Appell ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2020 minn easyJet Airline Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla, Estiża) fit-13 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-8/18, easyJet Airline vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-343/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: easyJet Airline Co. Ltd (rappreżentanti: J. Rivas Andrés, avocat, A. Manzaneque Valverde, abogada)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u/jew tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1861 1 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) — l-Italja — Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u għal dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqis li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi tal-aggravji li ġejjin:

L-ewwel nett, is-sentenza appellata hija vvizzjati minn żball ta’ liġi billi ħalltet l-evalwazzjoni ta’ żewġ rekwiżiti għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (riżorsi tal-Istat u vantaġġ).

It-tieni nett, is-sentenza appellata hija vvizzjati minn żball ta’ liġi billi qieset li t-test tal-operatur fl-ekonomija tas-suq ma setax jiġi applikat fil-kawża preżenti. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet li l-operaturi tal-ajruport ma kkontribwixxewx ammonti sinjifikattivi mill-fondi proprji tagħhom u ma aġixxew bħala operaturi privati f’ekonomija tas-suq. Iktar minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tat-test tal-operatur fl-ekonomija tas-suq kisret l-Artikolu 345 TFUE, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll id-drittijiet tad-difiża ta’ easyJet.

It-tielet nett, is-sentenza appellata hija vvizzjati minn żball ta’ liġi meta ġie deċiż li l-operaturi tal-ajruport aġixxew bħala sempliċi intermedjarji tar-Reġjun ta’ Sardegna.

Ir-raba’ nett, is-sentenza appellata hija vvizzjati minn żball ta’ liġi fir-rigward tal-identifikazzjoni: (i) tal-benefiċjarji finali, (ii) tal-vantaġġ indirett, u (iii) tal-effetti sekondarji tal-iskema.

____________

1 ĠU 2017, L 268, p. 1.