Rikors ippreżentat fit-23 ta' Frar 2007 - Pouzol vs Il-Qorti ta' l-Awdituri

(Kawża F-17/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Michel Pouzol (Chemin des Peyridisses, Franza) (rappreżentanti: D. Grisay, I Andoulsi u D. Piccininno, avocats)

Konvenuta: Il-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri tat-23 ta' Novembru 2006 kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta' Mejju 2006;

tirrikonoxxi li r-rikorrent għandu d-dritt li fil-kalkolu tal-pensjoni tiegħu jittieħed in kunsiderazzjoni perijodu addizzjonali ta' 6 snin, 10 xhur u jum, jew perijodu globali ta' 10 snin, 3 xhur u 24 jum;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri ssarraf dan il-perijodu f'pensjoni addizzjonali għar-rikorrent ta' EUR 1,232.32 fix-xahar;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri tħallas lir-rikorrent kumpens għal dannu finanzjarju subit minnu, li fil-jum tal-preżentata ta' dan ir-rikors kien ikkalkolat fl-ammont ta' EUR 17,252.48 (jew telf ta' dħul għar-rikorrent ta' EUR 1,232.32 fix-xahar mid-data li fiha rtira, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2006, sa l-1 ta' Marzu 2007;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri tħallas lir-rikorrent kumpens għal dannu morali subit minnu għal iktar minn 13-il sena, li l-ammont tiegħu għandu jiġi ddeterminat iktar 'il quddiem bi qbil bejn il-partijiet;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, li qabel kien uffiċjal tal-Qorti ta' l-Awdituri u li llum huwa rtirat, jikkontesta, b'mod partikolari, il-kalkolu tat-trasferiment fl-iskema Komunitarja tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba fi Franza, peress li dan il-kalkolu ma jieħux in kunsiderazzjoni d-drittijiet li huwa kiseb vis-à-vis l-Association des régimes de retraites complémentaires (ARRCO) u l-Association générale des institutions de retraite des cadres (AGIRC).

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka 4 motivi bbażati, rispettivament, fuq: (i) il-ksur ta' diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u ta' l-Anness VIII tiegħu (b'mod partikolari l-Artikoli 11(2) u 26 ta' dan l-anness); (ii) il-ksur tad-dover ta' ħarsien ta' l-interessi ta' l-uffiċjali u ta' assistenza imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal; (iii) il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u tal-prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni; (iv) il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

____________