Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)

tat-23 ta’ Mejju 2016

Kawża F‑65/09 DEP

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba ta’ intaxxar tal-ispejjeż mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑65/09, EU:F:2010:149), mogħtija fil-kawża rreġistrata taħt ir-referenza F‑65/09.

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn L. Marcuccio lill-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F-65/09 huwa stabbilit għal EUR 5 000. L-imsemmija somma għandha tiżdied bl-interessi moratorji li jibdew jgħoddu mid-data ta’ notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas, skont ir-rati kkalkolati abbażi tar-rati ffissati mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ skadenza tal-ħlas, biż-żieda ta’ 3.5 punti perċentwali.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Intaxxar li jsir abbażi ta’ indikazzjonijiet preċiżi pprovduti mir-rikorrent jew, fin-nuqqas, abbażi ta’ evalwazzjoni ekwa mill-qorti tal-Unjoni – Natura ta’ somma f’daqqa tar-remunerazzjoni ta’ avukat – Assenza ta’ effett fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti

[Regoli tal-Proċedura tal-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 105(c)]

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Kunċett – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha – Inklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1))

1.      Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex intitolata li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom stess, iżda li tiddetermina l-ammont ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet li jista’ jinġabar mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Sabiex tiġi evalwata n-natura indispensabbli tal-ispejjeż effettivament sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, għandhom jingħataw indikazzjonijiet preċiżi mir-rikorrent. Fl-istess sens, il-fatt li r-remunerazzjoni hija b’rata fissa ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ammont li jista’ jinġabar fir-rigward tal-ispejjeż, fejn il-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji ġurisprudenzjali stabbiliti sew u l-indikazzjonijiet preċiżi li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż irkuprabbli, madankollu din l-assenza tqegħdha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tar-rikorrent.

(ara l-punti 24, 30 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet tas-17 ta’ Frar 2004, DAI vs ARAP et, C‑321/99 P‑DEP, mhux ippubblikat, EU:C:2004:103, punt 23

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digrieti tal-31 ta’ Marzu 2011, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T‑5/02 DEP u T‑80/02 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2011:129, punt 68, u tat-28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑278/07 P-DEP, EU:T:2013:269, punt 16

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti tal-10 ta’ Novembru 2009, X vs Il‑Parlement, F‑14/08 DEP, EU:F:2009:149, punt 22; tas-26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il-Parlement, F‑7/08 DEP, EU:F:2010:32, punt 24, u tas-27 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs BEI, F‑55/08 DEP, EU:F:2011:155, punti 40 u 41

2.      Meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument meta jiġi deċiż id-digriet għall-intaxxar tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli li jirrigwardaw il-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż.

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Għaldaqstant ir-rermunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar tidħol fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli esposti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni jkollha obbligu li turi li tali assistenza kienet oġġettivament ġustifikata. Għalhekk, filwaqt li l-fatt li istituzzjoni tkun qabbdet żewġ aġenti u avukat estern ma għandu ebda konsegwenza fuq in-natura potenzjalment rekuperabbli tal-ispejjeż, peress li bħala prinċipju xejn ma jippermetti li dawn jiġu esklużi, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura li għandhom finalment jiġu rkuprati.

(ara l-punti 26 u 27)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tat-23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑498/09 P-DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2012:147, punti 15 u 20, u tat-28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑278/07 P-DEP, EU:T:2013:269, punt 14