DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

24 ta’ Mejju 2007

Kawżi magħquda F-27/06 u F-75/06

Alessandro Lofaro

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Membru tal-persunal temporanju – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova – Tkeċċija fit-tmiem tal-perijodu ta’ prova – Atti li jikkawżaw preġudizzju – Terminu għat-tressiq ta’ lment – Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikorsi, ippreżentati taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tagħhom A. Lofaro jitlob, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità awtorizzata sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg, tas-6 ta’ Ġunju 2005, li estendiet il-perijodu ta’ prova li huwa kien qiegħed jagħmel bħala membru tal-persunal temporanju, fit-tieni lok, l-annullament tad-deċiżjoni tat-tkeċċija tiegħu meħuda mill-istess awtorità fit-28 ta’ Settembru 2005, fit-tielet lok, l-annullament tar-rapporti tiegħu tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova u, fir-raba’ lok, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikorsi huma miċħuda bħala inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Data tat-tressiq

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawżaw preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova ta’ membru tal-persunal temporanju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      L-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ilment ikun “sar” mhux meta jintbagħat lill-istituzzjoni, iżda meta dan jasal għand din ta’ l-aħħar. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jirrikjedi din l-interpretazzjoni, li hija l-unika waħda li abbażi tagħha l-amministrazzjoni tkun tista’ tagħraf il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu li matulu hija għandha tinnotifika d-deċiżjoni motivata tagħha bħala risposta għall-ilment. Huwa minnu li l-fatt li amministrazzjoni tagħmel timbru ta’ reġistrazzjoni fuq dokument mibgħut lilha ma jippermettilhiex li tistabbilixxi data ċerta ta’ meta dan id-dokument ikun waslilha. Madankollu, dan ma jfissirx li dan il-fatt, li joħroġ minn ġestjoni amministrattiva tajba, mhuwiex ta’ natura li joħloq preżunzjoni, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, li l-istess dokument ikun waslilha fid-data indikata.

(ara l-punti 36 sa 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punti 8 u 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il-Kummissjoni, T‑54/90, Ġabra p. II‑749, punti 28 u 29; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il‑Kummissjoni, F‑3/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑9 u II‑A‑1‑33, punti 28 u 29

2.      Uffiċjal mhuwiex iġġustifikat li jinvoka żball skużabbli li jista’ jiġġustifika li l-ilment tiegħu sar tard, minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni kienet indikat, fir-risposta tagħha għal ilment li jkun sar qabel, li d-data ta’ meta kien sar dan l-ilment kienet id-data indikata mill-uffiċjal fl-ilment u mhux id-data li fiha dan wasal għand l-amministrazzjoni. Fil-fatt, sempliċi ineżattezza fid-data, li tinsab wara kollox f’dokument distint mid-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ l-ilment il-ġdid, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tali li toħloq, f’dak li jirrigwarda d-data li fiha l-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun sar skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u bid-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna informata b’mod regolari.

Lanqas ma huma ta’ natura li joħolqu tali konfużjoni li twassal għal żball skużabbli ċ-ċirkustanzi, jekk jiġu kkunsidrati stabbiliti, li, l-ewwel nett, il-liġijiet interni tal-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri jikkunsidraw li d-data rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi eżaminat jekk ilment amministrattiv ikunx ġie mressaq fit-termini hija d-data ta’ meta dan jintbagħat u mhux id-data ta’ meta dan jasal għand l-awtorità amministrattiva, li, it-tieni nett, il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ proċeduri oħra minbarra dik ta’ l-ilment prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkunsidra d-data ta’ meta jkun intbagħat id-dokument, jew, fl-aħħar nett, li, fil-każijiet meta d-data li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni bħala d-data meta tressaq ilment jew rikors tkun dik ta’ meta dan jasal għand id-destinatarju, il-Kummissjoni tinforma b’dan lill-persuni kkonċernati b’mod espress.

(ara l-punti 47 sa 49)

3.      Huma inammissibbli talbiet intiżi għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova ta’ membru tal-persunal temporanju u, min-naħa l-oħra, tar-rapporti ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova li fuqhom l-awtorità awtorizzata sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg ibbażat id-deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ dan il-membru tal-persunal temporanju. Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, in kwantu din tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ l-amministrazzjoni u, b’hekk, taffettwa direttament u immedjatament l-interessi tal-membru tal-persunal, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju għal dan ta’ l-aħħar, dan mhuwiex il-każ fir-rigward tar-rapporti ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova li huma biss atti preparatorji għal din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

Tali konklużjoni m’għandhiex l-effett li ċċaħħad lir-rikorrent minn rimedju ġudizzjarju effettiv. Fil-fatt, fil-każ ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal fi tmiem ta’ perijodu ta’ prova, dan għandu l-fakultà li jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni u li jsostni l-irregolarità ta’ l-atti preċedenti li huma konnessi mill-qrib magħha.

(ara l-punti 59 sa 61, 68 u 70)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Marzu 2005, D vs BIE, T‑275/02, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑211, punt 45