kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent irriżerva vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija minn Trieste għal-Lvant Imbiegħed, li ma jinkludix biss it-trasport, iżda wkoll l-akkomodazzjoni, bil-ħlas ta’ prezz inklussiv għas-servizz sħiħ.

43.      Fil-fehma tiegħi, wieħed jista’ jasal għall-istess riżultat anki permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika tal-istess artikolu. L-għan tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jeskludi d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi fil-każ ta’ kuntratti li s-suġġett prinċipali tagħhom ikun it-trasport. Il-konsumatur f’din il-kawża madankollu ma kkonkludiex kuntratt bil-għan li jmur bil-bastiment tat-tagħbija sal-Lvant Imbiegħed u jiġi lura, iżda bil-għan li jgħix – bħala osservatur, jew turista – l-esperjenza tal-bastiment tat-tagħbija (il-ħajja ta’ kuljum, it-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija) u li jżur il-postijiet fejn jirmiġġa l-bastiment. L-organizzatur tal-vjaġġ, barra minn hekk, ma huwiex responsabbli biss għall-kwalità tat-trasport, iżda wkoll għall-kwalità tal-akkomodazzjoni.

44.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari fil-kawża Pammer hija li kuntratt dwar l-organizzazzjoni ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, bħal dak f’din il-kawża, huwa kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

45.      Minkejja li diġà ngħatat risposta għall-imsemmija domanda preliminari abbażi ta’ interpretazzjoni letterali u teleoloġika, madankollu jidhirli li huwa neċessarju li jiġi eżaminat iktar fil-fond l-argument ta’ wħud mill-partijiet f’din il-kawża, li jgħid li l-kunċett ta’ “kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni”, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat bħall-kunċett ta’ “pakkett” skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 (16). Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314, “pakkett” ifisser t-tagħqid irranġat minn qabel ta’ mhux inqas minn tnejn minn dawn iż-żewġ elementi li ġejjin meta jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ bi prezz inklużiv u meta s-servizz ikopri perijodu ta’ iktar minn erbgħa u għoxrin siegħa jew jinkludi akkomodazzjoni ta’ bil-lejl: a) it-trasport, b) l-akkomodazzjoni, c) servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew l-akkomodazzjoni u li jammontaw għal parti sinjifikattiva tal-pakkett. Biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-interpretazzjoni identika, huwa neċessarju li nitilqu mid-dokumenti preparatorji tar-Regolament Nru 44/2001 u mill-kuntest iktar wiesa’ tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fejn jinstab ukoll dak il-kunċett.

46.      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni” jeħtieġ fl-ewwel lok li tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni tal-proposta tar-Regolament Nru 44/2001, fejn il-Kummissjoni ddefinixxiet espressament il-“kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni” bħala kuntratti li jirrigwardaw “pakkett”, b’referenza għad-Direttiva 90/314 (17). Il-motivazzjoni tal-proposta tar-Regolament Nru 44/2001 b’hekk tippreċiża li l-kunċett ta’ “kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni” għandu jiġi interpretat b’mod li jaqbel mal-kunċett ta’ “pakkett” fis-sens tad-Direttiva 90/314.

47.      Fl-ambitu ta’ kuntest regolatorju iktar wiesa’ tal-Unjoni, għandha tiġi kkunsidrata l-analoġija mal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”) (18) jew mar-Regolament Ruma I, li ssostitwixxa l-konvenzjoni. Fir-realtà, fl-Artikolu 5(5) il-Konvenzjoni ta’ Ruma kienet tipprevedi l-istess eċċezzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001. L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li kien jirregola l-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, fil-paragrafu 5 kien jipprovdi li dik ir-regola partikolari kienet tapplika għall-kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni, minkejja li l-kuntratti ta’ trasport konklużi fis-sens tal-Artikolu 14(4)(a) kienu esklużi minn dik ir-regola partikolari. L-użu tal-istess terminoloġija fil-Konvenzjoni ta’ Ruma u suċċessivament fir-Regolament Nru 44/2001 mingħajr dubju jindika li, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li l-kunċett ta’ “kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni” kellu jiġi interpretat bl-istess mod għaż-żewġ dispożizzjonijiet (19).

48.      Tali rekwiżit ta’ interpretazzjoni identika baqa’ japplika anki wara l-approvazzjoni tar-Regolament Ruma I. Dan tal-aħħar, fl-Artikolu 6(4)(b) jipprovdi li d-dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi ma japplikawx għal kuntratti ta’ trasport differenti mill-kuntratti li jirrigwardaw vjaġġ kollox “kompriż” [inkluż] fis-sens tad-Direttiva 90/314. Ir-Regolament Ruma I b’hekk jirrappreżenta pass ’il quddiem mir-Regolament Nru 44/2001, li ġie approvat qabel, fejn id-Direttiva 90/314 ma tissemmiex. Madankollu, f’dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati żewġ prinċipji tal-interpretazzjoni. Minn naħa waħda, għandha tinżamm il-kontinwità tal-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Ruma u r-Regolament Ruma I. Għalkemm ir-Regolament Ruma I jirreferi espressament għad‑Direttiva 90/314, it-tnejn għandhom jiġu interpretati bl-istess mod, peress li fil-mument meta ġiet iffirmata l-Konvenzjoni ta’ Ruma d-Direttiva 90/314 kienet għadha ma ġietx approvata. Min-naħa l-oħra, trid titqies il-ħtieġa li r-Regolament Nru 44/2001 u r-Regolament Ruma I jiġu interpretati bl-istess mod. Il-kunċett ta’ kuntratti ta’ trasport li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi għandu jiġi interpretat bl-istess mod fiż-żewġ dispożizzjonijiet. Il‑premessa 7 tar-Regolament Ruma I fil-fatt tipprovdi li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament stess għandhom ikunu koerenti mar-Regolament Nru 44/2001.

49.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “kuntratti li, għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod li jaqbel mal-kunċett ta’ “pakkett” taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 (20).

50.      Indipendentement mill-kwistjoni tal-interpretazzjoni identika ta’ dawn iż-żewġ kunċetti – kif diġà ġie indikat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet – ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari fil-kawża Pammer hija li l-kuntratt dwar l-organizzazzjoni ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, bħal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, huwa kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

C –    Attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur (it-tieni domanda preliminari fil-kawża Pammer; domanda preliminari fil-kawża Hotel Alpenhof)

51.      Permezz tat-tieni domanda preliminari fil-kawża Pammer, u permezz tad-domanda preliminari fil-kawża Hotel Alpenhof, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk biex tiġi mmirata l-attività fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex suffiċjenti li s-sit internet tal-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali u li permezz tiegħu l-konsumatur jikkonkludi kuntratt ikun aċċessibbli permezz tal-internet fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Dan huwa marbut mal-kwistjoni dwar kemm għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett li jinsab fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li jistipula li n-negozjant jimmira l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew għal għadd ta’ Stati, inkluż dak l-Istat Membru. Fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku huwa essenzjali li jiġi aċċertat abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi stabbilit il-limitu għas-siti internet li lil hinn minnu n-negozjant jitqies li jimmira l-attività għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur u l-limitu li lil hinn minnu ma jimmirax l-attività tiegħu għal dak l-Istat Membru.

52.      Qabel ma nanalizza din id-domanda preliminari, ser nevalwa liema kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

1.      Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

53.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 iridu jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet.

a)      Konklużjoni ta’ kuntratt

54.      L-ewwel kundizzjoni hija li jiġi konkluż kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant. Minn naħa waħda, dan diġà jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li japplika “[f]’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż [...] [mill]-konsumatur” (21). Min-naħa l-oħra, dan jirriżulta wkoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ilsinger (22), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 japplika biss jekk il-kawża inkwistjoni tkun tirrigwarda kuntratt konkluż bejn konsumatur u negozjant (23). Il-kundizzjoni għall-konklużjoni tal-kuntratt fl-ambitu ta’ dan l-artikolu huwa li l-partijiet, abbażi tal-offerta u l-aċċettazzjoni tagħha, jaslu għal ftehim permezz tal-istipulazzjoni ta’ kuntratt (24). Barra minn hekk, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ilsinger, f’dan il-każ ma huwiex neċessarju li jkun hemm kuntratt sinallagmatiku (25).

55.      B’referiment għall-kundizzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt, jeħtieġ li tiġi analizzata wkoll il-kwistjoni jekk biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kuntratt għandux jiġi konkluż mill-bogħod. Għalkemm il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod tissemma b’referiment għall-applikazzjoni ta’ tali artikolu fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (26) kif ukoll fil-premessa 24 tar-Regolament Ruma I, li tiġbor fil-qosor tali dikjarazzjoni konġunta (27), l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jipprovdix għal din il-kundizzjoni. Jiena tal-fehma li tali kundizzjoni, b’mod speċjali f’kawżi bħal dawn li għandna quddiemna, tippreżenta xi problemi (28). Il-konsumatur jista’, pereżempju, iwettaq mill-bogħod biss ir-riżervazzjoni għas-servizzi tal-lukanda jew turistiċi waqt li mbagħad jikkonkludi l-kuntratt fil-post fejn igawdi s-servizzi. Fil-fehma tiegħi, anki f’dan il-każ il-ġurisprudenza għandha tiġi stabbilita fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

56.      B’referiment għal dawn iż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju b’hekk ser ikollha tistabbilixxi jekk hijiex sodisfatta l-kundizzjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 (29).

b)      Konklużjoni min-naħa tal-konsumatur ta’ kuntratt li jaqa’ taħt l-ambitu tal-attività kummerċjali jew professjonali tan-negozjant

57.      It-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 hija li l-kuntratt ikun konkluż bejn konsumatur u persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali (negozjant (30)). Anki b’referiment għal din il-kundizzjoni, il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet taċ-ċirkustanzi fattwali taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 (31).

58.      It-tielet kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 hija li l-kuntratt ikun jaqa’ taħt l-ambitu tal-attività kummerċjali jew professjonali tan-negozjant. Anki d-deċiżjoni dwar din il-kundizzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (32).

c)      Żvolġiment tal-attività fl-Istat Membru tal-konsumatur jew attività “immexxija [immirata]” għal tali Stat Membru

59.      Ir-raba’ kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 hija li n-negozjant jeżerċita attività kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezz, jimmira dik l-attività tiegħu għall-imsemmi Stat Membru jew għal għadd ta’ Stati inkluż dak l-Istat Membru. Il-fatt li tiġi sodisfatta tali kundizzjoni jirrappreżenta l-punt essenzjali tad-domanda preliminari f’dawn il-kawżi u jeħtieġ analiżi ddettaljata, li ser nagħmel iktar ’il quddiem.

2.      Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

60.      Il-punt essenzjali tal-analiżi f’dawn il-kawżi b’hekk huwa li jiġi vverifikat jekk in-negozjant jimmirax l-attività tiegħu għall-Istat Membru fejn jgħix il-konsumatur jew għal għadd ta’ Stati, inkluż dak l-Istat Membru. Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, iridu jiġu kkunsidrati diversi elementi. Fl-ewwel lok, permezz ta’ diversi metodi interpretattivi għandu jiġi stabbilit il-grad ta’ kemm għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ dak il-kunċett, u għaldaqstant għandu jiġi stabbilit liema kriterji huma relevanti biex jiġi deċiż jekk permezz ta’ sit internet in-negozjant jimmiraw l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

61.      Fl-ambitu tal-analiżi tal-grad ta’ kemm għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, jeħtieġ li jiġu evalwati prinċipalment żewġ kwistjonijiet. Minn naħa waħda, huwa neċessarju li tiġi riżolta l-kwistjoni jekk is-sempliċi aċċessibbiltà għas-sit internet hijiex suffiċjenti biex l-attività tkun immirata fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat jekk fl-interpretazzjoni ta’ tali kunċett huwiex neċessarju li ssir distinzjoni bejn l-hekk imsejħa siti interattivi u passivi. Is-siti internet interattivi jippermettu l-konklużjoni diretta tal-kuntratt permezz tas-sit, waqt li s-siti passivi ma jippermettux li jsir dan (33).

a)      Interpretazzjoni letterali, teleoloġika, storika u sistematika tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

62.      Ir-Regolament Nru 44/2001 ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tifsira u l-portata ta’ termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt Komunitarju għandhom jiġu stabbiliti skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (34). Meta jitqiesu din il-ġurisprudenza stabbilita u l-osservazzjonijiet tal-partijiet f’din il-kawża, fil-fehma tiegħi għandna nibbażaw fuq erba’ elementi għall-finijiet tal-interpretazzjoni: fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni letterali, jiġifieri t-tifsira komuni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”; fit-tieni lok, l-interpretazzjoni teleoloġika; fit-tielet lok, l-interpretazzjoni storika; u, fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni sistematika ta’ tali kunċett.

63.      Abbażi tal-interpretazzjoni letterali wieħed jista’ jistabbilixxi li l-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” għal Stat Membru jew għadd ta’ Stati jimplika li n-negozjant jopera b’mod attiv sabiex il-konsumaturi minn dak jew dawk l-Istati Membri jikkonkludu kuntratti miegħu (35). Għaldaqstant huwa neċessarju li n-negozjant jeżerċita attività li l-għan u r-riżultat tagħha jkunu li jiġu attirati klijenti minn Stati Membri oħrajn (36). L-interpretazzjoni li tgħid li, sakemm l-attività tkun “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, ikun biżżejjed is-sempliċi aċċess għas-sit internet f’dak l-Istat, fil-fatt tneħħi kull sinjifikat tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”. Mit-tifsira komuni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” b’hekk jista’ jiġi dedott li s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit permezz tal-internet ma hijiex biżżejjed biex ikun hemm attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Fl-istess ħin, mill-interpretazzjoni letterali ma jirriżultawx elementi li jappoġġaw l-argument li, fl-interpretazzjoni ta’ tali kunċett, trid issir distinzjoni bejn is-siti internet interattivi u dawk passivi, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu ma jindikawx it-tipi differenti ta’ siti internet.

64.      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”, huwa neċessarju, kif jenfasizza ġustament il-Gvern Olandiż, li jiġi bbilanċjat l-interess tal-konsumatur, li jixtieq li jkollha ġurisdizzjoni l-qorti tad-domiċilju tiegħu, u l-interess tan-negozjant, li jopponi l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti, jekk ma jkunx iddeċieda konsapevolment li jimmira l-attività tiegħu jew li jeżerċitaha wkoll f’dak l-Istat Membru. L-għan ta’ tali artikolu b’hekk huwa li jiġi żgurat li l-konsumatur ikollu drittijiet speċjali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni, meta l-kuntratt konkluż mill-konsumatur ikun jirrappreżenta konnessjoni suffiċjenti mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur stess. Fl-istess ħin, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu huwa neċessarju li n-negozjant ikun jista’ jevita l-possibbiltà li jfittex jew jiġi mfittex fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, f’każ fejn l-attività tiegħu ma tkunx immirata għall-Istat Membru tal-konsumatur u b’hekk ma jkunx hemm konnessjoni suffiċjenti ma’ dak l-Istat. Kieku l-leġiżlatur ried jistabbilixxi li l-ġurisdizzjoni tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet partikolari għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi minħabba s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit permezz tal-internet, ma kienx jieħu f’kunsiderazzjoni, bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, l-azzjoni li l-attività tkun immirata, iżda kienet tkun biżżejjed is-sempliċi eżistenza tas-sit internet (37). Għaldaqstant, abbażi tal-interpretazzjoni teleoloġika naslu għall-konklużjoni li s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit permezz tal-internet ma hijiex suffiċjenti biex ikun hemm attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

65.      Barra minn hekk, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni teleoloġika tmur kontra d-distinzjoni li ssir bejn siti internet interattivi u dawk passivi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa waħda, peress li l-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” ma għandux jiddependi mill-mezz tekniku użat għall-konklużjoni tal-kuntratt  (38), u min-naħa l-oħra, għaliex fil-prattika huwa diffiċli biex jiġu stabbiliti l-konfini bejn siti internet interattivi u dawk passivi (39).

66.      Mill-interpretazzjoni storika jirriżulta li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa d-dispożizzjoni tal-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li kien japplika għal kuntratti li s-suġġett tagħhom ikun il-forniment ta’ servizzi jew beni mobbli materjali, jekk il-konklużjoni tal-kuntratt kienet preċeduta minn proposta speċifika jew minn reklamar fl-Istat fejn il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu u jekk il-konsumatur ikun wettaq f’dak l-Istat l-atti kollha meħtieġa għall-konklużjoni tal-kuntratt. L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ġie emendat meta mqabbel mal-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell bil-għan li tingħata protezzjoni ikbar lill-konsumaturi fir-rigward tal-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku (40). Meta mqabbel mal-imsemmi artikolu tal-konvenzjoni, dan l-artikolu tar-regolament huwa fformulat b’mod iktar wiesa’, peress li jirreferi mhux biss għall-kuntratti ta’ prestazzjoni ta’ servizzi u ta’ forniment ta’ prodotti, iżda għall-kuntratti kollha, waqt li fl-istess ħin jelimina l-kundizzjoni li l-konsumatur irid iwettaq l-atti meħtieġa għall-konklużjoni tal-kuntratt fl-Istat Membru fejn ikun residenti. Xi drabi huwa diffiċli biex jiġi stabbilit il-post fejn ikunu seħħew il-fatti, b’mod speċjali fil-każ ta’ kuntratti konklużi permezz tal-internet. Biex tiġi stabbilita l-konnessjoni bejn il-kuntratt u l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur, b’hekk huwa fundamentali li n-negozjant jeżerċita l-attività tiegħu fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur jew inkella li jimmira l-attività tiegħu għal dak l-Istat. B’hekk il-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, minbarra l-forom tradizzjonali ta’ promozzjoni tal-attività tan-negozjant fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, li kienu diġà inklużi fl-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (41), jinkludi wkoll l-attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tal-konsumatur permezz ta’ siti internet (42).

67.      Għalkemm l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ġie emendat biex jinkludi l-kuntratti konklużi fl-ambitu tal-kummerċ elettroniku, mill-interpretazzjoni storika wieħed ma jistax jasal b’mod inekwivoku għat-tifsira u l-portata tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” permezz ta’ siti internet. Fir-realtà, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 kienu kontroversjali sa mill-mument meta ġie adottat l-istess regolament u l-istituzzjonijiet ma rnexxilhomx jaqblu dwar il-portata li għandha tingħata lill-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”. Barra minn hekk, kien hemm reazzjoni negattiva għal dak il-kunċett l-iktar mis-settur kummerċjali, b’mod partikolari minħabba l-biża’ li interpretazzjoni wisq wiesgħa tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi ta’ daqs żgħir u medju milli jużaw l-internet biex jippubblikaw jew jippromwovu l-attivitajiet tagħhom (43).

68.      Fil-proposta inizjali tar-regolament (44), it-test tal-Artikolu 15(1)(ċ) kien identiku għal dak tar-regolament attwalment fis-seħħ. Fil-motivazzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni tippreċiża li l-kunċett ta’ żvolġiment jew ta’ immirar tal-attività għal Stat Membru jintuża sabiex tali artikolu jiġi applikat għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi permezz ta’ sit internet interattiv aċċessibbli fl-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur (45). Barra minn hekk fil-motivazzjoni huwa ddikjarat li s-sempliċi fatt li l-konsumatur ikun sar jaf b’servizz jew bil-possibbiltà li jakkwista prodott permezz ta’ sit internet passiv, aċċessibbli fl-Istat tad-domiċilju tiegħu, ma huwiex suffiċjenti biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni abbażi ta’ dak l-artikolu (46). Mill-motivazzjoni tal-proposta tar-regolament b’hekk jista’ jiġi dedott li l-konfini bejn is-siti internet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” u dawk li ma jaqgħux taħt tali kunċett hija l-interattività tas-sit internet, jiġifieri l-fatt li jkun possibbli li l-kuntratt jiġi konkluż direttament fuq is-sit internet.

69.      Matul il-proċedura leġiżlattiva l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali pprova jżomm il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, waqt li l-Parlament Ewropew ippropona definizzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”, li abbażi tagħha n-negozjant kien ikollu jimmira intenzjonalment l-attività tiegħu b’mod sinjifikattiv għal Stat Membru ieħor(47), u l-qorti nazzjonali, meta tkun qed tevalwa jekk in-negozjant immirax l-attività tiegħu b’dak il-mod, kien ikollha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inklużi t-tentattivi kollha tan-negozjant li jimpedixxi l-konklużjoni ta’ kuntratti ma’ konsumaturi ddomiċiljati fi Stati Membri partikolari(48). Il-Kummissjoni ma adottatx din id-definizzjoni fil-proposta modifikata tar-regolament (49).

70.      Minħabba n-nuqqas ta’ qbil numeruż u n-nuqqas ta’ ċarezza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, wara l-approvazzjoni tar-regolament stess, il-Parlament u l-Kummissjoni ħarġu dikjarazzjoni konġunta, fejn speċifikaw li s-sempliċi aċċessibbiltà ta’ sit partikolari tal-internet ma hijiex suffiċjenti għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-Artikolu 15, iżda jeħtieġ li l-istess sit jistieden il-konklużjonijiet ta’ kuntratti mill-bogħod u li effettivament ikun ġie konkluż kuntratt mill-bogħod, bi kwalunkwe mezz. F’dan il-kuntest, il-lingwa jew il-munita karatteristika tas-sit tal-internet ma tikkostitwixxix element rilevanti (50).

71.      Anki abbażi tal-interpretazzjoni storika tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 wieħed jista’ jikkonkludi li s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur ma hijiex biżżejjed biex ikun hemm attività “immexxija [immirata]” għal tali Stat Membru. L-interpretazzjoni storika hija inqas ċara fir-rigward tad-distinzjoni bejn is-siti internet interattivi u dawk passivi.

72.      Fl-ambitu tal-interpretazzjoni sistematika għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mar-Regolament Ruma I (51). Il-premessa 7 tar-Regolament Ruma I effettivament tipprovdi li “[l]-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 […]”. Għaldaqstant, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja trid toqgħod attenta li tali kunċett ma jiġix interpretat b’mod li jmur kontra s-sens u l-għan tar-Regolament Ruma I.

73.      Il-premessa 24 tar-Regolament Ruma I tipprovdi li għall-finijiet ta’ koerenza mar-Regolament Nru 44/2001 għandha “ssir referenza għall-kunċett ta’ ‘attività indirizzata’ bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur” u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett jiġi interpretat b’armonija fir-Regolament Nru 44/2001 u f’dan ir-Regolament, fid-dawl ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 li tispeċifika li “sabiex l-Artikolu 15(1)(c) ikun applikabbli, mhuwiex suffiċjenti għal intrapriża li timmira l-attivitajiet tagħha għall-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur […]; għandu jkun hemm ukoll kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha”. Id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li “s-sempliċi fatt li sit internet ikun aċċessibbli mhuwiex suffiċjenti sabiex l-Artikolu 15 ikun applikabbli, għalkemm ikun fattur li dan is-sit internet iħajjar il-konklużjoni ta' kuntratti minn distanza u li kuntratt ġie effettivament konkluż minn distanza, bi kwalunkwe mezz. F’dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata f’dan is-sit internet ma tikkostitwixxix fattur rilevanti”. Min din il-premessa jirriżulta b’mod ċar li s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit permezz tal-internet ma hijiex suffiċjenti għall-applikabbiltà tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, tali premessa ma tipprovdix id-distinzjoni bejn is-siti internet interattivi u dawk passivi, u għalhekk huwa possibbli li wieħed jikkonkludi li n-negozjant jimmira l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur permezz taż-żewġ tipi ta’ siti internet (52).

74.      Mill-interpretazzjoni letterali, teleoloġika, storika u sistematika tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-fehma tiegħi jistgħu jiġu dderivati żewġ konklużjonijiet. Minn naħa waħda, huwa possibbli li jiġi stabbilit b’mod ċar li s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur ma hijiex suffiċjenti biex jiġi affermat li attività hija “immexxija [immirata]” għal tali Stat fis-sens ta’ tali artikolu (53). Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li jiġi stabbilit – ħlief fuq il-bażi tal-interpretazzjoni storika – li meta jkun qed jiġi evalwat jekk hemmx attività “immexxija [immirata]” fis-sens ta’ dak l-artikolu, ma għandux ikun determinanti l-fatt jekk is-sit internet huwiex interattiv jew passiv (54).

75.      Iktar ’il quddiem ser niddefinixxi l-kriterji biex jiġi stabbilit meta n-negozjant jimmira l-attività tiegħu, permezz tas-sit internet tiegħu, għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

b)      Kriterji biex jiġi stabbilit jekk in-negozjant jimmirax l-attività tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001

76.      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” ma huwiex daqstant wiesa’ li jinkludi s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet, iżda huwa possibbli li l-attività tkun immirata permezz ta’ siti internet kemm interattivi kif ukoll passivi. Id-delimitazzjoni tal-konfini bejn is-siti li permezz tagħhom in-negozjant jimmira l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur u dawk li permezz tagħhom in-negozjant ma jimmirax l-attività tiegħu, għandha tiġi stabbilita għal kull każ individwali, wara li jkun ġew evalwati ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha. Dik l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali għal kull każ individwali (55), waqt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħtiha b’mod ċar il-kriterji li abbażi tagħhom tkun tista’ tiddeċiedi jekk in-negozjant jimmirax jew le l-attività tiegħu għall-Istat Membru fejn ikun residenti l-konsumatur.

77.      Fil-fehma tiegħi, biex jiġi deċiż jekk in-negozjant jimmirax l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur huma rilevanti diversi kriterji.

78.      Fl-ewwel lok għandu jiġi evalwat il-kontenut tas-sit internet, kif kien fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Għandu jiġi evalwat jekk mis-sit jirriżultax b’mod evidenti li n-negozjant jopera konxjament biex jikkonkludi kuntratti mill-bogħod ma’ konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn u jekk jistidinhomx u jħeġġiġhomx biex jikkonkludu kuntratti mill-bogħod. F’dak is-sens hija rilevanti, pereżempju, l-informazzjoni mogħtija fuq is-sit internet: l-indikazzjoni tal-prefiss telefoniku internazzjonali ma’ ġenb in-numru telefon jew tal-faks tiegħu, jew l-indikazzjoni ta’ numru ddedikat għall-assistenza u għall-informazzjoni għall-konsumaturi barranin (56); l-indikazzjoni tar-rotta li għandha tittieħed sabiex wieħed jasal minn Stati Membri oħrajn fil-post fejn in-negozjant jeżerċita l-attività tiegħu (bħal, pereżempju, direzzjonijiet tat-toroq, konnessjonijiet bil-ferroviji internazzjonali, indikazzjoni tal-ajruporti l-iktar fil-qrib); il-possibbiltà li tiġi kkontrollata d-disponibbiltà ta’ prodotti fl-imħażen jew il-possibbiltà li jingħata servizz (57); il-possibbiltà għal konsumatur ta’ Stat Membru ieħor li jabbona għal newsletter dwar is-servizzi jew il-prodotti offruti min-negozjant. Fuq is-siti internet interattivi hija rilevanti f’dan is-sens, pereżempju, anki l-possibbiltà li, meta jdaħħal l-indirizz tiegħu biex jikkonkludi l-kuntratt, il-konsumatur jagħżel minn fost diversi Stati Membri l-Istat Membru fejn ikun domiċiljat.

79.      Għall-kuntrarju – kif tippreċiża korrettament il-Kummissjoni – is-sempliċi indikazzjoni tal-indirizz tal-posta elettronika fuq is-sit internet ma hijiex biżżejjed biex ikun hemm attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. L-indikazzjoni tal-indirizz tal-posta elettronika hija fil-fatt neċessarja fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. Anki l-indikazzjoni ta’ dettalji oħrajn li jippermettu li jiġi kkuntattjat malajr il-fornitur u li ssir komunikazzjoni diretta u effikaċi miegħu ma tikkostitwixxix fiha nfisha attività “immexxija [immirata]” għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, peress li dawn ukoll huma dettalji obbligatorji (58). Kieku dawn l-indikazzjonijiet kienu minnhom infushom biżżejjed biex jikkostitwixxu attività “immexxija [immirata]”, fir-realtà is-siti internet kollha jaqgħu taħt din il-kategorija, li jmur kontra l-għan tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

80.      Barra minn hekk, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-attività kummerċjali mwettqa qabel ma’ konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn. Huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk in-negozjant ikunx diġà kkonkluda qabel kuntratti ma’ konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn (59). Fl-ambitu ta’ tali kriterju, ovvjament tqum id-domanda dwar kemm klijenti, jew x’perċentwal ta’ klijenti (konsumaturi), irid ikollu n-negozjant f’ċerti Stati Membri sabiex ikun hemm attività “immexxija [immirata]” għal dan l-Istat Membru. Jiena tal-fehma li dan jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ. Jekk in-negozjant tradizzjonalment jikkonkludi kuntratti mill-bogħod ma’ konsumaturi ta’ Stat Membru, mingħajr dubju huwa jimmira l-attività tiegħu għal tali Stat Membru. Ir-risposta li għandha tingħata għal din il-kwistjoni hija iktar diffiċli jekk in-negozjant ikun ikkonkluda kuntratt ma’ konsumatur wieħed biss ta’ Stat Membru ieħor. Il-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ konsumatur wieħed biss ta’ Stat Membru, fiha nfisha u indipendentement minn kriterji oħrajn, bħala regola ma hijiex suffiċjenti biex tikkostitwixxi attività “immexxija [immirata]” għal tali Stat Membru (60). Kieku l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 kellu jiġi interpretat b’tali mod li l-attività “immexxija [immirata]” tkun tfisser biss il-konklużjoni ta’ kuntratt (61), jintilef is-sinjifikat tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]”, li jippresupponi impenn attiv min-negozjant biex jikkonkludi kuntratti mal-konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn. Madankollu, jekk kriterji oħrajn jikkonfermaw li l-attività hija “immexxija [immirata]” għal Stat Membru, wieħed jista’ jargumenta li n-negozjant, fl-għarfien li qed jikkonkludi kuntratt ma’ konsumatur ta’ Stat Membru ieħor, ikun wera d-disponibilità li jimmira l-attività tiegħu anki għall-Istat Membru fejn ikun domiċiljat tali konsumatur.

81.      Fir-rigward tal-lingwa li biha jkun miktub is-sit, fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 (62), li hija sintetizzata fil-premessa 24 tar-Regolament Ruma I, huwa sostnut li l-lingwa użata fis-sit internet ma tikkostitwixxix element relevanti. Minkejja dan, wieħed jista’ jargumenta li l-lingwa hija madankollu, f’ċerti każijiet limitati, indikazzjoni ta’ attività “immexxija [immirata]” għal Stat Membru jew għadd ta’ Stati Membri. Fil-fehma tiegħi, il-lingwa tista’ tkun kriterju relevanti minn żewġ aspetti.

82.      Minn naħa waħda, jekk is-sit internet ikun miktub biss b’lingwa li ma tkunx mifruxa ħafna u li tkun il-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, dan jista’ jindika li n-negozjant qed jimmira l-attività tiegħu biss għal dak l-Istat Membru (63). Tali kriterju jista’ ċertament ikun problematiku, peress li jqajjem il-kwistjoni jekk tali internet huwiex immirat biss għall-konsumaturi tal-Istat Membru fejn dik il-lingwa tkun il-lingwa uffiċjali jew ukoll għall-persuni li jgħixu fi Stati Membri oħrajn u li jitkellmu dik il-lingwa (64). Madankollu, tista’ tingħata risposta għal dak l-argument bl-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001: skont dak l-artikolu, in-negozjant għandu jimmira l-attività tiegħu għal Stat Membru partikolari u mhux għal grupp partikolari ta’ konsumaturi li jitkellmu lingwa partikolari. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ sit internet miktub f’lingwa li tintuża ħafna (65), jew li hija l-lingwa uffiċjali ta’ għadd ta’ Stati Membri (66), ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit awtomatikament jekk l-attività tan-negozjant hijiex “immexxija [immirata]” wkoll għal Stati Membri oħrajn apparti mill-Istat Membru fejn ikollu l-uffiċċju reġistrat. Anki f’każ bħal dak huwa neċessarju li wieħed jiddeċiedi fuq il-bażi tal-elementi kollha disponibbli.

83.      Min-naħa l-oħra, huwa rilevanti fil-fehma tiegħi li jiġi vverifikat jekk is-sit internet, miktub b’lingwa, jistax jidher b’lingwa oħra. Din iċ-ċirkustanza hija rilevanti, peress li tagħti indikazzjoni li n-negozjant jimmira l-attività tiegħu wkoll għal Stati Membri oħrajn. Bil-possibbiltà li tiġi mmodifikata l-lingwa, fil-fatt, huwa juri konsapevolment l-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratti wkoll mal-konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn (67). 

84.      Barra minn hekk, huwa neċessarju li wieħed jevalwa, jekk l-użu ta’ dominji tal-ogħla livell (top-level domain) ta’ Stat jistax ikun kriterju rilevanti (68). B’differenza mill-Gvern Olandiż, jiena tal-fehma li tali kriterju jista’ jkun rilevanti biex jiġi deċiż jekk in-negozjant jimmirax l-attività tiegħu għal Stat Membru, iżda f’dan il-kuntest għandhom jiġu kkunsidrati żewġ ċirkustanzi. Minn naħa waħda, l-indikazzjoni tad-dominju tal-internet tal-Istat Membru hija indikazzjoni ċara tal-fatt li n-negozjant jimmira l-attività tiegħu għall-Istat Membru li jikkorrispondi għal dak id-dominju. Jekk in-negozjant – bħal pereżempju, l-Internationale Frachtschiffreisen Pfeiffer fil-kawża Pammer – joħloq sit tal-internet bid-dominju “.de”, dan neċessarjament ifisser li huwa jimmira l-attività tiegħu għas-suq Ġermaniż. Min-naħa l-oħra, l-użu tad-dominju tal-internet tal-Istat Membru ma jeskludix li l-attività tkun “immexxija [immirata]” għal Stati Membri oħrajn. Jekk in-negozjant pereżempju joħloq sit tal-internet bid-dominju “.de” u kriterji oħrajn jindikaw b’mod ċar li n-negozjant jimmira l-attività tiegħu wkoll għal Stati Membri oħrajn, wieħed ikollu jikkonkludi li l-attività tiegħu ma hijiex limitata biss għall-Ġermanja.

85.      Il-kriterju tal-indikazzjoni tad-dominju tal-internet tal-Istat Membru huwa, fil-fatt, rilevanti qabel kollox fil-każ fejn negozjant li b’uffiċċju reġistrat fi Stat Membru juża d-dominju ta’ Stat Membru ieħor fejn ma jkollux uffiċċju reġistrat hemmhekk (69). Jekk, pereżempju, in-negozjant b’uffiċċju rreġistrat fir-Renju Unit joħloq sit internet bid-dominju “.es”, ikun evidenti li huwa qed jimmira l-attività tiegħu (ukoll) għas-suq Spanjol. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jitqies ukoll il-fatt li biex jippromwovu l-attività tagħhom xi negozjanti joħolqu diversi siti tal-Internet nazzjonali; spiss il-konsumatur jintbagħat minn sit tal-Internet ġenerali għas-sit internet bid-dominju tal-Istat fejn huwa jkun domiċiljat. F’tali każ, permezz tas-sit internet bid-dominju ta’ Stat Membru, normalment in-negozjant jimmira l-attività tiegħu biss għas-suq tal-Istat Membru li jikkorrispondi għad-dominju; madankollu, huwa neċessarju li jiġi deċiż għal kull każ individwali jekk jimmirax l-attività tiegħu wkoll għal Stati Membri oħrajn.

86.      B’mod simili, l-użu ta’ ismijiet ta’ dominji newtrali fir-rigward tal-pajjiż (70) jista’ jkun indikattiv tal-fatt li n-negozjant ma jimmirax l-attività tiegħu biss għall-Istat Membru fejn jinsab domiċiljat, iżda wkoll għal Stati Membri oħrajn, anki jekk dan ma jkunx suffiċjenti biex wieħed ikun jista’ jikkonkludi li n-negozjant jimmira l-attività tiegħu għall-Istati Membri kollha. Anki f’tali każ, huwa neċessarju li jiġi evalwat il-kontenut tas-sit internet u li jiġi deċiż abbażi tal-kriterji kollha għal liema Stati Membri n-negozjant jimmira l-attività tiegħu.

87.      Għandu jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk biex attività tiġi ddefinita bħala “immexxija [immirata]”, huwiex neċessarju – kif tindika l-Kummissjoni – li jiġi kkunsidrat it-tip ta’ attività mwettqa min-negozjant. Din tal-aħħar, pereżempju, issostni li, fil-każ tal-attività artiġjanali, li tipikament issir f’kuntest lokali, ma jkunx hemm attività “immexxija [immirata]” għall-Istati Membri l-oħrajn. Jiena tal-fehma li dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Indipendentement mit-tip ta’ attività, in-negozjant jista’ jiddeċiedi pereżempju li jbiegħ prodotti (71) jew li jipprovdi servizzi (72) anki lill-konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn. B’hekk, it-tip ta’ attività fil-fehma tiegħi ma għandux ikun determinanti.

88.      Barra minn hekk għandu jiġi evalwat jekk in-negozjant, bis-saħħa tad-diversi possibbiltajiet tekniċi li joffri l-internet, ippruvax jinforma lill-konsumaturi ta’ Stati Membri partikolari dwar l-offerta tiegħu u biex iħeġġiġhom jikkonkludu kuntratti miegħu. F’dan il-kuntest għandhom jissemmew, pereżempju, il-links kummerċjali fuq is-siti internet, li jidhru matul tfittxijiet fuq search engines f’xi Stati Membri jew il-pop‑up windows li jitilgħu meta jinfetaħ sit internet f’xi Stati Membri. Għandu jiġi evalwat, barra minn hekk, jekk in-negozjant ikunx bagħat bil-posta elettronika lill-konsumaturi ta’ Stati Membri partikolari l-link għas-sit tiegħu jew jekk ikunx stedinhom biex jikkonkludu kuntratt mill-bogħod, mingħajr ebda rikjesta f’dan is-sens min-naħa tal-konsumaturi (73). Meta jintbagħat tali messaġġ bil-posta elettronika, fil-fehma tiegħi, ma huwiex rilevanti jekk in-negozjant kienx jaf liema huwa l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Jekk in-negozjant jibgħat posta elettronika mhux mixtieqa, fil-fehma tiegħi għandu jidħol għar-riskju li jiġi mfittex jew li jkollu jfittex lill-konsumatur fi kwalunkwe Stat Membru.

89.      Huwa rilevanti wkoll jekk in-negozjant, li jkollu sit internet, jimmirax l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur permezz ta’ strumenti pubbliċitarji oħrajn: jekk, pereżempju, ikunx irreġistra s-sit tiegħu mar-reġistru tas-siti internet jew jekk ikunx irreklama l-attività tiegħu fl-istampa, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni jew b’mezzi oħrajn. F’tali każ, mingħajr dubju, ma jkunx hemm attività “immexxija [immirata]” permezz tas-sit internet, iżda attività “immexxija [immirata]” b’mezzi oħrajn, iżda – kif diġà enfasizzajt (74) – anki f’każ bħal dak japplika l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

90.      Finalment, nixtieq nenfasizza li dawn il-kriterji ma humiex eżawrjenti u li meta ssir l-evalwazzjoni dwar jekk in-negozjant jimmirax jew le l-attività tiegħu għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, huwa neċessarju li dejjem jiġu kkunsidrati l-kriterji kollha, u mhux biss uħud minnhom.

c)      Kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tal-esklużjoni espressa tal-attività “immexxija [immirata]” għal ċerti Stati Membri

91.      Finalment, għandha tiġi analizzata fil-qosor anki l-kwistjoni jekk in-negozjant jistax jindika espressament fuq is-sit internet tiegħu l-intenzjoni tiegħu li ma jimmirax l-attività tiegħu għal ċerti Stati Membri jew li jimmiraha biss għal Stati Membri partikolari (l-hekk imsejħa disclaimer) (75). Din il-kwistjoni ma tqumx direttament f’dawn il-kawżi, peress li fis-siti internet tan-negozjanti ma kienx hemm dikjarazzjoni ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, ser nindika biss xi direzzjonijiet possibbli għall-eżami ta’ din il-kwistjoni, li hija pjuttost kumplessa.

92.      Fl-ewwel lok, jekk in-negozjant jitħalla jeskludi (jew jikkonferma) impliċitament li l-attività tiegħu hija “immexxija [immirata]” għal ċerti Stati Membri, bil-kundizzjoni li jippreżenta l-kontenut tas-sit internet tiegħu b’ċertu mod, ma narax raġuni għalfejn in-negozjant ma għandux jitħalla wkoll jeskludi (jew jikkonferma) espliċitament li jimmira l-attività tiegħu għal ċerti Stati Membri. F’dan il-kuntest huwa importanti li n-negozjant jaġixxi wkoll fil-fatt b’mod koerenti ma’ dak li huwa indikat fis-sit internet. Jekk in-negozjant jiddikjara fis-sit internet li ma jimmirax l-attività tiegħu għal ċerti Stati Membri u mbagħad, minkejja dan, jikkonkludi kuntratti ma’ konsumaturi ta’ dawk l-Istati Membri, huwa ma jistax jinqeda bid-dikjarazzjoni espliċita li ma jimmirax l-attività tiegħu għal dawk l-Istati Membri.

93.      Fit-tieni lok, jidhirli li huwa wisq restrittiv l-argument li n-negozjanti jrid ikollhom il-possibbiltà li jeskludu espressament l-attività “immexxija [immirata]” għal ċerti Stati Membri b’mod speċjali sabiex ma jiġux imfittxija f’tali Stati Membri, peress li l-possibbiltà li tinfetaħ kawża kontrihom f’dawk l-Istati tiskoraġġihom milli jinvolvu ruħhom fil-kummerċ elettroniku.

94.      Minn naħa waħda, għandu jiġi kkunsidrat li s’issa, fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, diġà ġew adottati ħafna atti regolatorji li jiffaċilitaw is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet transkonfinali u l-eżekuzzjoni transkonfinali, bħal pereżempju r-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (76), ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (77) u r-Regolament (KE) Nru 805/2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (78); kif ukoll ir-Regolament Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (79). L-għan ta’ dawk ir-regolamenti huwa li jissimplifika u jħaffef is-soluzzjoni tal-kwistjonijiet transkonfinali u li jitnaqqsu l-ispejjeż (80) jew li jippermetti l-moviment liberu tal-ordnijiet ta’ ħlas, tas-sentenzi, tat-transazzjonijiet ġudizzjarji u tal-atti pubbliċi (81). Għaldaqstant, jidhirli li hija eċċessiva l-biża’ li l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, sempliċement minħabba l-possibbiltà li jiġu mftixxija fi Stati Membri oħrajn, jirrinunzjaw għall-kummerċ elettroniku u li għal dan il-motiv biss huwa neċessarju li jitħallew jeskludu espressament l-immirar tal-attività (82).

95.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivi li għalihom negozjant jista’ jkun irid jeskludi li jimmira l-attività għal Stati Membri oħrajn jistgħu jkunu ferm varjati u li dawn jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw il-possibbiltà li jiġi eskluż li l-attività tiegħu tkun immirata għal Stati Membri oħrajn. Jista’ jkun li n-negozjant ma jkunx irid jimmira l-attività tiegħu għal Stati Membri oħrajn għaliex fl-Istat Membru fejn għandu uffiċċju reġistrat ikollu klijentela fissa u leali u ma jkunx jixtieq jespandi l-attività tiegħu. Jista’ jkun irid jillimita l-forniment ta’ servizzi biss għall-Istat Membru tiegħu, minħabba li l-ispejjeż tat-trasport għal Stati Membri oħrajn ikunu wisq għaljin u għalih tali ipoteżi sempliċement ma tkunx konvenjenti mill-perspettiva ekonomika. In-negozjant jista’ jkollu, pereżempju, viżjoni kummerċjali ċara fis-sens li jkun irid iżid il-kompetittività tiegħu f’reġjun partikolari – pereżempju fl-Istati tal-Benelux – u għaldaqstant ikun irid jagħmel kummerċ biss mal-konsumaturi ta’ dawk l-Istati. Id-deċiżjoni dwar il-limitazzjoni tad-direzzjoni tal-attività forsi ma hijiex deċiżjoni imprenditorjali awtonoma tal-istess negozjant, li għandu dritt jieħu, naturalment kemm-il darba tali deċiżjoni tkun konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni? Fir-realtà n-negozjant jista’ jiġi mġiegħel jaħdem ukoll potenzjalment ma’ konsumaturi ta’ Stati Membri oħrajn, waqt li titteħidlu l-possibbiltà li jindika espressament fis-sit internet tiegħu għal liema Stati Membri jimmira l-attività tiegħu?

96.      Fit-tielet lok, l-argument tal-Gvern Lussemburgiż, li jgħid li l-indikazzjoni espressa fis-sit internet tal-esklużjoni tal-attività “immexxija [immirata]” għal ċerti Stati Membri tmur kontra l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-servizzi, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew ir-residenza tad-destinatarju tas-servizzi, għandu jiġi eżaminat b’ċerta kawtela.

97.      Minn naħa waħda – minbarra li rridu nistaqsu sa liema punt tista’ tkun rilevanti d-Direttiva dwar is-servizzi (83) – huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat il-fatt li tali direttiva, bl-istess mod bħall-Artikolu 20 tagħha, hija indirizzata lill-Istati Membri, u għalhekk jista’ jiġi vverifikat biss jekk tali artikolu jmurx kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu l-indikazzjoni espliċita tal-esklużjoni tal-attività “immexxija [immirata]” għal ċerti Stati Membri fuq is-sit internet.

98.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi, iħalli miftuħa l-possibbiltà li jiġu previsti kundizzjonijiet ta’ aċċess differenti għas-servizzi bbażati fuq in-nazzjonalità jew fuq il-post ta’ residenza tad-destinatarju tas-servizzi meta dawn ikunu ġġustifikati direttament minn kriterji oġġettivi. L-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-servizzi b’hekk jippermetti trattament differenti abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tad-destinatarju tas-servizzi meta tali differenza tkun iġġustifikata oġġettivament, li jrid jiġi deċiż każ b’każ (84).

99.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li n-negozjanti għandu jkollhom bħala regola ġenerali l-possibbiltà li jindikaw espressament għal liema Stati jimmiraw jew ma jimmirawx l-attività tagħhom (85) u li huwa neċessarju li tiġi eżaminata f’kull każ speċifiku, waqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi konkreti, il-konformità jew nuqqas ta’ konformità eventwali ta’ tali esklużjoni ma’ regoli ġuridiċi oħrajn tal-Unjoni.

3.      Konklużjoni

100. Abbażi ta’ dak li ntqal fil-punti 51 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-kawża Pammer u għad-domanda fil-kawża Hotel Alpenhof hija li sabiex attività tkun “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex biżżejjed li s-sit tal-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali jkun aċċessibbli permezz tal-internet fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Il-qorti nazzjonali għandha, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ tiddeċiedi jekk il-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali timmirax l-attività tagħha għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Il-fatturi rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni huma b’mod partikolari l-kontenut tas-sit internet, l-attività mwettqa sa dak il-mument mill-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali, il-lingwa li biha jkun miktub is-sit internet, it-tip ta’ dominju tal-internet użat u l-użu tal-possibbiltajiet ta’ pubblicità fuq l-internet jew postijiet oħrajn.

VII – Konklużjonijiet

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari rrinvjati mill-Oberster Gerichtshof skont kif ġej:

1)         Il-kuntratt dwar l-organizzazzjoni ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, bħal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, huwa kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

2)         Sabiex attività tkun “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex biżżejjed li s-sit tal-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali jkun aċċessibbli permezz tal-internet fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Il-qorti nazzjonali għandha, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ tiddeċiedi jekk il-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali timmirax l-attività tagħha għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Il-fatturi rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni huma b’mod partikolari l-kontenut tas-sit internet, l-attività mwettqa sa dak il-mument mill-persuna li tiżvolġi attività kummerċjali jew professjonali, il-lingwa li biha jkun miktub is-sit internet, it-tip ta’ dominju tal-internet użat u l-użu tal-possibiltajiet ta’ pubblicità fuq l-internet jew postijiet oħrajn.


1 – Lingwa oriġinali: is-Sloven.


2 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 5, p. 42.


3 – Għall-ewwel interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger (C‑180/06, Ġabra p. I-3961).


4 – Ara pereżempju Øren, S. T. Joakim, International jurisdiction over consumer contracts in e-Europe, International and comparative law quarterly Nru 3/2003, p. 665 et seq; E. Montero, À propos d’un contrat de voyage formé par hybridation (web + télécopie), Revue internationale du droit des affaires, Nru 91/2009, p. 332 et seq; P. Mankowski, Neues zum “Ausrichten” unternehmerischer Tätigkeit unter Artikolu 15 Abs. 1 lit. c EuGVVO, Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts, Nru 3/2009, p. 238 et seq; H. Gaudemet-Tallon, , Compétence et exécution des jugements en Europe. Règlement n° 44/2001, Conventions de Bruxelles et de Lugano, it-3 edizzjoni, Librairie générale de droit et de jurisprudence, Pariġi 2002, p. 229 et seq; A. Galič, Mednarodna pristojnost za reševanje potrošniških sporov v pravu EU, f’: Seliškar Toš, M. (editur), Mednarodna konferenca Slovensko pravo in gospodarstvo ob vstopu Slovenije v Evropsko unijo, Pravna fakulteta, Ljubljana, 2004, p. 125; L. E. Gillies, Jurisdiction for Consumer Contracts, Computer Law & Security Report, Nru 6/2001, p. 395.


5 – Ara pereżempju fil-Belġju s-sentenza tat-Tribunal de Première Istance de Liège tal-1 ta’ Ottubru 2009 (R.D.C., 2009, p. 610); fl-Awstrija s-sentenza tal-LG Feldkirch tal-20 ta’ Ottubru 2003 (3R259/03s); fil-Ġermanja d-digriet tal-Bundesgerichtshof tas-17 ta’ Settembru 2008 (III RF 71/08) u fi Franza s-sentenza tal-Cour d’appel de Montpellier tas-16 ta’ Novembru 2009 (Nru 09/04838).


6 – Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni, tad-9 ta’ Ottubru 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u – test emendat – p. 77), tal-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Elennika (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU C 15, p. 1).


7 – ĠU L 177, p. 6.


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 59.


9 – Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [COM(1999) 348 finali].


10 – Dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Nru 44/2001, disponibbli pereżempju bil-Ġermaniż fuq is-sit internet http://ec.europa.eu/civiljustice/homepage/homepage_ec_de_declaration.pdf.


11 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel (C‑96/00, Ġabra p. I‑6367, punt 44).


12 – Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


13 – ĠU C 291, 13.10.2001, p. 1.


14 – Il-Kummissjoni f’dan ir-rigward tippreċiża li fil-każ tas-sit internet tal-artiġjan, li s-servizzi tiegħu huma ta’ natura lokali, ma hemmx attività “immexxija [immirata]” għal Stati Membri oħrajn, waqt li l-lukanda li toffri servizzi turistiċi fuq livell internazzjonali trid tattira klijenti minn Stati Membri oħrajn u tadatta b’mod opportun il-preżentazzjoni tagħha fuq l-internet.


15 – Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).


16 – Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jingħad ukoll li l-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni identika ta’ dawn iż-żewġ kunċetti hija rilevanti b’mod speċjali jekk il-kuntratt ikun jinkludi biss it-trasport u servizzi oħrajn, iżda mhux l-akkomodazzjoni. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 ikun hemm “pakkett” jekk il-kuntratt ikun jinkludi ta’ mill-inqas tnejn minn dawn it-tlett elementi: trasport, akkomodazzjoni u servizzi oħrajn mhux anċillari. Dan ifisser li jkun hemm “pakkett” meta dawk l-elementi jkunu jinsabu f’dawn il-kombinazzjonijiet: trasport u akkomodazzjoni; akkomodazzjoni u servizzi oħrajn; trasport u servizzi oħrajn; jew inkella l-elementi kollha. Jekk il-kunċett ta’ “kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni”, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “pakkett” taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314, ikun hemm il-konsegwenzi li ġejjin. L-ewwel ipoteżi (trasport u akkomodazzjoni) hija diġà kkontemplata fit-test tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, biex b’hekk, fil-każ ta’ din il-kombinazzjoni, il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni identika mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 fir-realtà ma tqumx. Fit-tieni ipoteżi (akkomodazzjoni u servizzi oħrajn) il-kwistjoni dwar il-fatt li din taqa’ taħt l-ambitu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 lanqas ma tqum, peress li l-element tat-trasport – li huwa indispensabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 15(3) tar-regolament – ma huwiex indikat. Fit-tielet ipoteżi (trasport u servizzi oħrajn) huwa nieqes wieħed miż-żewġ elementi tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-akkomodazzjoni. B’hekk, il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni identika tal-kunċetti msemmija fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 hija rilevanti b’mod speċjali fil-każ ta’ din it-tielet possibbiltà, peress li essenzjalment din tkun tfisser diverġenza mill-kontenut letterali tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001.


17 – Ara l-motivazzjoni tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 18 tal-verżjoni Ġermaniża.


18 – Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU C 169, p. 10).


19 – Ir-Regolament Nru 44/2001 fir-realtà ġie adottat għaxar snin wara l-approvazzjoni tad-Direttiva 90/314 u, fl-Artikolu 15(3), seta’ jirreferi għad-Direttiva 90/314. Minflok ġie ppreferut li tittieħed it-terminoloġija użata fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, biex b’hekk ġiet stabbilita rabta diretta bejniethom u l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni identika.


20 – Għal tali soluzzjoni, ara fid-duttrina pereżempju wkoll P. A. Nielsen, f’: U. Magnus, P. Mankowski, (editur), Brussels I Regulation, Sellier, Munich, 2007, p. 318, punt 39; T. Rauscher, (editur), Europäisches Zivilprozeβrecht. Kommentar, it-2 edizzjoni, Sellier, European Law Publishers, Munich 2006, p. 291, punt 20; J. Kropholler, Europäisches Zivilprozeßrecht. Kommentar zu EuGVO und Lugano‑Übereinkommen, it-8 edizzjoni, Verlag Recht und Wirtschaft, Heidelberg 2005, p. 233, punt 30.


21 – Korsiv miżjud minni.


22 – Sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


23 – Sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 (punti 52 u 53).


24 – Għall-kundizzjonijiet dwar l-istipulazzjoni ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, ara l-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2006 fil-Kawża Ilsinger (C-180/06, Ġabra p. I-3961, punti 46 et seq).


25 – Sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 (punt 51). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 (punt 40).


26 – Fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Nru 44/2001, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, huwa speċifikat espressament li l-kuntratt irid jiġi konkluż mill-bogħod.


27 – Dan l-argument huwa sostnut ukoll mill-Kummissjoni fil-punt 31 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha fil-kawża Hotel Alpenhof.


28 –      Eżempju daqstant problematiku jista’ jkun tal-klinika li toffri servizzi tas-saħħa u permezz tas-sit internet tistieden lill-konsumaturi minn Stati Membri oħrajn biex jagħżlu s-servizzi tagħha, iżda li, għal kwalunkwe servizz mediku, ikollhom imorru fil-klinika. Mill-bogħod (pereżempju bit-telefon) il-konsumaturi b’hekk jistgħu biss jagħmlu appuntamenti, iżda l-kuntratt għall-prestazzjoni tas-servizzi (servizz mediku) jiġi konkluż fl-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi. Wieħed jista’ jaħseb ukoll fil-każ ta’ konsumatur li jiddeċiedi li ma jagħmilx tranżazzjoni permezz tal-internet, minħabba biża’ ta’ frodi bil-karta ta’ kreditu, u n-negozjant ma jkunx jaċċetta ħlasijiet b’ċekk jew bi trasferiment bankarju. F’dan il-każ il-konsumatur probabbilment jirċievi l-informazzjoni kollha permezz tas-sit u l-konklużjoni tal-kuntratt biss isseħħ fl-Istat Membru l-ieħor, fejn in-negozjant ikun jeżerċita l-attività tiegħu.


29 – Fid-digriet tar-rinviju fil-kawża Hotel Alpenhof jirriżulta li l-offerta ta’ riżervazzjoni ntbagħtet u ġiet riċevuta permezz tal-posta elettronika u li l-konvenut, fil-fatt, uża s-servizzi tal-lukanda (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-kawża Pammer, min-naħa l-oħra, fid-digriet tar-rinviju ma huwiex indikat espressament kif ġie konkluż il-kuntratt, iżda biss li P. Pammer irriżerva permezz tal-kumpannija Reederei Karl Schlüter GmbH & Co KG vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija għal żewġ persuni minn Trieste sal-Lvant Imbiegħed, u preċiżament bl-intervent tal-kumpannija intermedjarja Internationale Frachtschiffreisen Pfeiffer GmbH (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, matul is-seduta, ir-rappreżentant legali ta’ P. Pammer iddikjara li huwa inizjalment irċieva l-informazzjoni mingħand l-intermedjarju permezz tal-posta elettronika, waqt li bagħat il-kuntratt iffirmat lill-intermedjarju bil-posta normali.


30 – L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 fir-realtà ma jużax il-kunċett ta’ “intermedjarju”, iżda jirreferi għall-persuna li “tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali”. F’dawn il-konklużjonijiet, għall-finijiet ta’ referenza faċili għal tali persuna, nuża t-terminu “intermedjarju”.


31 – Jidher li f’dawn il-kawżi din il-kundizzjoni hija sodisfatta. Fil-kawża Pammer il-konsumatur ikkonkluda, permezz tal-intermedjarju, il-kuntratt ma’ kumpannija li twettaq l-attività ta’ trasport fuq bastiment tat-tagħbija u b’hekk tista’ titqies bħala persuna li twettaq attività kummerċjali. Tali kumpannija tippermetti lill-konsumatur, permezz tal-intermedjarju, li jkollu wkoll il-kwalità ta’ passiġġier abbord bastiment tat-tagħbija, biex b’hekk tiżvolġi wkoll attività oħra, dik turistika. Il-fatt li l-kuntratt ikun ġie konkluż permezz tal-intermedjarju ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward. Fil-kawża Hotel Alpenhof, min-naħa l-oħra, il-kuntratt ġie konkluż mal-lukanda li toffri servizzi ta’ lukanda u li b’hekk tista’ titqies bħala persuna li twettaq attività kummerċjali.


32 – Mill-indikazzjonijiet mogħtija fid-digriet tar-rinviju, wieħed jista’ jiddeduċi li din il-kundizzjoni wkoll hija sodisfatta. Fil-kawża Pammer, il-fatt li l-konsumatur jingħata l-opportunità li jagħmel vjaġġ abbord bastiment tat-tagħbija fir-realtà ma hijiex l-attività prinċipali kummerċjali tal-kumpannija Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. K, iżda attività sekondarja, għalkemm xorta tibqa’ waħda mill-attivitajiet kummerċjali mwettqa minn tali kumpannija. B’mod simili, fil-kawża Hotel Alpenhof is-servizzi ta’ lukanda jidħlu fl-ambitu tal-attività kummerċjali ta’ tali lukanda.


33 – Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ sit internet “interattiv” u “passiv” ara pereżempju Øren, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 684. Ara wkoll Kropholler, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 230, punt 23; Gillies, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 397; H. Gaudemet-Tallon, Le juge compétent, f’: D. Fasquelle, P. Meunier, Le droit communautaire de la consommation: Bilan et perspectives, La documentation française, Pariġi, 2002, p. 228.


34 – Ara f’dan is-sens is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Hönig (C-128/94, Ġabra p. I‑3389, punt 9); tas-27 ta’ Jannar 2000, Kawża C‑164/98 P, DIR International Film et (Ġabra p. I‑447, punt 26), kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar (C‑336/03, Ġabra p. I‑1947, punt 21).


35 – Ara Øren, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 686, li jafferma li “l-attività mmexxija [mmirata]” taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 tfisser li l-venditur jorganizza intenzjonalment l-attività kummerċjali tiegħu b’tali mod biex jilħaq lil klijenti potenzjali fi Stati partikolari. L-istess awtur (p. 687) jafferma wkoll li tali kunċett ifisser li l-vendutur jimpenja ruħu li jaħdem ma’ klijenti minn Stati Membri partikolari.


36 – Ma’ dan għandu jingħad ukoll li f’dan il-kuntest hija rilevanti l-evalwazzjoni tal-attività tan-negozjant mill-perspettiva oġġettiva u mhux mill-għanijet suġġettivi tagħha, li ma jkunux ġew stabbiliti oġġettivament b’fatti konkreti. Ara Øren, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 687.


37 – Għandu jingħad ukoll li fil-proposta inizjali tar-Regolament Nru 44/2001 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5) kien previst fil-premessa 13 li l-kummerċ elettroniku ta’ prodotti u servizzi bl-użu ta’ mezzi aċċessibbli fl-Istat Membru l-ieħor jitqies bħala attività “immexxija [immirata]” għal tali Stat. Jekk il-konsumatur ikun domiċiljat f’tali Stat, għandu jiġi protett fis-sens tar-regolament, wara li jkun ikkonkluda kuntratt b’mezz elettroniku. Nistgħu ninterpretaw tali premessa fis-sens li s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet fl-Istat Membru fejn ikun domiċiljat il-konsumatur hija biżżejjed biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet partikolari dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi. Madankollu, dik il-premessa tneħħiet fil-proċess leġiżlattiv sussegwenti, li a fortiori jimmilita favur l-argument li s-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet ma hijiex biżżejjed biex ikun hemm attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.


38 – Fid-duttrina, ara Montero, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 335, li jenfasizza l-fatt li l-kuntratt ma jkunx ġie konkluż bl-istess mezz li permezz tiegħu l-konsumatur ikun sar jaf bl-offerta, ma jeskludix il-protezzjoni li għaliha għandu dritt l-konsumatur taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Bl-istess mod ara Mankowski, Neues zumAusrichten”…, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 242; H. Gaudemet-Tallon, Le juge compétent, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 228. Għandu jingħad ukoll li jekk il-kuntratt ikun ġie konkluż mill-bogħod huwa possibbli li jkun ġie konkluż bl-użu ta’ mezz tekniku, li jippermetti tali modalità. Skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi inrigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod ifisser “kull mezz li, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-fornitur u l-konsumatur, jista’ jintuża għall-konklużjoni ta’ kuntratt bejn dawk il-partijiet”. Skont l-Anness I ta’ dik id-direttiva, dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni jinkludu, pereżempju, it-telefon, il-posta elettronika jew il-faks.


39 – B’hekk pereżempju fid-duttrina ara Mankowski, Neues zum “Ausrichten”…, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 239. Ara wkoll Rauscher, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 288, punt 15.


40 – Ara l-proposta ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9. Ara wkoll is-sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 (punt 50).


41 – B’referiment għall-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” għal l-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat il-konsumatur, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għadu jikkontempla – bħall-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – il-forom tradizzjonali ta’ reklamar tal-attivitajiet tal-intermedjarju fl-Istat Membru fejn ikun residenti l-konsumatur, pereżempju fl-istampa, fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni f’dak l-Istat Membru. Għat-tipi differenti ta’ reklamar, ara l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 fil-Kawża Gabriel (C-96/00, Ġabra p. I‑6367, punt 44). Fid-duttrina ara wkoll Nielsen, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 316, punt 33.


42 – L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jitkellem espressament dwar attività “immexxija [immirata]” “b’xi meżżi [bi kwalunkwe mezz]”. Fid-duttrina ara fl-istess sens Mankowski, Neues zum “Ausrichten”…, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 239.


43 – Ara d-dokument Opinion of the Economic and Social Committee on the Proposal for a Council Regulation (EC) on jurisdiction and the recognition and enforcement of judgments in civil and commercial matters [COM(1999) 348 finali – 99/0154(CNS)], punti 4.2.1 u 2.2.2. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali f’dak id-dokument enfasizza barra minn hekk li l-formolazzjoni tal-proposta ta’ regolament (“bi kwalunkwe mezz jimmira l-attività tiegħu għal […] l-Istat Membru”) [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma hijiex biżżejjed ċara biex titnissel fiduċja fil-klijenti u ddeċieda li jżomm il-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


44 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


45 – Ara l-proposta ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 17 fil-verżjoni Ġermaniża.


46 – Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 17 u 18 tal-verżjoni Ġermaniża.


47 – Għal analiżi kritika dwar il-kriterju tal-attività “immexxija [immirata]” fi grad sinjifikattiv, ara fid-duttrina pereżempju Y. Farah, Allocation of jurisdiction and the internet in EU law, European Law Review, Nru 2/2008, p. 267.


48 – Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [COM(1999) 348 finali – C5‑0169/1999 – 1999/0154(CNS)] (ĠU 2001, C 146, p. 94), emenda 37 għall-Artikolu 15. Inizjalment kienet proposta fil-Parlament formulazzjoni iktar wiesgħa, li abbażi tagħha l-kriterju dwar l-attività “immexxija [immirata]” kien ikun issostitwit bir-rekwiżit tal-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod ma’ konsumatur iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor; ara r-rapport dwar l-proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [COM(1999) 348 finali – C5-0169/1999 – 1999/0154(CNS)], emenda 23 għall-Artikolu 15. Madankollu, tali emenda ma ġietx approvata mill-Parlament; ara r-riżultat tal-votazzjonijiet għall-emenda 23 (ĠU C 146, p. 41).


49 – Fil-motivazzjoni l-Kummissjoni ppreċiżat li s-sempliċi eżistenza ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur hija indikazzjoni ċara li l-intermedjarju immira l-attività tiegħu għal l-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur (ara l-proposta emendat ta’ Regolament tal-Kunsill dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [COM(2000) 689 finali), p. 6 tal-verżjoni Ġermaniża]. Tali motivazzjoni tal-Kummissjoni tindika li s-sempliċi eżistenza tas-sit internet (passiv) huwa suffiċjenti biex ikun hemm ġurisdizzjoni abbażi tar-regoli partikolari għall-kuntratti konklużi minn konsumaturi. Għal analiżi kritika fid-duttrina ara Øren, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), pp. 682 u 683.


50 – Ara d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Nru 44/2001, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


51 – Fl-ambitu tal-interpretazzjoni sistematika nżid li – kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni – għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata]” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma humiex rilevanti l-Linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (ġU C 291, p. 1), jew l-abbozz ta’ emenda tal-Linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali [SEC(2009) 946)], fejn ir-reklamar u l-bejgħ permezz tal-internet jikkostitwixxu bejgħ “passiv” [ara l-punti 50 u 51 tal-linji gwida attwalment fis-seħħ u l-punti  51 u 52 tal-abbozz ta’ emenda tal-Linji gwida flimkien mal-Artikolu 4(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364) u l-Artikolu 4(b) tal-abbozz ta’ emenda tar-regolament [C(2009) 5365/2)]. Xi bejgħ huwa ddefinit bħala “passiv” bil-għan li l-fornitur jitwaqqaf de facto milli jillimita tali tip ta’ bejgħ esklużivament għal territorju jew għal gruppi ta’ utenti, bi ksur tal-Artikolu 81 KE. Ir-ratio tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 min-naħa l-oħra huwa għal kollox differenti: li jiddaħħlu regoli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni li jkunu iktar favorevoli għall-konsumatur, bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali.


52 – Għandu jingħad ukoll li fil-motivazzjoni tal-proposta tar-Regolament Ruma I huwa ppreċiżat li s-siti internet, li permezz tagħhom il-intermedjarju jimmira l-attività tiegħu għal l-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat il-konsumatur “ma humiex neċessarjament siti interattivi” u li l-għan tas-sit internet, li jistieden lill-klijenti biex jibagħtu ordni bil-faks, huwa wkoll il-konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod. Dan l-argument jappoġġa t-teżi li l-immirar tal-attività mhux bilfors ikun limitat biss għas-siti internet interattivi, iżda dak il-kunċett għandu jkun iktar wiesa’.


53 – F’dan is-sens fid-duttrina, pereżempju, ara wkoll Gaudemet-Tallon, Compétence et exécution…,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna  4), p. 230, punt 286; R. Geimer, R.A. Schütze, Europäisches Zivilverfahrensrecht: Kommentar zur EuGVVO, EuEheVO, EuZustellungsVO, EuInsVO, EuVTVO, zum Lugano-Übereinkommen und zum nationalen Kompetenz- und Anerkennungsrecht, it-3 edizzjoni, Beck, Munick, 2010, p. 335, punt 38; G. Droz, H. Gaudemet‑Tallon, La transformation de la Convention de Bruxelles du 27 septembre1968 en Règlement du Conseil concernant la compétence judiciaire, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière civile et commerciale, Revue critique de droit international privé, Nru 4/2001, p. 638, punt 45; Sinay-Cytermann, A., La protection de la partie faible en droit international privé, f’: Mélanges en l’honneur de PaGU Lagarde - Le droit international privé: esprit et méthodes, Dalloz, Pariġi, 2005, p. 743.


54 – F’dan is-sens fid-duttrina ara wkoll pereżempju Kropholler, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 231, punt 24, li jenfasizza li sit internet passiv ma jkunx fih biss reklamar, iżda jkun jistieden l-iffirmar ta’ kuntratt bil-posta, posta elettronika, bil-faks jew bit-telefon, mill-perspettiva ġuridika għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal sit interattiv. Ara wkoll Mankowski, Neues zum “Ausrichten”…,op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 239 et seq, Montero, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 334; Geimer/Schütze, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), p. 335, punt 38; H. Gaudemet‑Tallon, Le juge compétent, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 228.


55 – Fl-ambitu ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ibbażata fuq is-separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Ara f’dan ir-rigward pereżempju s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007 fil-Kawża Laval u Partneri (C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punt 45); tat-22 ta’ Ottubru 2009 fil-Kawżi magħquda, Zurita García et (C‑261/08 u C‑348/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34), kif ukoll is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, fil-Kawża Gómez‑Limón Sánchez‑Camacho (C‑537/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).


56 – Jekk, pereżempju, għall-konsumaturi ddomiċiljati fl-Istat tiegħu stess l-intermedjarju jipprovdi numru tat-telefon bi ħlas, waqt li għall-konsumaturi barranin jindika numru tat-telefon normali bi prefiss internazzjonali.


57 – Fil-każ tas-servizzi tal-lukandi, pereżempju, teżisti l-għażla “fittex/irriżerva”, li permezz tagħha wieħed jista’ jivverifika d-disponibbiltà ta’ kmamar f’perijodu partikolari.


58 – Fid-dawl tas-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, fil-Kawża Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑298/07, Ġabra p. I‑7841, punt 40 u d-dispożittiv), l-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur tas-servizzi huwa obbligat jipprovdi lid-destinatarji tas-servizz, qabel ma jikkonkludi xi kuntratt ma’ dawn tal-aħħar, minbarra l-indirizz tiegħu tal-posta elettronika, informazzjoni oħra li tippermetti li huma jagħmlu kuntratt miegħu malajr kif ukoll komunikazzjoni diretta u effikaċi.


59 – Il-intermedjarju jista’, pereżempju, jikteb fis-sit internet tiegħu li kellu diversi klijenti minn għadd kbir ta’ Stati Membri jew juri fuq is-sit internet il-kummenti ta’ klijenti minn diversi Stati Membri.


60 – Fl-istess sens fid-duttrina ara Geimer/Schütze, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), p. 335, punt 38.


61 – Għal tali interpretazzjoni fid-duttrina ara pereżempju Farah, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 47), p. 267.


62 – Ara d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Nru 44/2001, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


63 – F’dan is-sens ukoll Nielsen, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 317, punt 35, li jgħid li sit internet maħluq fl-Isvezja huwa mmirat għall-Isvezja u mhux għal Spanja. Ara wkoll K. Vasiljeva, 1968 Brussels Convention and EU Council Regulation no 44/2001: jurisdiction in consumer contracts concluded online, European Law Journal, Nru 1/2004, p. 133.


64 – Dan huwa indikat ukoll fid-duttrina minn Øren, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 690.


65 – Bħal, pereżempju, l-Ingliż.


66 – Pereżempju l-Ġermaniż fil-Ġermanja u l-Awstrija.


67 – Jekk, pereżempju, intermedjarju Estonjan ikollu sit internet bl-Estonjan, iżda jkun hemm il-possibbiltà li wieħed jarah bil-Finlandiż, dan jindika li huwa jimmira l-attività tiegħu wkoll għall-Finlandja. Fir-rigward tal-kriterju tal-lingwa, ovvjament tqum ukoll il-kwistjoni jekk il-intermedjarju li jippermetti li s-sit internet tiegħu jidher ukoll bl-Ingliż, minħabba l-użu estensiv tal-Ingliż bħala t-tieni lingwa, ikunx qed jimmira awtomatikament l-attività tiegħu għall-Istati Membri l-oħrajn kollha. Fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà li s-sit internet ikun jista’ jidher ukoll bl-Ingliż huwa ovvjament prova sinjifikattiva tal-fatt li l-intermedjarju jimmira l-attività tiegħu wkoll għall-Istati Membri l-oħrajn kollha, iżda ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, biex jiġi deċiż jekk il-intermedjarju jimmirax l-attività tiegħu għal Stati Membri oħrajn, iridu jiġi kkunsidrati wkoll kriterji oħrajn.


68 – Dawn huma l-hekk imsejħa country-code top-level domain, pereżempju “.at”, “.fr”, “.de” jew “.co.uk”.


69 – F’dan is-sens fid-duttrina ara wkoll Øren, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 690, nota ta’ qiegħ il-paġna 105.


70 – Pereżempju “.com”, “.net”, “.org” jew “.eu”.


71 – Pereżempju saħansitra l-pastiċċier, li tradizzjonalment jipprovdi s-servizzi tiegħu f’territorju delimitat ġeografikament, jista’ jbiegħ prodotti partikolari permezz tas-sit internet u jibgħathom f’pajjiżi barranin.


72 – Is-servizzi tal-hairdressing huma pereżempju prinċipalment ta’ natura lokali, iżda f’żoni qrib tal-fruntiera huwa fi kwalunkwe każ possibbli li l-fornitur tas-servizzi jkollu wkoll xi kultant klijenti barranin.


73 – Bl-istess mod Øren, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), p. 687.


74 – Ara l-punt 66 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75 – Minbarra li hija eskluża espressament l-attività “immexxija [immirata]” għal ċerti Stati Membri, hemm ukoll il-possibbiltà għall-intermedjarju li jimpedixxi teknikament lill-konsumaturi ta’ ċerti Stati Membri l-aċċess għas-sit internet. Fid-duttrina ara Nielsen, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 317, punt 35; H. Gaudemet-Tallon, Le juge compétent, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 227.


76 –      Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, p. 1). Huwa minnu li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 2(1) huwa llimitat għal kawżi fejn il-valur mingħajr interessi ma jkunx iktar minn EUR 2 000 u b’hekk, ma jistax jiġi applikat f’dawn il-kawżi; madankollu, fil-fehma tiegħi jista’ jiġi applikat fil-biċċa l-kbira tal-kawżi dwar kuntratti konklużi minn konsumatur. Fil-kawżi fejn il-valur tat-talba mingħajr interessi ma tkunx iktar minn EUR 2 000, il-proċedura ġiet issimplifikata sostanzjalment, peress li normalment issir bil-miktub [skont l-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-regolament, l-awtorità ġudizzjarja tagħmel seduta biss jekk jidhrilha li dan ikun neċessarju jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet] u r-rappreżentanza ta’ parti minn avukat jew professjonist ieħor tas-settur legali ma hijiex obbligatorja (Artikolu 10).


77 – Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).


78 – Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).


79 – Artikoli 32 sa 56 tar-Regolament Nru 44/2001.


80 – Ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 861/2007 u l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006.


81 – Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ordni ta’ ħlas, ara l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006. B’riferiment għall-moviment liberu tas-sentenzi, tat-transazzjonijiet ġudizzjarji u tal-atti pubbliċi, ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 805/2004. B’referiment għall-għan tar-Regolament Nru 44/2001 ara t-tieni premessa ta’ dak ir-regolament, li tgħid “[ċ]erti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern”, u li għalhekk huwa indipensabbli li jiġu adottati “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.


82 – Minbarra dan, Nielsen, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 316, punt 30, ġustament jenfasizza li l-konsumaturi jkunu iktar disposti li jixtru permezz tal-internet jekk ikollhom protezzjoni proċedurali raġonevoli, fl-għarfien li jistgħu jiftħu proċeduri ġudizzjarji fl-Istat Membru fejn huma domiċiljati.


83 – Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi, din id-direttiva “ma tikkonċernax regoli ta’ dritt privat internazzjonali, b’mod partikolari regoli li jiggvernaw il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u non-kuntrattwali, inklużi dawk li jiggarantixxu li konsumaturi jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija lilhom mir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-konsumatur fis-seħħ fl-Istat Membru tagħhom”. Mit-test ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi dderivat faċilment li dan jirreferi biss għal-leġiżlazzjoni li tirregola d-dritt dwar l-obbligi kuntrattwali u ekstrakuntrattwali, iżda fid-dokument “Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi” (http://ec.europa.eu/internal_market/services/docs/services‑dir/guides/handbook_mt.pdf, p. 15 tal-verżjoni Slovena) il-Kummissjoni b’riferiment għal tali artikolu tippreċiża li d-direttiva inkwistjoni ma tirreferix għall-ġurisdizzjoni, peress li tali kwistjonijiet huma rregolati mir-Regolament Nru 44/2001.


84 – Għandu jingħad ukoll li fil-premessa 95 tad-Direttiva dwar is-servizzi, jissemmew ukoll bħala eżempji ta’ tali fatturi oġġettivi l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-distanza jew mill-karatteristiċi tekniċi tal-għoti tas-servizz, id-diversi kundizzjonijiet tas-suq, bħal domanda ikbar jew inqas influwenzata mill-fattur staġjonali, id-diversi perijodi ta’ vaganzi fl-Istati Membri u l-iffissar ta’ prezzijiet mill-kompetituri differenti, jew ir-riskji żejda marbuta ma’ regoli differenti minn dawk tal-Istat Membri tal-istabbiliment.


85 – Fid-duttrina hekk isostnu wkoll pereżempju Geimer/Schütze, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), p. 335, punt 38; H.-W. Micklitz, P., Rott, Vergemeinschaftung des EuGVÜ in der Verordnung (EG) Nr. 44/2001, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, Nru 11/2001, p. 331; Beraudo, J.-P., Actualité: le règlement (KE) du Conseil du 22 décembre 2000 concernant la compétence judiciaire, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière civile ou commerciale, JurisClasseur procédure civile, 2002, ħarġa 52, punt 32; J.J. Fawcett, J.M. Harris, M., Bridge, International Sale of Goods in the Conflict of Laws, Oxford University Press, Oxford, 2005, p. 501, punt 10.16.