Rikors ippreżentat fl-14 ta' Awwissu 2007 - Zangerl-Posselt vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-83/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Brigitte Zangerl-Posselt (Saarbrucken, il-Ġermanja) (rappreżentant: S. Paulmann, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-bord ta' l-eżaminaturi fil-kompetizzjoni EPSO/AST/27/06 [assistenti (AST1) tal-lingwa Ġermaniża], ikkomunikata permezz ta' ittra ta' l-EPSO tat-18 ta' Ġunju 2007 u kkonfermata b'ittra tal-25 ta' Lulju 2007, li ma tħallix lir-rikorrenti tipparteċipa fl-eżamijiet bil-miktub u orali tal-kompetizzjoni imsemmija;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-bord ta' l-eżaminaturi fil-kompetizzjoni EPSO/AST/27/06 [assistenti (AST1) tal-lingwa Ġermaniż fil-qasam segretarjali] ma ħalliex lir-rikorrenti tipparteċipa fl-eżamijiet bil-miktub u orali minħabba li ma kellhiex id-diploma meħtieġa (Abitur).

Ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li d-diploma tagħha (Realschulabschluss) hija konformi mal-ħtiġijiet tat-Titolu A, punt II.1(ii) ta' l-avviż tal-kompetizzjoni. Hija tallega li l-klassifikazzjoni tad-diplomi hija bbażata, kemm fil-Ġermanja kif ukoll fuq livell Ewropej, fuq il-Klassifika Normattiva Internazzjonali fl-Edukazzjoni ta' l-1997 (ISCED-97), stabbilita mill-UNESCO, li t-terminoloġija tagħha ġiet riprodotta anki fl-avviż tal-kompetizzjoni. Ir-Realschulabschluss hija għalhekk waħda mid-diplomi li tindika livell ta' tagħlim sekondarju (livell 2 ta' l-ISCED) u tagħti aċċess għat-tagħlim post-sekondarju (livell 4 ta' l-ISCED).

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni tal-konvenuta hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata.

____________