DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

7 ta’ Lulju 2011

Kawża F-18/11

Pasqualino Zaffino

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Persuni li jinvokaw il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni Ewropea — Rikors — Inammissibbiltà manifesta — Nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu P. Zaffino impjegat tal-Istituto Vigilanza Notturna Gallarate S.r.l. jitlob essenzjalment lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikonoxxilu l-kwalità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni, u b’mod iktar partikolari taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) u, konsegwentement, jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tar-remunerazzjonijiet u tal-benefiċċji oħra pekunjarji li huma dovuti lilu minħabba din il-kwalità, kif ukoll għall-ħlas tad-danni għad-dannu li ġarrab.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali — Rikors — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Osservanza tal-proċedura amministrattiva li għandha titwettaq qabel

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji mfassla mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiġi ppreżentat kontra att li jikkawża preġudizzju li jikkonsisti jew f’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra jew tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, jew fin-nuqqas min-naħa ta’ waħda minn dawn l-awtoritajiet milli tadotta miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal, min-naħa l-oħra, tali rikors huwa ammissibbli biss jekk il-parti kkonċernata tressaq minn qabel quddiem l-Awtorità tal-Ħatra jew l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ilment kontra l-att li jikkawża preġudizzju, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u jekk dan kien is-suġġett ta’ ċaħda espliċita jew impliċita. Barra minn hekk, fil-każ fejn uffiċjal jew membru tal-persunal, jew saħansitra persuna esterna għall-istituzzjoni, jipprova jikseb mill-amministrazzjoni li din tieħu deċiżjoni fir-rigward tiegħu, il-proċedura amministrattiva li għandha titwettaq qabel għandha tingħata bidu permezz ta’ talba mill-parti kkonċernata, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra jew lill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tadotta d-deċiżjoni mitluba, fejn iċ-ċaħda ta’ din it-talba tista’ sussegwentement tkun is-suġġett ta’ lment.

(ara l-punt 12)