SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2010

Kawża F-8/10

Johan Gheysens

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu J. Gheysens jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni li tirrifjuta li l-kuntratt tiegħu jiġi mtawwal għal żmien determinat lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2009.

Deċiżjoni:      Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u Anness I, Artikolu 7(3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni li tirrifjuta li ġġedded kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25 u 90(1))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 88)

1.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-parti konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u l-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu. Dan huwa ulterjorment minnu billi, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħala prinċipju, tikkomporta biss skambju wieħed ta’ noti, ħlief jekk ikun hemm deċiżjoni kuntrarja min-naħa ta’ dan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Din l-aħħar partikolarità tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jispjega li, b’differenza minn dak li hu previst quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi u argumenti fir-rikors ma tistax tkun sommarja.

(ara l-punt 60)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; It-Tribunal Għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, F‑1/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑229 u II‑A‑1‑1231, punt 24; 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑841, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑325/09 P

2.      Deċiżjoni li tirrifjuta li ġġedded kuntratt għal żmien determinat hija att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jekk hija tkun separata mill-kuntratt inkwistjoni, li jkun il-każ b’mod partikolari jekk hija tkun ibbażata fuq elementi ġodda jew jekk hija tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni tal-amministrazzjoni li tintervjeni wara talba mill-membru tal-persunal ikkonċernat u li tikkonċerna possibbiltà, inkluża fil-kuntratt, li dan jiġi mġedded. Tali deċiżjoni ta’ rifjut għandha tkun motivata.

(ara l-punt 64)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punt 40; 23 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Potamianos, C‑561/08 P u C‑4/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 45, 46 u 48; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑75 u II‑A‑2‑469, punti 21 u 23; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punti 143 sa 170

3.      In-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kompetenti, fejn l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għalhekk, jillimita ruħu għall-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter. It-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat jikkostitwixxi biss il-possibbiltà mogħtija għall-evalwazzjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, suġġetta għall-kundizzjoni li fih tkun konformi mal-interess tad-dipartiment.

L-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan fil-fatt jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal oħra ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-regola li tgħid li impjieg permanenti li huwa inkluż fil-baġit ta’ istituzzjoni għandu, bħala prinċipju, jimtela bir-reklutaġġ ta’ uffiċjal u fid-dawl tal-interess għad-dipartiment li jimpjega uffiċjal sabiex jokkupa funzjonijiet li jippreżentaw natura perenni, il-kontinwità tad-dipartiment li jsemmi r-rikorrent ma jikkostitwixxix element suffiċjenti biex jikkaratterizza żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 75, 76 u 81)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punti 50, 51 u 64; 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punt 49; It-Tribunal Għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑387 u II‑A‑1‑2127, punti 65 sa 67