SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑84/12

CN

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal – Kumitat tal-Invalidità – Rapport mediku – Data medika ta’ natura psikjatrika jew psikoloġika – Sigriet mediku – Aċċess – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett :      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, li bih CN jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-aċċess dirett għar-rapport finali tal-Kumitat tal-Invalidità, kif ukoll l-aċċess għad-dijanjosi tat-“tielet tabib” tal-imsemmi kumitat ġew irrifjutati lilu, kif dawn id-deċiżjonijiet jirriżultaw mill-ittra tal-uffiċjal mediku tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tas-17 ta’ Ottubru 2011, u tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ʼil quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tal-Kunsill, tal-24 ta’ Marzu 2012, li tiċħad l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kunsill għall-kumpens tad-danni materjali u morali li sofra.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. CN għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.



Sommarju

1.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali – Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni – Regolament Nru 45/2001 – Ipproċessar ta’ data ta’ natura medika – Deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta lil uffiċjal l-aċċess dirett għal rapport finali tal-Kumitat ta’ Invalidità – Ksur tar-Regolament Nru 45/2001 – Assenza

Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41 ; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikoli 13(ċ) u 20(1)(ċ))

2.      Uffiċjali – Prinċipji – Aċċess tal-uffiċjal għall-fajl mediku tiegħu – Rifjut ta’ aċċess dirett għal rapport mediku li fih data ta’ natura psikjatrika jew psikoloġika – Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41 ; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26a)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità – Inklużjoni – Kontestazzjoni tal-legalità ta’ rapport finali tal-Kumitat ta’ Invalidità – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.     Ir-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dispożizzjoni li tirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba u b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha. Filwaqt li huwa minnu r-Regolament Nru 45/2001 ma jinkludix dispożizzjoni li tippermetti lil istituzzjoni li tirrifjuta lill-persuna kkonċernata l-aċċess għad-data medika tiegħu, jibqa’ l-fatt li l-imsemmi regolament jispeċifika l-modalitajiet ta’ aċċess għad-data personali, inkluż dik ta’ natura medika, u l-obbligi tal-istituzzjonijiet sabiex jipproteġu l-individwi. Għaldaqstant ma tikkostitwixxix ksur tar-Regolament Nru 45/2001, lanqas b’mod partikolari tal-Artikolu 13(ċ) tal-imsemmi regolament, deċiżjoni tal-istituzzjoni li tirrifjuta lil uffiċjali l-aċċess dirett għal rapport finali tal-Kumitat tal-Invalidità.

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001 jiġġustifika r-rifjut ta’ istituzzjoni li tagħti lil uffiċjal tagħha l-aċċess dirett għal rapport finali tal-Kumitat tal-Invalidità. Rigward rapport finali li b’mod partikolari juri li jeżistu problemi psikjatriċi, l-istituzzjoni tista’ tikkunsidra li hemm lok li jiġi protett l-uffiċjal ikkonċernat u li din il-protezzjoni tiġi rrikonċiljata man-neċessitajiet tas-sigriet mediku. L-istituzzjoni tista’ b’hekk tiddeċiedi, skont l-artikolu msemmi iktar ’il fuq, li l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jkollu aċċess għar-rapport finali tal-Kumitat tal-Invalidità biss permezz ta’ tabib ta’ fiduċja sabiex dan tal-aħħar jagħtih l-ispjegazzjonijiet neċessarji kollha sabiex jifhem l-opinjoni medika li fuqha ġiet ibbażata d-deċiżjoni li tiddikjarah invalidu.

(ara l-punti 40 u 41)

2.     L-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, iżda jispeċifika li tali aċċess għandu jingħata fl-osservanza, b’mod partikolari, tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali. Din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix għaldaqstant li l-uffiċjali jkollhom, fil-każijiet kollha, aċċess dirett għall-fajl mediku tagħhom, iżda, għall-kuntrarju, tippermetti aċċess indirett meta interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali jiġġustifikawh.

Għaldaqstant, l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn jirrikonoxxi li kull uffiċjal għandu d-dritt li jkun jaf x’fih il-fajl mediku tiegħu u jispeċifika li tali aċċess għandu jsir skont il-modalitajiet adottati minn kull istituzzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikser l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

Dan japplika wkoll għad-direttiva interna tal-Kunsill Nru 2/2004, dwar l-aċċess għal uffiċjali jew aġenti oħra għall-fajl mediku tagħhom, liema direttiva, wara li stipulat li l-uffiċjali jgawdu l-aktar aċċess wiesa’ possibbli għall-fajl mediku tagħhom, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ dan l-aċċess. Fil-fatt, huwa previst li l-fajl mediku għandu jiġi kkonsultat fl-uffiċċji tas-servizz mediku tal-Kunsill fil-preżenza ta’ persuna maħtura mill-imsemmi servizz. Madankollu, meta uffiċjal jitlob l-aċċess għal rapport mediku li jkun fih data ta’ natura psikjatrika jew psikoloġika, huwa jista’ jaċċedi għalih biss permezz ta’ tabib maħtur minnu. Issa, aċċess indirett għal tali rapporti, permezz ta’ tabib ta’ fiduċja maħtur mill-uffiċjal ikkonċernat, jippermetti li jirrikonċilja, kif jirrijkedi l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, id-dritt tal-uffiċjal li jkollu aċċess għad-dokumenti ta’ natura medika li jikkonċernawh u l-ħtiġijiet tas-sigriet mediku li jippermettu lil kull tabib li jiddeċiedi dwar il-possibbiltà li jikkomunika lill-persuna li jikkura jew jeżamina n-natura tal-kundizzjonijiet li hija tista’ tkun qed tbati minnhom.

(ara l-punti 51 sa 53)

3.     Ir-rimedji ġudizzjarji tar-Regolamenti jippermettu lill-uffiċjali li jikkontestaw il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità u, matul tali kontestazzjoni, li jsostnu l-irregolarità ta’ atti preċedenti li huma relatati mill-qrib, bħar-rapport finali tal-Kumitat tal-Invalidità.

Anki mingħajr ma jkun jaf il-kontenut tar-rapport finali tal-Kumitat ta’ Invalidità, l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jagħmel fit-terminu stabbilit fir-regolamenti tal-Persunal ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ invalidità. Fil-każ ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu, huwa intitolat li jippreżenta rikors ġudizzjarju appell skont l-Artikolu 91 tar-Regoalmenti tal‑Persunal sabiex jitlob lill-Qorti tal-Unjoni li b’mod partikolari teżamina r-regolarità tar-rapport finali tal-Kumitat ta’ Invalidità.

(ara l-punti 69 u 72)

Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il-Kummissjoni, T‑196/95, punti 48 u 49