DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

26 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-136/07

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ilment li għandu jitressaq qabel – Assenza – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Nijs jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tniżżlu mill-grad AD 10, skala 6, għall-grad AD 9, skala 5, u tad-deċiżjonijiet marbuta magħha u sussegwenti għaliha, b’mod partikolari dik tas-26 ta’ Settembru 2006 li tissospendih mill-funzjonijiet tiegħu, dik tas-27 ta’ Settembru 2007 li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tiegħu u dik li ma tippromwovihx għall-grad AD 11 fl-2007, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri, tat-8 ta’ Marzu 2007, li ġġedded il-mandat tas-Segretarju Ġenerali tagħha għal perijodu ta’ sitt snin b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007, u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu morali u materjali li huwa jallega li ġarrab.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Serviżż Pubbliku, Artikolu 35(1)(d))

Ir-rikors ta’ uffiċjal li ma jidentifikax b’mod preċiż l-atti kkontestati u li għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa manifestament inammissibbli.

(ara l-punt 24)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1993, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑72/92, Ġabra. p. II‑347, punti 16, 18 u 19