DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

5 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-123/06

Marianne Timmer

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Terminu għat-tressiq ta’ lment – Fatt ġdid – Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KE, li permezz tiegħu M. Timmer titlob, minn naħa, l-annullament tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha mfassla minn X, kap tal-unità Olandiża tas-servizz ta’ traduzzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, għall-perijodu ta’ bejn l-1984 u l-1997, u tad-deċiżjonijiet konnessi u/jew sussegwenti, inkluża d-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ X u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Awdituri tiġi kkundannata għad-danni materjali u morali kollha li hija allegatament subiet minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament – Inammissibbiltà tat-talba għal annullament li twassal għall-inammissibbiltà tat-talba għad-danni

(Regolament tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali

1.      It-termini sabiex titressaq talba, ilment jew sabiex jiġi ppreżentat rikors previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li ġew stabbiliti sabiex jiżguraw it-trasparenza u s-sigurtà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi. L-eventwali eċċezzjonijiet jew derogi minn dawn it-termini għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Hija biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali li tista’ tiġġustifika li titressaq talba sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikorrent, ulterjorment, jiskopri element li kien diġà jeżisti, dan ma jistax, bħala regola ġenerali, minħabba r-riskju li jiġi ppreġudikat il-prinċipju taċ-ċertezza legali, jiġi meqjus bħala fatt ġdid li jista’ jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tat-termini biex jiġi ppreżentat rikors.

(ara l-punti 34 sa 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il‑Kummissjoni, 127/84, Ġabra p. 1437, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Frar 1995, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑506/93, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑147, punt 28; 11 ta’ Lulju 1997, Chauvin vs Il‑Kummissjoni, T‑16/97, ĠabraSP p. I‑A‑237 u II‑681, punti 32 u 37; 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il‑Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punt 68

2.      Meta talbiet għad-danni jkunu strettament marbuta mat-talbiet għal annulament, u dawn tal-aħħar ikunu ġew iddikjarati inammissibbli, it-talbiet għad-danni huma wkoll inammissibbli.

(ara l-punt 49)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Lulju 1981, Albini vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 33/80, Ġabra p. 2141, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1993, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑72/92, Ġabra p. II‑347, punti 21 u 22; 14 ta’ Frar 2005, Ravailhe vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑406/03, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑79, punt 62

3.      Sabiex talba għad-danni tkun ammissibbli, ir-rikors għandu jkun jinkludi l-elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-illegalità li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li hemm rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li subixxa, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu. Min-naħa l-oħra, talba intiża għal ksib ta’ kumpens mhux speċifikat hija nieqsa mill-preċiżjoni meħtieġa u, konsegwentement, għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

(ara l-punt 51)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il‑Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Jannar 1998, Affatato vs Il‑Kummissjoni, T‑157/96, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑97, punt 45