SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

2 ta’ Lulju 2009

Kawża F-19/08

Kelly-Marie Bennett et

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat bi klawżola ta’ terminazzjoni – Kompetizzjoni ġenerali – Ammissibbiltà – Att li jikkawża preġudizzju – Artikoli 8 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmir ta’ premura – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Eżiġenzi lingwistiċi – Abbuż ta’ poter – Prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti”

Suġġett:      Rikors ippreżentat, skont l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu K. Bennett u ħdax‑il membru tal‑persunal temporanju ieħor tal‑UASI jitolbu l‑annullament tal‑avviż ta’ kompetizzjoni UASI/AD/02/07 intiż sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ reklutaġġ għal impjieg ta’ amministratur fil‑grad AD 6 fil‑qasam tal‑proprjetà industrijali, f’dak li jirrigwarda tliet rikorrenti, u l‑avviż ta’ kompetizzjoni UASI/AST/02/07 intiż sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ reklutaġġ għal erba’ impjiegi ta’ assistent fil‑grad AST 3 fl‑istess qasam, għal dak li jirrigwarda lir‑rikorrenti l‑oħra (ĠU C 300 A, p. 17 u 50 u għar‑rettifiki għall‑avviż tal‑kompetizzjoni, ĠU 2008, C 67 A, p. 2 et 4), kif ukoll il‑kumpens għad‑dannu morali allegatament subit, evalwat fl‑ammont ta’ EUR 25 000 għal kull rikorrent.

Deċiżjoni: L‑UASI hija kkundannata tħallas lil kull rikorrent is‑somma ta’ EUR 2 000 bħala danni. Il‑kumplament tar‑rikors huwa miċħud. L‑UASI għandha tbati l‑ispejjeż tagħha u kwart tal‑ispejjeż tar‑rikorrenti. Ir‑rikorrenti għandhom ibatu tliet kwarti tal‑ispejjeż tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Rikors kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà għall‑eżamijiet ta’ kompetizzjoni – Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż tal-kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Kuntratt ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27)

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Proċeduri – Għażla – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 27 u 29(1))

5.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratti għal żmien indeterminat bi klawżola ta’ terminazzjoni applikabbli biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fuq lista ta’ riżerva stabbilita wara t-tmiem ta’ kompetizzjoni ġenerali – Avviż ta’ kompetizzjoni li jipprevedi numru ta’ pożizzjonijiet vakanti nettament inqas minn dak tan-numru tal-imsemmija kuntratti

6.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kundizzjonijiet għall‑ammissjoni – Ugwaljanza fit-trattament

7.      Uffiċjali – Membri tal‑persunal temporanju – Prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti

8.      Uffiċjali – Rikorsi – Kuntest proċedurali – Invokazzjoni tar-responsabbiltà tal-amministrazzjoni minħabba żball fl-aġir tagħha

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 90(1))

1.      Kemm l‑ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel kif ukoll ir‑rikors ġudizzjarju għandhom, skont l‑Artikoli 90(2) u 91(1) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, ikunu indirizzati kontra att li jikkawża preġudizzju li jipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji illi jaffettwaw direttament u immedjatament l‑interessi tar‑rikorrent, filwaqt li jibdlu b’mod sinjifikattiv is‑sitwazzjoni ġuridika tiegħu.

Fir‑rigward ta’ avviżi ta’ kompetizzjoni, fid‑dawl tan‑natura partikolari tal‑proċedura ta’ reklutaġġ, li hija proċedura amministrattiva kumplessa komposta minn numru ta’ deċiżjonijiet marbutin mill‑qrib bejniethom, rikorrent għandu d‑dritt iqajjem irregolaritajiet illi seħħew matul il‑proċedura tal‑kompetizzjoni, inklużi dawk li joriġinaw mit‑test stess tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, permezz ta’ rikors indirizzat kontra deċiżjoni individwali sussegwenti, bħal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall‑eżamijiet. Avviż ta’ kompetizzjoni jista’ wkoll, b’mod eċċezzjonali, ikun is‑suġġett ta’ rikors għal annullament meta, billi jimponi kundizzjonijiet illi jeskludu l‑kandidatura tar‑rikorrent, jikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju skont l‑Artikoli 90 u 91 tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

(ara l‑punti 65 u 66)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il‑Parlament, 79/74, Ġabra p. 725, punti 5 sa 8; 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, Ġabra p. 1399, punt 15; 11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, Ġabra p. I‑2321, punti 17 sa 19;

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il‑Kummissjoni, T‑60/92, Ġabra p. II‑911, punt 21; 7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il‑Kummissjoni, T‑358/03, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑993, punt 38;

It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 33; 24 ta’ Mejju 2007, Lo Faro vs Il‑Kummissjoni, F‑27/06 u F‑75/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 57

2.      Kuntratt ta’ membru tal‑persunal temporanju, anki wara li jiġi ffirmat, jista’ jkun is‑suġġett ta’ lment minħabba l‑fatt li jista’ jikkawża preġudizzju lill‑membru tal‑persunal.

(ara l‑punt 96)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2002, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑137/99 u, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑639, punt 56; 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 21, li għandha bħala suġġett appell pendenti quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, Kawża C‑561/08 P

3.      Fid‑dawl tal‑għan ta’ kull kompetizzjoni organizzata fi ħdan il‑Komunitajiet Ewropej, li huwa, kif jirriżulta mill‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 27 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, illi jiġi żgurat illi l‑istituzzjoni, kif ukoll l‑aġenziji kollha, ikollhom is‑servizzi ta’ uffiċjali tal‑ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, bl‑ebda mod ma kien jidher eċċessiv illi, fl‑avviż tal‑kompetizzjoni jiġi stipulat ir‑rekwiżit ta’ diploma li tiċċertifika mill‑inqas tliet snin ta’ studju universitarju u esperjenza professjonali ta’ mill‑inqas tliet snin marbuta man‑natura tal‑kariga.

(ara l‑punt 104)

4.      L‑Awtorità tal‑Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tfittex, meta jkun hemm pożizzjoni vakanti li għandha timtela’, il‑kandidati li għandhom l‑ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità. F’dan ir‑rigward, l‑użu tal‑kliem “tistax timtela” fl‑Artikolu 29(1)(b) tar‑Regolamenti tal‑Persunal jindika b’mod ċar illi l‑imsemmija awtorità ma hijiex marbuta b’mod assolut illi torganizza kompetizzjoni interna fi ħdan l‑istituzzjoni, iżda sempliċement illi, f’kull każ, teżamina jekk tali miżura tistax twassal għall‑ħatra ta’ persuni li jissodisfaw il‑kriterji tal‑Artikolu 27 tar‑Regolamenti tal‑Persunal. B’hekk, l‑amministrazzjoni ma hijiex obbligata li ssegwi, fl‑ordni indikata, l‑istadji differenti tal-proċedura msemmija fl‑Artikolu 29(1) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, u tista’ tiddeċiedi illi tgħaddi minn stadju għall‑ieħor anki jekk, fil‑kuntest tal‑ewwel stadju, hija jkollha kandidati utli.

(ara l‑punt 110)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il‑Parlament, C‑121/01 P, Ġabra p. I‑5539, punt 14;

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 16 ta’ Jannar 2001, Chamier u O’Hannrachain vs Il‑Parlament, T‑97/99 u, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑1, punt 33; 11 ta’ Novembru 2003, Faita vs CES, T‑248/02, ĠabraSP p. I‑A‑281 u II‑1365, punt 45

5.      Meta tipproponi lil ħafna membri tal‑persunal, li kienu għaddew minn proċeduri ta’ selezzjoni interni, kuntratt ta’ membru tal‑persunal temporanju għal żmien indeterminat, bl‑inklużjoni ta’ klawżola ta’ terminazzjoni applikabbli biss fil‑każ fejn il‑persuni kkonċernati ma jkunux inklużi fuq lista ta’ riżerva stabbilita wara r‑riżultat ta’ kompetizzjoni ġenerali, u tobbliga ruħha b’mod ċar illi żżomm lill‑persuni kkonċernati b’mod permanenti fis‑servizz tagħha bil‑kundizzjoni illi huma jkunu fuq tali lista ta’ riżerva, u sussegwentement tillimita għal numru inqas l‑impjiegi li għandhom jimtlew, u billi tillimita n‑numru ta’ gradwati inklużi fuq il‑listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti wara żewġ kompetizzjonijiet, li barra minn hekk huma ġenerali, għan‑numru eżatt ta’ impjiegi li għandhom jimtlew, l‑istituzzjoni tnaqqas radikalment u oġġettivament l‑opportunitajiet tal‑imsemmija membri tal‑persunal, fl‑intier tagħhom, illi jiskartaw il‑klawżola ta’ terminazzjoni u, għalhekk, tnaqqas parti mill‑portata tal‑impenji kuntrattwali tagħha fil‑konfront tal‑membri tal‑persunal temporanju tagħha.

Madankollu, din il‑konstatazzjoni ma għandhiex twassal għall‑annullament tal‑imsemmija avviżi ta’ kompetizzjoni. Billi jipprovdi illi l‑lista ta’ kandidati xierqa, fejn possibbli, għandu jkun fiha numru ta’ kandidati ta’ mill‑inqas id‑doppju tan‑numru tal‑impjiegi li għandhom jimtlew, il‑ħames paragrafu tal‑Artikolu 5 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal‑Persunal huwa biss rakkomandazzjoni għall‑Bord tal‑Għażla sabiex tiffaċilita d‑deċiżjonijiet tal‑Awtorità tal‑Ħatra. Barra minn hekk, il‑legalità ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, ta’ portata ġenerali, ma għandux jiddependi mill‑kontenut ta’ klawżoli kuntrattwali li jorbtu lil kandidati mal‑amministrazzjoni, u lanqas mill‑mod kif din tal‑aħħar teżegwixxi l‑imsemmija klawżoli.

(ara l‑punti 116, 117, 119 u 120)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 26 ta’ Ottubru 1978, Agneessens et vs Il‑Kummissjoni, 122/77, Ġabra p. 2085, punt 22;

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 17 ta’ Diċembru 1997, Dricot et vs Il‑Kummissjoni, T‑159/95, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1035, punt 67; 17 ta’ Diċembru 1997, Chiou vs Il‑Kummissjoni, T‑225/95, ĠabraSP p. I‑A‑423 u II‑1135, punt 82; 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punt 103

6.      L‑interess tas‑servizz jista’ jiġġustifika illi jintalab illi kandidat f’kompetizzjoni jkollu konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi f’ċerti lingwi tal‑Komunitajiet, peress illi l‑livell ta’ konoxxenza lingwistika li jista’ jintalab fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ għandu jkun proporzjonali mal‑bżonnijiet reali tas‑servizz. Barra minn hekk, fil‑kuntest tat‑tħaddim intern tal‑istituzzjonijiet, sistema ta’ pluraliżmu lingwistiku integrali tqajjem diffikultajiet kbar ta’ ġestjoni u tkun ekonomikament għolja. It‑tħaddim tajjeb tal‑istituzzjonijiet u tal‑korpi tal‑Unjoni Ewropea, b’mod partikolari meta korp ikollu riżorsi limitati, jista’ għalhekk oġġettivament jiġġustifika għażla limitata ta’ lingwi ta’ komunikazzjoni interna.

Għalhekk, il‑fatt li f’avviż ta’ kompetizzjoni tingħata preferenza lil waħda jew iktar lingwi tal‑Komunitajiet, biex b’hekk jingħata vantaġġ lill‑kandidati li jkollhom konoxxenza tal‑inqas sodisfaċenti ta’ waħda minnhom, ma għandhiex tikser il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress illi, l‑ewwel nett, din id‑differenza tirriżulta miċ‑ċirkustanzi ta’ kull kandidat u, it‑tieni nett, ma tqajjem l‑ebda element konkret li jista’ jikkontesta r‑rilevanza tal‑konoxxenzi lingwistiċi mitluba għall‑finijiet tal‑eżerċizzju tal‑funzjonijiet proposti mill‑avviż tal‑kompetizzjoni.

(ara l‑punti 137, 138, 142 u 143)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: Küster vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 20; 29 ta’ Ottubru 1975, Küster vs Il‑Parlament, 22/75, Ġabra p. 1267, punti  13 u 17; 15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, Ġabra p. I‑2077, punt 47 tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro;

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 5 ta’ Apri 2005, Hendrickx vs Il‑Kunsill, T‑376/03, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑379, punt 26

7.      Ir‑relazzjoni ta’ xogħol bejn l‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) u l‑membri tal‑persunal temporanju tiegħu, anki jekk din tirriżulta minn kuntratt, hija rregolata mill‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg ta’ impjegati oħra, flimkien mar‑Regolamenti tal‑Persunal, u għalhekk, taqa’ taħt id‑dritt pubbliku. Madankollu, il‑fatt illi l‑membri tal‑persunal temporanju huma suġġetti għal sistema ta’ dritt amministrattiv Komunitarju ma jeskludix il‑fatt illi, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni ta’ ċerti klawżoli tal‑kuntratt ta’ membru tal‑persunal temporanju, li jikkompletaw l‑imsemmija sistema, l‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern ikun suġġett għall-osservanza tal‑prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal‑kuntratti, prinċipju komuni għad‑drittijiet tal‑parti l‑kbira tal‑Istati Membri.

Għaldaqstant, l‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern, peress illi bl‑aġir tiegħu, wassal sabiex numru ta’ membri tal‑persunal temporanju jkollhom tama suffiċjentement tanġibli ta’ sitwazzjoni professjonali stabbli, meta pproponielhom kuntratt ta’ żmien indeterminat bi klawżola ta’ terminazzjoni applikabbli biss fil‑każ ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fuq lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali, u sussegwentement billi llimita n‑numru ta’ impjiegi li għandhom jimtlew, b’dan il‑mod ikkommetta żball fl‑aġir tiegħu li jista’ jwassal għar‑responsabbiltà kuntrattwali tiegħu.

Tali membri tal‑persunal jsofru dannu morali, minkejja illi jkunu għaddew mill‑eżamijiet ta’ selezzjoni interni li jippermettulhom jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat filwaqt li jistennew li jipparteċipaw f’kompetizzjoni ġenerali, peress li dan id‑dannu morali jirriżulta mill‑fatt illi huma ġew imqarrqa fil‑perspettivi reali tagħhom ta’ karriera.

(ara l‑punti 163 sa 165)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 15 ta’ Lulju 1960, Von Lachmüller et vs Il‑Kummissjoni, 43/59, 45/59 u 48/89, Ġabra p. 933, 956

8.      Sabiex tiġi invokata r‑responsabbilà tal‑amministrazzjoni minħabba nuqqas fl‑aġir tagħha, fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ impenn kuntrattwali bis‑saħħa tal‑kuntratt ta’ membru tal‑persunal temporanju tiegħu, il‑persuna kkonċernata għandha ssegwi regolarment il‑proċedura prekontenzjuża li għandha tibda permezz ta’ talba għad‑dannu, skont l‑Artikolu 90(1) tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

Fin‑nuqqas, dawn it‑talbiet għal kumpens huma inammissibbli.

Madankollu, peress illi s‑suġġett u d-dettalji speċifiċi ta’ kawża, li jimplikaw, b’mod partikolari, li għandhom jiġi ċċarati r‑relazzjonijiet bejn il‑klawżoli kuntrattwali, miżuri ta’ portata individwali, u l‑avviż ta’ kompetizzjoni kkontestata, miżura ta’ portata ġenerali, jagħmlu l‑kwistjoni ta’ ammissibbiltà partikolarment diffiċli, rikorrent ma għandux jiġi kkundannat talli ppreżenta lment kontra l‑imsemmi avviż ta’ kompetizzjoni, li jinkludi talba għall‑ħlas tad‑dannu morali li huwa jallega li sofra. L‑iżball kommess f’dan ir‑rigward huwa skużabbli u ma huwiex konformi ma’ amministrazzjoni tajba ta’ ġustizzja li ġġiegħel lir‑rikorrent sabiex juża rimedju ġdid amministrattiv u, eventwalment, ġudizzjarju, sabiex jikseb kumpens għad‑dannu morali tiegħu.

(ara l‑punti 167 sa 169)