KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2014 (1)

Kawża C‑350/12 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Sophie in ’t Veld

“Appell — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet — Relazzjonijiet internazzjonali — Parir legali — Parir tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar il-ftuħ tan-negozjati internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika għal ftehim internazzjonali biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data ta’ messaġġi finanzjarji għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu — Aċċess sħiħ irrifjutat”





1.        Dan l-appell huwa dwar l-interpretazzjoni ta’ tnejn mill-eċċezzjonijiet għall-prinċipju li kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2). F’din il-proċedura l-Kunsill qed jappella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (3) li annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), li ċaħdet it-talba ta’ Sophie in ’t Veld biex ikollha aċċess għal parir tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill intiża għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ Amerika li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali ddestinat biex iqiegħed għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti data ta’ messaġġi finanzjarji fil-kuntest tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll tal-ġlieda kontra dawn il-fenomini (iktar ’il quddiem id-“dokument 11897/09ˮ) (4). L-eċċezzjonijiet invokati mill-Kunsill kienu li l-iżvelar kien jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali u li l-parir legali tas-Servizz Legali tal-Kunsill mogħti f’dak il-kuntest kien dokument protett.

2.        Iż-żewġ kwistjonijiet prinċipali mqajmin f’dawn il-proċeduri huma jekk meta stħarrġet dik id-deċiżjoni l-Qorti Ġenerali applikatx il-kriterju korrett ta’ stħarriġ, u jekk, meta qieset dik il-parti tad-deċiżjoni tal-Kunsill li ċaħdet l-aċċess minħabba li l-iżvelar kien jippreġudika l-interess pubbliku fir-rigward tal-protezzjoni ta’ parir legali, il-Qorti Ġenerali żbaljatx meta ttrattat in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bħala analogu għal attivitajiet leġiżlattivi ta’ istituzzjoni, u b’hekk applikat b’mod ħażin is-sentenza Turco (5).

 Id-dritt tal-UE

 It-Trattati

3.        Il-prinċipju tat-trasparenza huwa stabbilit b’mod sod fid-dritt tal-UE. Fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata l-Artikolu 1 tat-TUE kien diġà jirreferi għal deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu “b’mod kemm jista’ jkun miftuħˮ (6)

4.        L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (7) jgħid li kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha. L-Artikolu 42 tal-Karta jgħid li kull ċittadin tal-UE għandu dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet.

 Ir-Regolament

5.        Il-premessi li ġejjin tar-Regolament huma rilevanti:

‘(1)      It-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-kunċett ta' trasparenza, billi jgħid li t-Trattat huwa stadju ġdid fil-proċess tal-ħluq ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ, u l-eqreb liċ-ċittadin, possibbli.

(2)      It-trasparenza tgħin liċ-ċittadini jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u tiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat KE.

[...]

(6)      Għandu jingħata aktar aċċess għad-dokumenti f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċitajiet leġiżlattivi tagħhom, inklużi dawk taħt setgħat delegati, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm l-effettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jsiru direttament aċċessibbli bl-aktar mod possibbli.

(7)      Skont l-Artikoli 28(1) u 41(1) tat-Trattat ta’ l-UE, id-dritt ta’ l-aċċess japplika wkoll għad-dokumenti dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u dwar il-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Kull istituzzjoni għandha tirrispetta r-regoli tas-sigurtà tagħha.

[…]

(11)  Bħala prinċipju, kull dokument ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji ta’ liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.

[...]ˮ

6.        L-għan ta’ dan ir-regolament jinkludi li jfisser “il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijietˮ) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti (8).

7.        L-Artikolu 2 tar-Regolament huwa intitolat “Benefiċjarji u skopˮ u jgħid, inter alia:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]ˮ

8.        L-Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmumin mill-istituzzjonijiet huma stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament, li jgħid, sa kemm huwa rilevanti għal din il-materja [it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2)]:

“1.L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

(a) l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

[…]

–        relazzjonijiet internazzjonali,

[…]

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.ˮ

9.        L-Artikolu 4(6) jgħid li jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

 Id-deċiżjoni kkontestata u l-isfond tagħha

10.      Il-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata taw spjegazzjoni sħiħa tal-isfond tad-deċiżjoni kkontestata.

11.      Sophie in ’t Veld, Membru tal-Parlament, talbet aċċess għad-dokument 11897/09. Skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament, il-Kunsill għarraf lil S. in ’t Veld li kien ser jippermetti żvelar parzjali, iżda ċaħad aċċess sħiħ għal dak id-dokument, billi invoka l-eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), u fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament.

12.      L-ewwel nett, il-Kunsill qal li “l-iżvelar [tad-dokument 11897/09] jirrivela lill-pubbliku informazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst […], u ser ikollu għaldaqstant effett negattiv fuq il-pożizzjoni ta’ negozjazzjoni [tal-Unjoni Ewropea] u jolqot ħażin ukoll is-sentiment ta’ kunfidenza fin-negozjati pendenti”. Il-Kunsill żied jgħid li “l-iżvelar ta’ dokument jirrivela lill-parti l-oħra fin-negozjati [mal-Unjoni Ewropea] elementi dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-[Unjoni Ewropea] fin-negozjati li — fil-każ [fejn] il-parir legali jkun kritiku — jistgħu jiġu użati b’mod li jdgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjati [tal-Unjoni Ewropea]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

13.      It-tieni nett, il-Kunsill qal li d-dokument 11897/09 kien “jinkludi parir legali dwar il-bażi legali u l-kompetenzi rispettivi tal-[Unjoni] u tal-Komunità Ewropea biex tikkonkludi l-ftehim” u li dan is-“suġġett sensittiv, li għandu effett fuq is-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-konklużjoni tal-ftehim, kien is-suġġett ta’ pożizzjonijiet diverġenti bejn l-istituzzjonijiet”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, “[l]-iżvelar tal-kontenut tad-dokument mitlub jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali peress illi jrendi pubbliku parir intern tas-Servizz Legali, intiż biss għall-membri tal-Kunsill fil-kuntest tad-diskussjonijiet preliminari fi ħdan il-Kunsill fuq il-ftehim previst” (punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kunsill “ikkonkluda li l-protezzjoni tal-parir legali intern dwar abbozz ta’ ftehim internazzjonali [...] tipprevali fuq l-interess pubbliku għall-iżvelar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

14.      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament, il-Kunsill awtorizza “aċċess parzjali […] għall-introduzzjoni li tinsab fil-paġna 1, għall-punti 1 sa 4 kif ukoll għall-ewwel sentenza tal-punt 5 tad-dokument li ma [kinux] jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija mir-Regolament [Nru] 1049/2001” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata) (9).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15.      Fil-31 ta’ Diċembru 2009, S. in ’t Veld fetħet proċeduri fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għall-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea interveniet f’dawk il-proċeduri insostenn tal-Kunsill, fejn talbet li r-rikors jiġi miċħud. Skont ordni tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ippreżenta d-dokument 11897/09 biex ikun spezzjonat. Id-dokument ma ntweriex lil S. in ’t Veld u lanqas lill-Kummissjoni.

16.      Il-Qorti Ġenerali qatgħetha li d-deċiżjoni kkontestata kellha tkun annullata parzjalment sa fejn kienet ċaħdet l-aċċess — kuntrarjament għat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament — għall-partijiet mhux żvelati tad-dokument mitlub minbarra dawk dwar il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew id-direttivi dwar in-negozjati li setgħu jiżvelaw l-objettivi strateġiċi segwiti mill-Unjoni Ewropea fin-negozjati (10).

17.      Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-qafas tal-approċċ tagħha fil-punti 17 sa 22 tas-sentenza appellata. L-ewwel nett, ir-Regolament huwa intiż biex kemm jista’ jkun jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti tal-istituzzjonijiet. It-tieni nett, l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament jidderogaw mill-prinċipju; għalhekk huma għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod strett. F’dak ir-rigward, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni; u r-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

18.      Fir-rigward tal-iskop tal-istħarriġ tagħha, il-Qorti Ġenerali qalet li d-deċiżjoni li kellha tkun adottata minn istituzzjoni skont dik id-dispożizzjoni kienet waħda ta’ natura kumplessa u delikata u kienet titlob eżerċizzju ta’ attenzjoni partikolari, b’teħid inkunsiderazzjoni l-iktar tan-natura eċċezzjonalment sensittiva u essenzjali tal-interess protett: “Peress illi deċiżjoni bħal din teħtieġ marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità tagħha għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-użu ħażin ta’ poter” (11). Il-Qorti Ġenerali kompliet qalet: “[…] għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill weriex li l-aċċess għall-elementi mhux żvelati tad-Dokument Nru 11897/09 setax konkretament u effettivament jippreġudika l-interess pubbliku inkwistjoni” (12).

 L-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tagħti sentenza finali dwar il-kwistjonijiet imqajmin fl-appell; u

–        tordna lil S. in ’t Veld tbati l-ispejjeż ta’ dan l-appell.

20.      Il-Kunsill jikkontendi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament. Huwa ressaq żewġ aggravji biex isostni l-appell tiegħu: dwar l-interpretazzjoni (i) tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u (ii) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), rispettivament, tar-Regolament.

21.      Il-Kummissjoni taqbel mal-Kunsill, billi ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tqis in-natura partikolarment sensittiva tas-suġġett ittrattat fid-dokument 11897/09.

22.      Il-Parlament Ewropew intervjena fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja insostenn ta’ S. in’t Veld.

 L-ewwel aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament

23.      Biex isostni l-ewwel aggravju tiegħu l-Kunsill jissottometti li kienu saru żewġ żbalji ta’ liġi: (i) huwa żbaljat li nuqqas ta’ qbil dwar l-għażla ta’ bażi legali ma jistax jippreġudika l-interess internazzjonali tal-UE (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju) u (ii) kien applikat il-kriterju ta’ stħarriġ żbaljat (it-tieni parti tal-ewwel aggravju).

 L-ewwel parti: l-għażla tal-bażi legali

24.      Il-Qorti Ġenerali bdiet billi nnotat li d-dokument 11897/09 seta’ jaqa’ fil-qasam tal-attività tal-Kunsill fit-tmexxija ta’ relazzjonijiet internazzjonali (13). Wara li eżaminat id-dokument, iddeċidiet li l-Kunsill seta’ legalment jinvoka r-riskju ta’ theddida għall-interess pubbliku għall-finijiet tal-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) biex jirrifjuta li jiżvela ċerti siltiet li kienu jirrivelaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew id-direttivi dwar in-negozjati (14).

25.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad qieset jekk is-siltiet li janalizzaw il-bażi legali tal-ftehim previst kellhomx ikunu żvelati u għamlet l-evalwazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni, ir-riskju li jkunu żvelati pożizzjonijiet meħudin fl-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali biex jintlaħaq ftehim fil-ġejjieni fih innifsu ma joħloqx theddida għall-interess tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. It-tieni nett, l-għażla tal-bażi legali adatta, kemm għal attività interna kif ukoll internazzjonali tal-UE, għandha tifsira kostituzzjonali. Minħabba li l-Unjoni Ewropea għandha biss setgħat mogħtija lilha, hija obbligata torbot il-miżura li hija tkun tixtieq tadotta ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li ttiha s-setgħa tapprova miżura bħal dik. It-tielet nett, l-għażla tal-bażi legali għal miżura, inkluża waħda adottata biex jintlaħaq ftehim internazzjonali, ma tiġix biss mill-konvinzjoni tal-awtur tagħha, iżda għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bħal, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-miżura. Ir-raba’ nett, minħabba li l-għażla tal-bażi legali hija bbażata fuq fatturi oġġettivi u ma taqax taħt id-diskrezzjoni tal-istituzzjoni, kull diverġenza ta’ opinjoni dwar dak is-suġġett ma tistax tkun assimilata ma’ differenza ta’ opinjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar materji b’rabta mas-sustanza tal-ftehim. Fl-aħħar nett, is-sempliċi biża’ li jkun żvelat nuqqas ta’ qbil fl-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea ma hijiex bażi suffiċjenti biex wieħed jikkonkludi li l-interess pubbliku protett fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali jista’ jkun ippreġudikat.

26.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad għaddiet biex tiċħad (15) l-argument tal-Kummissjoni li l-iżvelar ta’ diverġenza ta’ opinjoni dwar li l-bażi kien iġib riskju ta’ preġudizzju għall-kredibbiltà tal-UE matul in-negozjati, billi qalet li f’kull każ jekk kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-istituzzjonijiet dwar dik il-kwistjoni wieħed seta’ japplika l-proċedura skont l-Artikolu 300(6) KE (16).

27.      Il-Qorti Ġenerali osservat ukoll (17) li d-differenza ta’ opinjoni dwar il-bażi legali tal-ftehim previst diġà kienet fl-isfera pubblika minħabba li ssemmiet fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2009 (18).

28.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet (19) li l-ewwel talba ta’ S. in ’t Veld kellha tintlaqa’ parzjalment minħabba li l-Kunsill kien naqas li jiddetermina r-riskju ta’ theddida għall-interess pubbliku dwar relazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-partijiet mhux żvelati tad-dokument 11897/09 b’rabta mal-bażi legali tal-ftehim previst.

29.      Il-Kunsill jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi minħabba li injorat il-prinċipju fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tilwima b’rabta ma’ bażi legali tippreġudika l-pożizzjoni tan-negozjar tal-UE meta din tal-aħħar tkun fil-proċess li tikkonkludi ftehim internazzjonali. Il-Kunsill jagħmel il-kritika li ġejja tas-sentenza appellata: (i) il-kwistjoni tal-bażi legali ma hijiex materja purament teknika ta’ ebda sinjifikat politiku; (ii) is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ERTA (20), u l-ġurisprudenza li ġiet wara, juru b’mod ċar ir-rilevanza tal-bażi legali għat-tmexxija tar-relazzjonijiet barranin tal-UE; (iii) ir-referenza għall-proċedura skont l-Artikolu 300(6) KE hija irrilevanti minħabba li ebda istituzzjoni involuta ma użat dik il-proċedura. Barra dan, (iv) id-dokument 11897/09 ma kienx legalment fl-isfera pubblika minħabba li l-Kunsill ma kienx ta l-kunsens tiegħu sabiex jinħareġ; għalhekk ma kienx hemm ħtieġa li dak l-aspett jitqies.

30.      Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-Qorti Ġenerali kienet għamlet żball li injorat in-natura sensittiva ħafna tad-dokument 11897/09, kif ukoll il-konsegwenzi negattivi għan-negozjati pendenti li joħorġu mill-iżvelar. Barra dan, il-fatt li jkun hemm differenzi ta’ opinjoni dwar il-bażi legali mhux bilfors ifisser li ma jkunx hemm differenzi ta’ opinjoni dwar is-sustanza.

31.      S. in ’t Veld tikkontendi li l-ewwel aggravju tal-Kunsill huwa ineffettiv jew alternattivament infondat. Essenzjalment hija tissottometti li l-Kunsill fehem b’mod ħażin is-sentenza appellata. L-iżvelar ta’ nuqqas ta’ qbil dwar bażi legali, li hija xi ħaġa purament teknika, ma jista’ f’ebda ċirkustanza jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku għall-finijiet tar-relazzjonijiet internazzjonali.

32.      Il-Parlament Ewropew bl-istess mod iqis li l-Kunsill fehem ħażin is-sentenza appellata. Madankollu, bil-kontra ta’ S. in ’t Veld, huwa jaċċetta li l-iżvelar ta’ nuqqas ta’ qbil dwar bażi legali jista’ jippreġudika l-interess pubbliku, iżda jargumenta li dak ma kienx il-każ hawnhekk. Jekk żvelar bħal dan huwiex jew le kopert bl-eċċezzjoni invokata mill-Kunsill għandu jkun evalwat abbażi ta’ każ każ.

33.      Jiena ma naqbilx mal-Kunsill (u, parzjalment, mal-Kummissjoni).

34.      Fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li: “[…] is-sempliċi biża’ li tiġi żvelata pożizzjoni eventwalment diverġenti fi ħdan l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni ma hijiex biżżejjed biex minnha jiġi dedott riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku protett fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali”. Il-Qorti Ġenerali ma wasslitx sal-punt li ssostni li l-iżvelar ta’ differenza interistituzzjonali ta’ opinjoni dwar bażi legali qatt ma tista’ tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament. Minflok hija rriteniet li filwaqt li l-Kunsill kien wera biża’ mill-iżvelar, huwa ma weriex kif l-għoti ta’ aċċess għad-dokument 11897/09 kien jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku; u b’hekk kif kienet issodisfatta l-kundizzjoni biex tkun applikata l-eċċezzjoni tar-Regolament. Biex waslet għal dik il-konklużjoni l-Qorti Ġenerali qieset li l-kwistjoni tal-bażi legali ma kinitx materja fid-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet (hija ddeterminata mit-Trattati skont fatturi suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju); li t-Trattat kien jipprovdi proċedura għal soluzzjoni ta’ tilwim; u li d-differenza ta’ opinjoni dwar bażi legali diġà kienet fl-isfera pubblika.

35.      Dik l-evalwazzjoni ma turix żball ta’ liġi fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

36.      L-ewwel nett, il-bażi legali hija tabilħaqq iddeterminata minn regoli legali li jawtorizzaw lill-istituzzjoni rilevanti taġixxi. Ma hijiex kwistjoni suġġetta għad-diskrezzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata; lanqas (mill-aspett legali) ma huwa rilevanti per se s-sinjifikat politiku tagħha.

37.      It-tieni nett, jiena ma naqbilx mas-sottomissjonijiet tal-Kunsill dwar is-sentenza ERTA u kif dik is-sentenza tapplika għal dawn il-proċeduri. It-tilwima hemmhekk bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-bażi legali kienet b’rabta ma’ jekk il-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni kinitx taqa’ fil-kompetenza ta’ (dik li dak iż-żmien kienet) il-Komunità jew fil-kompetenza intergovernattiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li n-negozjati kienu kkaratterizzati mill-fatt li l-oriġini tagħhom u parti sewwa mix-xogħol magħmul kienu tal-Komunità. Għalhekk, meta l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati huwa ma baqax igawdi l-libertà sħiħa ta’ azzjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi terzi li kienu qed jieħdu sehem fin-negozjati (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li kieku sar is-suġġeriment f’dak l-istadju tan-negozjati lill-pajjiżi terzi kkonċernati li issa kien hemm tqassim ġdid ta’ setgħat fil-Komunità, dan kien aktarx joħloq periklu għal riżultat pożittiv tan-negozjati, kif tabilħaqq kien rikonoxxut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni matul id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill (22). Ma nara ebda regola ġenerali f’dik is-sentenza li l-iżvelar ta’ differenza ta’ opinjoni dwar bażi legali kien invarjabbilment jippreġudika l-interess tal-UE f’negozjati internazzjonali. Il-Kunsill ma ressaq ebda materjal li jissuġġerixxi li ċ-ċirkustanzi tat-tilwima b’rabta mal-bażi legali eżaminata fid-dokument 11897/09 huma l-istess (jew anki simili) bħal dawk li jifformaw l-isfond tas-sentenza ERTA. Barra dan, deher ċar li minnha nfisha s-sentenza ERTA ma indirizzatx, fl-1971, il-kwistjoni li tinqala’ hawnhekk dwar jekk l-iżvelar ta’ nuqqas ta’ qbil bħal dan jagħmilx ħsara lill-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali għall-finijiet tal-eċċezzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

38.      Lanqas ma naċċetta li regola ġenerali bħal din għandha toħroġ mill-opinjonijiet 1/75 (23) u 2/94 (24). Minflok il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fl-aħħar opinjoni msemmija li deċiżjoni potenzjali li tgħid li ftehim internazzjonali huwa, minħabba l-kontenut tiegħu jew il-proċedura adottata biex jintlaħaq, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ma tistax iġġibx magħha, mhux biss f’kuntest tal-UE iżda wkoll fl-isfera ta’ relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tista’ tagħti lok għal konsegwenzi negattivi għall-partijiet kollha kkonċernati, inklużi pajjiżi terzi (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tispjega li l-għan tal-proċedura li tinkiseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn qabel huwa li sitwazzjoni bħal din tkun evitata (26). (Għalhekk nifhem li r-riferiment tal-Qorti Ġenerali għal dik il-proċedura fis-sentenza appellata huwa purament illustrattiv. Ma ssuġġeriex li xi istituzzjoni kienet invokat dik il-proċedura hawnhekk.)

39.      Dwar it-tħassib tal-Kummissjoni, naqbel mal-Qorti Ġenerali li ma jsegwix neċessarjament li minħabba li jkun hemm nuqqas ta’ qbil dwar bażi legali l-prinċipju ta’ unità f’rappreżentanza barranija jkun ippreġudikat bl-istess mod bħalma jista’ jkun fil-każ meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil dwar sustanza. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ssuġġeriet li differenza ta’ opinjoni dwar bażi legali neċessarjament tfisser li ma jkunx hemm differenzi ta’ opinjoni dwar affarijiet sustantivi. Kieku għamlet hekk, kont naqbel mal-Kummissjoni li pożizzjoni bħal din kienet tkun żbaljata.

40.      Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma hemmx regola ġenerali li tilwima dwar bażi legali fiha nfisha tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali.

41.      It-tielet nett, fl-eżami tagħha tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx b’mod sensibbli tinjora l-fatt li xi kontenut ewlieni tad-dokument 11897/09 diġà kien fl-isfera pubblika qabel ma d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata. Huwa minnu li l-Kunsill ma kienx qabel li jkun żvelat kontenut ewlieni bil-pubblikazzjoni tad-dokument 11897/09 mill-Parlament (27). Madankollu l-Qorti Ġenerali kienet, b’mod loġiku, marbuta tqis kif seta’ jinqala’ riskju għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament fejn l-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ qbil dwar bażi legali kienet fil-fatt diġà fl-isfera pubblika. Il-Qorti Ġenerali kienet, għalhekk, korretta meta qieset li l-fatt li kontenut ewlieni tad-dokument 11897/09 kien diġà żvelat f’riżoluzzjoni tal-Parlament, kien fattur rilevanti li l-Kunsill messu qies fil-evalwazzjoni tiegħu tat-talba ta’ S. in ’t Veld.

42.      Għal din ir-raġuni jiena nqis li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

 It-tieni parti: il-kriterju ta’ stħarriġ

43.      Il-Kunsill isostni li meta stħarrġet id-deċiżjoni kkontestata l-Qorti Ġenerali applikat it-test il-ħażin. Il-Kunsill jiddeskrivi t-test li kien applikat bħala l-kriterju ta’ “preġudizzju effettiv u konkret” ta’ stħarriġ u jissottometti li l-Qorti Ġenerali messha minflok applikat il-kriterju ta’ “diskrezzjoni wiesgħa” jew “stħarriġ marġinali”. Il-Kunsill jissottometti li t-test ta’ preġudizzju effettiv u konkret japplika għad-dikjarazzjoni tal-motivi, iżda li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qalet fil-punt 58 tas-sentenza tagħha li l-Kunsill għandu japplika t-test ta’ ‘preġudizzju konkret u effettiv’ meta jevalwa talbiet għal żvelar skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament.

44.      Jien ma naqbilx mal-Kunsill.

45.      Jidhirli li meta l-qrati tal-UE jistħarrġu d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet dwar talbiet għal aċċess għal dokumenti magħmulin skont ir-Regolament, dak l-istħarriġ ma jistax ikun limitat bil-mod kif il-Kunsill jissuġġerixxi. Il-qrati jistgħu jintalbu biex jiġġudikaw dwar deċiżjonijiet bħal dawn f’għadd differenti ta’ modi, b’mod partikolari: (i) fid-dawl tat-tifsira tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament; (ii) billi jiddeterminaw il-kriterju legali ta’ stħarriġ; u (iii) billi jistħarrġu l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni (li tkun fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni sussegwenti tagħha) dwar jekk ikunx hemm interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fi drabi meta l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4(2) [jew (3)] tar-Regolament ikunu ġew invokati.

46.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma esprimitx it-test li hija tapplika fis-sentenza appellata bil-mod li l-Kunsill jiddeskrivi. Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, hija tgħid: “[…] il-Kunsill ma weriex kif, konkretament u effettivament [(28)], l-aċċess iktar wiesa’ għal dan id-dokument seta’ jippreġudika l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali […]”. Fl-evalwazzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali ma waslitx sal-punt li titlob lill-Kunsill juri l-preġudizzju attwali. Minflok, hija eżaminat jekk il-Kunsill uriex konkretament u effettivament kif l-għoti tal-aċċess għad-dokument 11897/09 kien ta lok għal riskju li l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali tiġi ppreġudikata. F’dak ir-rigward il-Kunsill sempliċement fehem ħażin is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

47.      Hemm qbil fil-ġurisprudenza li minħabba li l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament jidderogaw mill-prinċipju li għandu jingħata l-usa’ aċċess pubbliku li jista’ jkun hemm lid-dokumenti miżmumin mill-istituzzjonijiet, dawk l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod strett (29). Għaldaqstant, meta istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta aċċess għal dokument li hija tkun intalbet tiżvela, hija għandha, fil-prinċipju, tispjega kif l-iżvelar ta’ dak id-dokument jista’ konkretament u effettivament (30) jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni, tkun liema tkun, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li hija tkun qed tinvoka. Barra minn hekk, ir-riskju li jkun ippreġudikat dak l-interess għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (31). Dawk il-prinċipji japplikaw għall-eċċezzjonijiet kollha tal-Artikolu 4.

48.      Il-Qorti Ġenerali debitament segwiet dak l-approċċ. Hija interpretat l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bħala li jfisser li l-Kunsill għandu jispjega kif l-aċċess għad-dokument 11897/09 konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett invokat, minħabba li ma huwiex suffiċjenti li d-dokument 11897/09 ikun tal-kategorija ta’ relazzjonijiet internazzjonali biex l-eċċezzjoni tapplika. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk dak li kien qed jallega l-Kunsill meta ċaħad l-aċċess għad-dokument 11897/09 kienx plawżibbli. Dak jaqbel mar-rekwiżit, fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, li l-istituzzjoni li tinvoka eċċezzjoni għandha turi għaliex tqis li hemm riskju għall-protezzjoni tal-interess pubbliku f’kull każ partikolari. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ma żbaljatx meta eżaminat jekk il-Kunsill kienx wera li aċċess għad-dokument 11897/09 seta’ jippreġudika konkretament u attwalment (jew konkretament u effettivament) il-protezzjoni tal-interess pubbliku għall-finijiet tal-eċċezzjoni dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a).

49.      Skont kif nifhem il-punti 46 sa 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali hemmhekk qieset li l-Kunsill kien naqas milli jistabbilixxi pretensjoni plawsibbli li aċċess għad-dokument 11897/09 kien jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali għal żewġ raġunijiet: (i) il-Kunsill kien assuma li kien hemm regola ġenerali li tilwim dwar bażi legali ma kellux ikun żvelat minħabba li jippreġudika l-unità tan-negozjati; u (ii) il-Kunsill kien naqas milli jqis il-fatt li l-kontenut ewlieni tad-dokument 11897/09 kien diġà fl-isfera pubblika.

50.      Kif il-Kunsill tabilħaqq jaċċetta, il-Qorti Ġenerali tiċċita t-test korrett fil-punt 25 tas-sentenza tagħha fejn tirreferi għad-diskrezzjoni wiesgħa tal-istituzzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali ta’ preġudizzju tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Artikolu 4 tar-Regolament u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sison (32). Il-motivazzjoni tal-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata, għalhekk, naqset milli tissodisfa dak li kien jeżiġi qari sewwa tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament. Il-Qorti Ġenerali hemmhekk espliċitament irrikonoxxiet mhux biss li l-Kunsill igawdi diskrezzjoni wiesgħa iżda li l-iskop tal-istħarriġ tiegħu stess huwa limitat.

51.      Biex tiddeċiedi fl-ewwel istanza t-talba ta’ S. in ’t Veld li kienet tallega ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, il-Qorti Ġenerali ma identifikatx liema mill-erba’ elementi msemmijin fis-sentenza Sison ifformaw il-bażi preċiża tad-deċiżjoni tagħha: (i) nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-proċedura; (ii) nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ motivazzjoni, (iii) jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni; jew (iv) jekk kienx hemm użu ħażin ta’ setgħat (33). Minflok, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament u kkonkludiet li l-Kunsill kien naqas milli juri kif il-protezzjoni tal-interess pubbliku kienet tiġi ppreġudikata (34). Il-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn minn hekk u ma ssostitwixxietx il-evalwazzjoni tagħha stess tad-deċiżjoni kkontestata flok dik tal-Kunsill — ma qalitx li ma kienx hemm riskju għall-protezzjoni tal-interess pubbliku. Fil-fehma tiegħi dik l-evalwazzjoni hija essenzjalment konsistenti mas-sentenza Sison.

52.      Għalhekk jien inqis li l-ewwel aggravju huwa infondat.

 It-tieni aggravju: interpretazzjoni żbaljata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2)

53.      It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-Kunsill jargumenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqis kemm il-kontenut sensittiv tal-parir legali, kif ukoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi li japplikaw għat-talba ta’ S. in ’t Veld għal aċċess, u applikat il-kriterju żbaljat ta’ stħarriġ. It-tieni nett, il-Kunsill jissottometti li meta jitqies it-test tal-interess pubbliku superjuri [fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2)], il-Qorti Ġenerali żbaljat meta assimilat in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mal-attivitajiet leġiżlattivi ta’ istituzzjoni.

54.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali l-ewwel iddeskriviet “it-test Turco”:

“Fl-ewwel stadju, il-Kunsill għandu jiżgura li d-dokument li qed jintalab l-iżvelar tiegħu jikkonċerna tassew parir legali u, fl-affermattiv, jiddetermina liema huma l-partijiet effettivament ikkonċernati u, b’hekk, li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni. Fit-tieni stadju, il-Kunsill għandu jeżamina jekk l-iżvelar tal-partijiet mid-dokumenti inkwistjoni, identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali, jippreġudikawx il-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Fit-tielet stadju, fil-każ li l-Kunsill jikkunsidra li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali, huwa għandu l-obbligu li jivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn dan għall-kapaċità tiegħu li jitlob pariri legali u li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komplut [...]” (35).

55.      Il-Qorti Ġenerali rriteniet li d-dokument 11897/09 kellu tabilħaqq rabta ma’ parir legali (l-ewwel stadju tat-test Turco). Wara, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li kull riskju ta’ preġudizzju għall-protezzjoni ta’ parir legali kellu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (it-tieni stadju tat-test Turco). Il-Qorti Ġenerali qieset li r-raġunijiet tal-Kunsill għaċ-ċaħda tal-aċċess għad-dokument 11897/09 ma kinux suffiċjenti biex ikun stabbilit li kien jeżisti riskju bi kwalunkwe prova speċifika u dettaljata. Is-sempliċi fatt li l-parir legali li kien hemm fid-dokument 11897/09 kien dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE ma kienx fih innifsu suffiċjenti biex jagħti lok għall-eċċezzjoni stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament. Il-fatt li l-parir legali fid-dokument 11897/09 kien dwar relazzjonijiet internazzjonali kien diġà tqies b’rabta mal-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a). Madankollu, il-Qorti Ġenerali aċċettat li kellha tingħata protezzjoni aħjar meta negozjati bħal dawn ikunu għadhom pendenti (36).

56.      Il-Qorti Ġenerali rriteniet li l-Kunsill ma setax joqgħod fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali li, f’qasam sensittiv, wieħed jista’ jassumi theddida għall-interess pubbliku protett, u jkun biżżejjed li tintwera l-eżistenza tal-interess protett bl-Artikolu 4(2) tar-Regolament. Lanqas ma tista’ tkun stabbilita theddida speċifika u prevedibbli għal dak l-interess għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) sempliċement billi jingħad li hemm biża’ li jkunu żvelati liċ-ċittadini tal-UE differenzi ta’ opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali għall-attività internazzjonali tal-Unjoni Ewropea (u b’hekk jinħolqu dubji dwar kemm dik l-attività tkun skont il-liġi). It-trasparenza tagħti iktar leġittimità lill-istituzzjonijiet fl-għajnejn taċ-ċittadini tal-UE u żżid il-fiduċja tagħhom f’dawk l-istituzzjonijiet billi tippermetti d-dibattitu pubbliku. Dak il-prinċipju japplika wkoll għall-attività internazzjonali tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’dak il-qasam ma jkunx eżenti mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza (37).

57.      Il-Qorti Ġenerali għaddiet biex tiċħad is-sottomissjoni li seta’ jkun hemm theddida għall-kapaċità tas-Servizz Legali tal-Kunsill li jiddefendi, matul proċeduri ġudizzjarji, pożizzjoni li fuqha huwa jkun esprima parir negattiv (38). Barra dan, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kunsill ma kienx iġġustifikat meta naqas milli jipprovdi elementi addizzjonali sempliċement għaliex il-kontenut tad-dokument 11897/09 kien sensittiv (39).

58.      Il-Qorti Ġenerali nnotat li huwa l-Kunsill li għandu joħloq bilanċ bejn l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u kull interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar (it-tielet stadju tat-test Turco). Dwar dan il-Kunsill għandu jqis b’mod partikolari l-interess pubbliku li d-dokument 11897/09 isir aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw minn trasparenza addizzjonali: li jgħin biex iċ-ċittadini jieħdu sehem iktar mill-qrib fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, li jiggarantixxi lill-amministrazzjoni iktar leġittimità u jtejjeb ir-responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika (40).

59.      Il-Qorti Ġenerali aċċettat li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, ovvajament, ta’ rilevanza partikolari meta l-Kunsill jaġixxi bħala leġiżlatur. Hija rrikonoxxiet li l-bidu u t-tmexxija ta’ negozjati biex jintlaħaq ftehim internazzjonali huma, fil-prinċipju, fl-isfera tal-eżekuttiv. Il-Qorti Ġenerali aċċettat ukoll li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura b’rabta man-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija neċessarjament ristretta, minħabba l-interess leġittimu li ma jkunux żvelati elementi strateġiċi tan-negozjati (41).

60.      Il-Qorti Ġenerali madankollu kkonkludiet li, minkejja li l-Kunsill ma kienx qed jaġixxi fil-kwalità leġiżlattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet marbutin mal-prinċipju ta’ trasparenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE ma setgħetx tiġi eskluża fir-rigward tal-azzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari meta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tirrigwarda ftehim internazzjonali li jista’ jkollu konsegwenzi f’qasam tal-attività leġiżlattiva tal-UE. Il-Qorti Ġenerali nnotat li l-ftehim previst kien dwar il-protezzjoni ta’ data personali, li huwa dritt fundamentali. Għalhekk il-Kunsill kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-qasam ikkonċernat mill-ftehim inkwistjoni billi jivverifika, skont il-prinċipju tal-iktar aċċess possibbli għad-dokumenti, jekk l-interess ġenerali marbut mat-trasparenza addizzjonali fil-proċedura inkwistjoni kienx jiġġustifika l-iżvelar totali — jew iktar — tad-dokument mitlub, minkejja r-riskju ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-pariri legali (42).

61.      Il-Qorti Ġenerali aċċettat li kien hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokument 11897/09, minħabba li jikkontribwixxi biex jagħti iktar leġittimità lill-istituzzjonijiet u jżid il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE f’dawk l-istituzzjonijiet billi jagħmilha possibbli li jkun hemm diskussjoni miftuħa dwar il-punti li fuqhom kien hemm diverġenza ta’ opinjoni. Barra dan, id-dokument inkwistjoni ddiskuta l-bażi legali ta’ ftehim li, wara li jiġi konkluż, kien ser ikollu effett fuq id-dritt fundamentali tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, irriteniet li, meta eskluda kull possibbiltà li jitqies is-suġġett milqut mill-ftehim previst biex ikun iddeterminat jekk kienx hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokument mitlub, il-Kunsill kien naqas li jiżen l-interessi oppposti meta applika l-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (43).

62.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad għaddiet għas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni (i) li l-istess livell ta’ trasparenza bħal dak li japplika għal attivitajiet leġiżlattivi ta’ istituzzjoni ma huwiex meħtieġ għal azzjonijiet dwar relazzjonijiet internazzjonali, li jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni mandatorja tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament; u (ii) li d-dokument 11897/09 kien partikolarment sensittiv minħabba s-suġġett tiegħu u minħabba li n-negozjati kienu għadhom ma ntemmux. Il-Qorti Ġenerali sabet li dawk l-argumenti ma kinux konvinċenti.

63.      L-ewwel nett, il-fatt li d-dokument inkwistjoni kien dwar qasam potenzjalment kopert mill-eċċezzjoni [tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a)], b’rabta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, ma kienx rilevanti biex tkun evalwata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni distinta [tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2)) dwar il-protezzjoni ta’ pariri legali. It-tieni nett, il-fatt li n-negozjati kienu għadhom pendenti ma kienx konklużiv biex ikun aċċertat jekk, minkejja dak ir-riskju, kienx hemm interess pubbliku superjuri li kien jiġġustifika l-iżvelar. Jekk kellu jitqies l-interess pubbliku fit-trasparenza tal-proċess biss ladarba l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni jkun wasal fi tmiemu, dan kien jisfa bla tfsira (44).

 L-ewwel parti: nuqqas milli jitqies is-suġġett speċifiku tal-parir legali u l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ stħarriġ żbaljat

64.      Il-Kunsill jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta (i) naqset milli tagħti piż lill-fatt li l-parir legali kien dwar in-negozjati pendenti li jirrigwardaw ftehim internazzjonali; (ii) applikat kriterju ta’ stħarriġ li bih il-Kunsill kien jeħtieġlu jistabbilixxi preġudizzju konkret u effettiv u li jġib provi speċifiċi u ddettaljati ta’ preġudizzju bħal dan; u (iii) naqset milli tqis iċ-ċirkustanzi partikolari li kienu japplikaw għat-talba ta’ S. in’t Veld.

65.      It-tieni punt iqanqal kwistjoni importanti dwar jekk il-kriterju ta’ stħarriġ stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Turco għandux japplika meta jkunu evalwati talbiet għal aċċess għal parir legali tal-Kunsill dwar relazzjonijiet internazzjonali pendenti. Għalhekk ser inqis dak il-punt qabel ma nittratta, iktar fil-qosor, l-ewwel u t-tielet punt.

66.      Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jissottomettu li t-test fis-sentenza Turco ma għandux japplika, minħabba li l-parir legali ma ngħatax fil-kuntest ta’ attività leġiżlattiva. Barra dan, il-Kunsill jargumenta li fis-sentenza Turco ma hemmx riferiment għal test dwar preġudizzju konkret u effettiv. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat dak it-test.

67.      S. in ’t Veld tissottometti li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta applikat it-test Turco. Ir-riferiment għal “konkret u effettiv” magħmul mill-Kunsill fl-appell tiegħu (45) għandha rabta ma’ żball ta’ traduzzjoni fit-test Ingliż tas-sentenza appellata: fil-verżjoni Franċiża t-test huwa ċċitat sewwa bħala “[…] que la divulgation du document soit de nature à porter concrètement et effectivement atteinte à l’intérêt de l’istituzzjoni […]” (46). Il-Parlament isostni l-pożizzjoni tagħha.

68.      Jiena nqis li l-użu tal-kliem “[…] could have speċifically and actually undermined the public interest concerned […]” fil-punt 69 tat-test Ingliż tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandux jitqies bħala sinjifikanti. Dik l-espressjoni tfisser l-istess bħal kliem “specifically and effectively” fil-punt 49 tas-sentenza Turco (kif fissirt diġà iktar ’il fuq fil-punt 47 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30). Barra dan, il-Qorti Ġenerali ma użatx il-kliem “preġudizzju konkret u effettiv” (enfażi miżjuda minni) kif issuġġerixxa l-Kunsill fl-appell tiegħu. Fil-punt 69 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tirreferi minflok għal “[…] riskju li l-iżvelar […] ikun ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika l-interess tal-istituzzjoni li titlob parir legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti […]” (enfażi miżjuda minni). Dak mhux l-istess bħal meta istituzzjoni jkun jeħtiġilha turi “preġudizzju”. Jiena, għalhekk, inqis li l-Qorti Ġenerali applikat it-test korrett u li ma fehmitx ħażin is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Turco.

69.      Għandu t-test Turco li jinkludi tliet stadji japplika għal talba għal żvelar ta’ dokument li jkun fih parir legali dwar relazzjonijiet internazzjonali pendenti?

70.      Fil-fehma tiegħi għandu.

71.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet fis-sentenza Turco li t-tliet stadji li hija kienet identifikat kienu ta’ “rilevanza li hija għal kollox partikolari” fejn il-Kunsill jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu (47). Madankollu, it-tliet stadji nfushom huma mfasslin f’termini li huma ta’ applikazzjoni ġenerali, biex b’hekk ma tkunx eskluża l-possibbiltà li jkunu jistgħu japplikaw għal attivitajiet istituzzjonali oħra.

72.      It-tliet stadji tat-test Turco joħorġu direttament mill-kliem stess tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament. Isegwi fl-opinjoni tiegħi li huma għandhom, għalhekk, ikunu applikati kull meta istituzzjoni tinvoka t-tieni inċiż ta’ dak l-Artikolu. Ir-Regolament innifsu ma jsemmi xejn dwar jekk il-kuntest li għalih jintalab aċċess għal dokument ikunx “leġiżlattiv”. Min-naħa tiegħi ma nara ebda raġuni konvinċenti għaliex dak għandu jkun kriterju determinanti (48).

73.      Inżid ngħid li, waqt li ġeneralment huwa possibbli li wieħed jiddistingwi atti leġiżlattivi minn atti oħra, l-attivitajiet istituzzjonali kollha ma humiex neċessarjament kollha kapaċi jkunu kklassifikati b’mod daqshekk metodiku u preċiż. Atti eżekuttivi jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet differenti, inklużi n-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Meta attivitajiet bħal dawn ikunu dwar materji li jkollhom impatt fuq iċ-ċittadini tal-UE — l-iktar meta jkunu jolqtu d-drittijiet fundamentali ta’ dawk iċ-ċittadin — it-trasparenza tkun parti importanti mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. It-trasparenza ssaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jkunu informati u li jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet (49). F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet li japplikaw għal atti leġiżlattivi huma ugwalment rilevanti għal attivitajiet eżekuttivi. Dan jagħmilha diffiċli li tkun iġġustifikata l-applikazzjoni ta’ kriterju differenti ta’ stħarriġ għal atti istituzzjonali skont kif l-attività tal-istituzzjoni jkollha tkun ikklassifikata f’okkażjoni partikolari milli t-test tar-Regolament (50).

74.      Il-mistoqsija vera hawnhekk hija jekk huwiex xieraq li jkun applikat it-tieni stadju tat-test Turco — li jkun ivverifikat jekk l-istituzzjoni kkonċernata tkunx stabbilixxiet li r-riskji jkunu raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiċi — fil-kuntest speċifiku tan-negozjati u fil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

75.      Minħabba li l-għan tar-Regolament huwa li jingħata l-ikbar dritt possibbli ta’ aċċess pubbliku, l-istituzzjonijiet għandhom ikun obbligati, fil-fehma tiegħi, li jevalwaw l-effett prattiku ta’ żvelar f’kull każ partikolari. Ma huwiex biżżejjed għalihom li jibbażaw ruħhom fuq asserzjonijiet ġenerali meta jirrifjutaw talbiet għal żvelar.

76.      Jien naqbel mal-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata li l-punt ta’ tluq għandu jkun li l-prinċipju ta’ trasparenza japplika għal deċiżjonijiet meħudin dwar relazzjonijiet internazzjonali, kif japplika għal kull attività oħra tal-UE. Għalhekk ma jsegwix awtomatikament li l-iżvelar ta’ differenza ta’ opinjoni dwar il-bażi legali għandu “jippreġudika” l-protezzjoni tal-parir legali inkwistjoni għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament.

77.      Minflok, isegwi mir-rekwiżit li r-riskji għandhom ikunu “raġonevolment prevedibbliˮ li, meta l-aċċess għad-dokument ikun miċħud, il-motivazzjoni għandha mbagħad tindika għaliex l-aċċess kien “konkretament u effettivamentˮ ta’ preġudizzju għall-interess protett.

78.      L-għan tal-motivazzjoni huwa li biha l-individwu kkonċernat ikun jista’ jsir jaf għaliex l-aċċess ikun ġie miċħud u l-qrati biex iwettqu l-funzjoni tagħhom ta’ stħarriġ (51). Motivazzjoni inadegwata f’deċiżjonijiet istituzzjonali ġġib fix-xejn dawk iż-żewġ objettivi (52). Xejn fil-kliem tar-Regolament ma jissuġġerixxi li kriterju iktar baxx għandu japplika fejn is-suġġett ikun dwar negozjati internazzjonali. Il-possibbiltà (rrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali fil-punt 121 tas-sentenza tagħha) li l-istituzzjonijiet jiddeskrivu r-raġunijiet tagħhom f’termini iktar ġenerali meta jkun hemm tħassib li bl-għoti ta’ raġunijiet dettaljati ħafna għal rifjut il-kontenut tad-dokument li huma jkunu jridu jipproteġu jkun żvelat hija salvagwardja suffiċjenti.

79.      Issa ndur għall-ewwel u t-tielet punt magħmulin mill-Kunsill, li ser nittrattahom flimkien. Fl-ewwel punt tiegħu l-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali għax naqset milli tqis il-fatt li l-parir legali fid-dokument 11897/09 kien dwar suġġett partikolarment sensittiv — il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Kunsill jissottometti li l-Qorti Ġenerali messha ddeduċiet li d-dokument 11897/09, għalhekk, kien jistħoqqlu iktar, mhux anqas, protezzjoni u messha, għalhekk, applikat preżunzjoni kontra l-iżvelar kif stabbilit banda oħra fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (53). Minflok il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li aspetti tar-relazzjonijiet internazzjonali tad-dokument 11897/09 kienu tqiesu meta l-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament kienet eżaminata. Il-Kunsill jissottometti fit-tielet punt tiegħu li Qorti Ġenerali ma tatx kas, f’dan il-kuntest, is-suġġett sensittiv tad-dokument 11897/09.

80.      S. in ’t Veld tissottometti li l-Qorti Ġenerali qieset debitament in-natura speċifika tas-suġġett tal-parir legali u l-Kunsill huwa żbaljat meta jsostni li japplikaw regoli partikolari għal talbiet għal aċċess għal parir legali meta dawn ikunu dwar relazzjonijiet internazzjonali. Minflok, għandu japplika livell għoli ta’ trasparenza għad-dokumenti kollha bħal dan. Il-Parlament iżid jgħid insostenn ta’ dan li l-Kunsill kien naqas juri kif l-iżvelar (ta’ informazzjoni li diġà kien hemm għall-pubbliku) kien konkretament u effettivament jippreġudika parir legali skont it-tifsira tar-Regolament. L-interess dwar relazzjonijiet internazzjonali għandu jitqies skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a). L-interess protett skont dik id-dispożizzjoni u skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ma humiex identiċi f’termini legali.

81.      Huwa minnu li l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament huma relatati mill-qrib. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ, meta titqies l-eċċezzjoni b’rabta ma’ parir legali, li wieħed jiftakar li d-dokument 11897/09 huwa dwar relazzjonijiet internazzjonali (speċifikatament, negozjati b’rabta ma’ suġġett sensittiv). Madankollu, huwa ċar mill-punt 71 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali tassew qieset dak il-fatt. Fil-punt 72, il-Qorti Ġenerali speċifikatament qieset il-punt li n-negozjati kienu pendenti meta S. in ’t Veld talbet aċċess għad-dokument 11897/09.

82.      L-eċċezzjoni dwar il-parir legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament għandha tkun interpretata bħala intiża biex tħares l-interess ta’ istituzzjoni li titlob parir legali u li tirċievi parir sinċier, oġġettiv u komplut (54). L-istituzzjoni li tinvoka dik l-eċċezzjoni għandha, għalhekk, turi għaliex il-protezzjoni tal-interess tagħha meta titlob u tirċievi parir legali bħal dak ikun ippreġudikat jekk jingħata aċċess għad-dokument inkwistjoni. Jien naqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-fatt li d-dokument 11897/09 huwa dwar negozjati internazzjonali pendenti b’rabta ma’ suġġett sensittiv fih innifsu ma huwiex suffiċjenti biex jistabbilixxi li l-Kunsill ma jkunx jista’ jitlob jew jirċievi parir sinċier, oġġettiv u komplut mis-Servizz Legali tiegħu u li l-aċċess għandu, għalhekk, ikun miċħud.

83.      Lanqas ma naċċetta li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma huwiex konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet b’rabta mal-eċċezzjoni l-oħra tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (protezzjoni ta’ proċedimenti fil-qrati) (55) u t-tielet inċiż ta’ dik id-dispożizzjoni (protezzjoni għall-fini ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki) (56) li hemm preżunzjoni kontra l-iżvelar fis-sentenza API (57) u fis-sentenza Technische Glaswerke rispettivament (58). Madankollu, dawk iż-żewġ sentenzi kienu bbażati fuq motivi speċifiċi f’kull każ.

84.      Is-sentenza API kienet dwar talba biex jinkiseb aċċess għal noti fformulati mill-Kummissjoni fi proċeduri quddiem il-qrati tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat id-deċiżjoni tagħha, li preżunzjoni kontra żvelar tapplika għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ proċedimenti fil-qrati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (i) dokumenti bħal dawn huma speċifiċi u abbozzati esklużivament għall-finijiet ta’ litigazzjoni partikolari (59); (ii) l-eċċezzjoni timplika, b’mod partikolari, konformità mal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali u li tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (60); (iii) l-iżvelar tan-noti kien ikollu l-effett li jinkixfu attivitajiet ġudizzjarji għal pressjoni esterna, għalkemm fil-perċezzjoni biss tal-pubbliku, u kien jippreġudika s-serenità tad-dibattiti (ġudizzjarji) (61); u (iv) preżunzjoni bħal din kienet iġġustifikata fid-dawl tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati tal‑UE (62). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li kien isegwi mill-Artikolu 15 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 255 KE) u mil-loġika wiesgħa tar-Regolament li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bl-obbligi tat-trasparenza biss meta tkun qed teżerċita x-xogħol tagħha amministrattiv (63).

85.      Is-sentenza Technische Glaswerke kienet dwar talba għal aċċess għall-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni fi proċedimenti dwar għajnuna mill-Istat miftuħin skont l-Artikolu 88(2) KE (li sar l-Artikolu 108(2) TFUE). Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet b’mod partikolari li fi proċeduri għal eżami ta’ għajnuna mill-Istat partijiet interessati, minbarra l-Istat Membru kkonċernat, ma għandhomx id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti fil-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien jeħtieġ ikun hemm preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ dokumenti fil-fajl amministrattiv, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni tal-objettivi ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament  (64).

86.      Kemm fis-sentenza API kif ukoll fis-sentenza Technische Glaswerke, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat karatteristiċi speċifiċi relatati kemm mad-dokument ikkonċernat, kif ukoll maċ-ċirkustanzi relatati miegħu li kienu jindikaw għaliex l-interess protett invokat kien neċessarjament dejjem ippreġudikat, qabel ma kkonkludiet li kien hemm preżunzjoni kontra l-iżvelar. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ipproċediet abbażi li kien simplistiku żżejjed li tqis li eċċezzjoni skont ir-Regolament tapplika sempliċiment għaliex dokument mitlub kien ikun tal-kategorija identifikata f’dik l-eċċezzjoni. Ladarba l-Qorti Ġenerali kienet sabet li l-Kunsill ma kienx identifika xi materjal speċifiku li juri li l-iżvelar ta’ parir legali (hawnhekk dwar fehmiet diverġenti fir-rigward tal-bażi legali) kien neċessarjament jippreġudikah meta jitlob u jirċievi parir bħal dak, il-Qorti Ġenerali għamlet sewwa li kkonkludiet li ma kienx hemm preżunzjoni kontra l-iżvelar.

87.      Fl-aħħar nett, dwar is-sottomissjoni tal-Kunsill li tassew kien hemm riskju ta’ theddida għall-ħila tas-Servizz Legali tiegħu li jiddefendi pożizzjoni li dwarha kien ħareġ opinjoni negattiva fi proċeduri sussegwenti fil-qorti, hemm ġurisprudenza stabbilita li argument bħal dak huwa wisq ġenerali minnu nnifsu biex jiġġustifika eċċezzjoni għat-trasparenza msemmija fir-Regolament (65).

 It-tieni parti: it-test ta’ interess pubbliku superjuri

88.      Il-Kunsill jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, l-ewwel nett, meta talbitu jibbilanċja l-protezzjoni ta’ parir legali mal-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza meta jkun fil-proċess li jmexxi negozjati internazzjonali pendenti; it-tieni nett, meta qieset li dak il-prinċipju ġenerali jikkostitwixxi l-interess pubbliku superjuri; it-tielet nett, meta talbet l-istess livell ta’ trasparenza għan-negozjati internazzjonali tal-Kunsill bħal fis-sentenza Turco, fejn hemmhekk l-istituzzjoni kkonċernata kienet qed taġixxi f’kapaċità leġiżlattiva. Barra dan, il-Kunsill iqis li hu l-obbligu tal-persuna li titlob aċċess li tidentifika interess pubbliku ċar u speċifiku fl-iżvelar milli tal-Kunsill li jibbilanċja t-trasparenza, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni pubblika mal-protezzjoni ta’ parir legali.

89.      Il-Kummissjoni hija mħassba dwar żewġ affarijiet ewlenin: (i) il-Qorti Ġenerali ttrattat (tgħid hi) is-sensitività tas-suġġett bħala irrilevanti meta qieset it-test tal-interess pubbliku superjuri u (ii) il-Qorti Ġenerali assimilat il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ma’ attivitajiet leġiżlattivi ta’ istituzzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test tal-interess pubbliku superjuri.

90.      S. in ’t Veld tissottometti li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Turco ma hijiex limitata għall-attivitajiet leġiżlattivi tal-UE fit-tifsira formali. Il-prinċipju li huwa l-bażi tat-Trattat u tal-ġurisprudenza huwa li ċ-ċittadini għandhom ikunu jafu u jkunu jistgħu jieħdu sehem f’diskussjonijiet b’rabta mar-regoli li jolqtu d-drittijiet fundamentali tagħhom qabel ma’ regoli bħal dawn ikunu adottati. Il-Parlament ma jagħmel ebda sottomissjoni dwar il-kwistjoni tal-interess pubbliku superjuri.

91.      Jien naqbel mal-Kummissjoni li għandha titqies is-sensitività tas-suġġett kopert mid-dokument 11897/09. Jidhirli li l-Qorti Ġenerali għamlet eżattament hekk fil-punti 81 sa 88 tas-sentenza appellata.

92.      Madankollu, ma naħsibx li għandu xi sinjifikat partikolari l-fatt li d-dokument 11897/09 jaqa’ taħt l-attivitajiet ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-Kunsill għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(a) meta jitqies jekk l-eċċezzjoni relatata ma’ parir legali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tistax tkun applikata. Tintuża lingwa mandatorja fil-kliem tal-ftuħ tal-Artikolu 4(1) u (2): “L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ […]ˮ Id-differenza bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija li l-eċċezzjonijiet fit-tieni subparagrafu huma kkwalifikati mit-test tal-interess pubbliku superjuri, filwaqt li dawk fl-ewwel subparagrafu ma humiex; huma assoluti.

93.      Ir-Regolament ma jgħid xejn dwar jekk għandux japplika kriterju partikolari ta’ stħarriġ ta’ parir legali li jkun jittratta relazzjonijiet internazzjonali tal-UE. Lanqas ma jindika jekk, meta jkun eżaminat jekk ikunx hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar, is-suġġett tal-parir legali għandux jinfluwenza d-deċiżjonijiet dwar aċċess.

94.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett l-Artikolu 4(2) tar-Regolament fil-punt 81 tas-sentenza bħala li jfisser li huwa l-Kunsill li għandu joħloq bilanċ bejn l-interess protett billi jiċħad aċċess u kull interess pubbliku li jiġġustifika żvelar. Dik l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, li — kif nifhimha — tqiegħed ir-responsabbiltà fuq l-istituzzjoni kkonċernata biex tagħmel l-evalwazzjoni, milli — kif setgħet għamlet — espliċitament titlob li l-applikant jistabbilixxi u jidentifika interess pubbliku ċar u speċifiku fl-iżvelar.

95.      Huwa ċar mill-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali tidentifika differenza bejn attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni u t-tmexxija tagħha ta’ negozjati biex tikkonkludi ftehim internazzjonali, li l-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala li, fil-prinċipju, jaqa’ fl-isfera eżekuttiva. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ma għamlitx żball ta’ liġi billi assimilat l-attivitajiet leġiżlattivi u eżekuttivi tal-Kunsill.

96.      L-għan ġenerali tar-Regolament huwa li jiżgura li ċ-ċittadini jkollhom l-usa’ aċċess possibbli għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE (66). Għalhekk għandu jitqies il-prinċipju tat-trasparenza biex ikun iddeterminat, għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament, il-bilanċ bejn l-eċċezzjoni invokata u l-interess pubbliku superjuri (67).

97.      It-trasparenza ma hijiex kunċett astratt; lanqas ma hija ħtieġa assoluta. Sikwit jeħtiġilha tkun eżaminata b’rabta ma’ għanijiet oħra f’kompetizzjoni magħha. Jidhirli, għalhekk, li jkun iktar milli simplistiku li wieħed jgħid (pereżempju) li atti leġiżlattivi ġeneralment ikunu jeħtieġu livell għoli ta’ trasparenza, iżda li attivitajiet istituzzjonali oħra ġeneralment ikunu jeħtieġu anqas trasparenza. Ir-regola ġenerali skont ir-Regolament hija li l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw l-usa’ aċċess possibbli għad-dokumenti tagħhom (68). Waqt li nirrikonoxxi kemm huma partikolari n-negozjati internazzjonali, ma jsegwix awtomatikament li għal attivitajiet bħal dawn tapplika dejjem anqas, milli iktar, trasparenza, ukoll meta s-suġġett, bħalma huwa f’dan il-każ, jitqies li jkun sensittiv.

98.      Fil-fehma tiegħi ma għandux ikun determinanti jekk l-istituzzjoni tkunx qed taġixxi f’kapaċità leġiżlattiva, eżekuttiva jew amministrattiva. Minflok, dak li jimporta huwa li f’kull każ l-istituzzjoni kkonċernata għandha tagħmel l-evalwazzjoni meħtieġa mir-Regolament b’attenzjoni u b’mod oġġettiv u għandha tipprovdi l-motivazzjoni ddettaljata u speċifika meħtieġa fid-deċiżjoni tagħha.

99.      Il-Qorti Ġenerali tinnota fil-punti 91 sa 95 tas-sentenza appellata li l-Kunsill ħalla barra ħaġa importanti meta eżamina jekk kienx hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar meta ħa d-deċiżjoni tiegħu għat-talba għal aċċess għad-dokument 11897/09. Il-Kunsill naqas milli jqis il-fatt li s-suġġett tal-ftehim previst kien dwar drittijiet fundamentali u li għalhekk kienet tkun iġġustifikata iktar (milli anqas) trasparenza. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill kien naqas milli jagħmel evalwazzjoni sħiħa għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament.

100. Jidhirli li s-suġġett tal-ftehim previst għandu jkun fattur importanti fl-eżami ta’ fejn ikun jinsab il-bilanċ tal-interess pubbliku. Fejn dak is-suġġett x’aktarx li jkollu impatt fuq id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, partikolarment fuq id-drittijiet fundamentali tagħhom, ikun hemm b’mod ċar interess pubbliku fl-iżvelar. Il-kwistjoni mbagħad tkun liema minn dawn iż-żewġ interessi kompetituri jkun l-interess superjuri. Hawnhekk il-kwistjonijiet li għandhom ikunu bbilanċjati huma, minn naħa waħda, l-impatt tal-iżvelar fuq l-interess tal-Kunsill meta talab u rċieva parir mis-Servizz Legali tiegħu u, min-naħa oħra, l-interess ġenerali fit-trasparenza (partikolarment fejn ikunu jistgħu jintlaqtu drittijiet fundamentali (69)) u l-prinċipju li t-trasparenza ssaħħaħ id-demokrazija u tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jagħtu iktar leġittimità lill-istituzzjonijiet. Jidhirli li jekk jonqos li jitqiesu dawn l-elementi, ma tkunx saret evalwazzjoni sħiħa għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament. Għalhekk jiena nikkonkludi li t-tieni aggravju huwa infondat.

 L-ispejjeż

101. Skont l-Artikoli 138(1) u 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kunsill, bħala l-parti telliefa f’dan l-appell, għandu jħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, waqt li l-Parlament u l-Kummissjoni għandhom, kull wieħed minnhom, ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-appell;

–        tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea jbatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamentˮ).


3 – Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2012, Sophie in’t Veld vs Il-Kunsill (T‑529/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellataˮ).


4 – Skont il-Programm dwar is-Sorveljanza tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (Terrorist Finance Tracking Programme, iktar ’il quddiem it-“TFTPˮ) żviluppat mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, is-Soċjetà għat-Telekomunikazzjoni Finanzjarja Interbankarja Dinjija (Society for Worldwide Interbank Financial Telekommunication, iktar ’il quddiem “SWIFTˮ) hija obbligata, fl-Istati Uniti tal-Amerika, tittrasferixxi lid-Dipartiment tat-Teżor serje ta’ data ta’ messaġġi finanzjarji min-netwerk tagħha ta’ messaġġi finanzjarji u li huma maħżunin minn SWIFT f’database li tinsab fit-territorju tal-Istati Uniti. Ħafna minn din id-data tinħoloq fl-Istati Membri tal-UE. SWIFT hija intrapriża mwaqqfa skont il-liġi Belġjana, li toffri servizzi ta’ messaġġi finanzjarji mad-dinja kollha li jħaffu trasferimenti internazzjonali u oħrajn ta’ flus bejn istituzzjonijiet finanzjarji. Il-messaġġi jkun fihom data personali bħall-ismijiet u l-indirizzi ta’ min iħallas u ta’ min jitħallas.


5 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, iktar ’il quddiem is-“sentenza Turcoˮ).


6 – Sa mill-1 ta’ Diċembru 2009 it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-TUE jiddikjara li: “Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.ˮ Ara wkoll l-Artikolu 10 tat-TUE dwar il-prinċipju ta’ demokrazija, (l-iktar l-Artikolu 10(3) li jtenni t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1), u l-Artikolu 15 TFUE, li jittratta dwar governanza tajba, nuqqas ta’ ħabi, trasparenza u aċċess għal dokumenti.


7 – Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007  303, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Kartaˮ). Fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata il-Karta kienet għadha ma laħqitx l-istatus ta’ Trattat.


8 – Artikolu 1(a) tar-Regolament.


9 – Fil-11 ta’ Frar 2010, il-Parlament ċaħad il-ftehim internazzjonali interim li bih l-awtoritajiet tal-Istati Uniti setgħu jitolbu data ta’ messaġġi fil-qafas tat-TFTP minħabba li ma kienx jipproteġi biżżejjed id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-ħajja privata. Fl-1 ta’ Awwissu 2010, daħal fis-seħħ il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (ĠU 2010 L 195, p. 5).


10 – Ara l-punti 39, 57 sa 60 u 122 sa 125.


11 – Punt 25.


12 – Punt 30. Fit-taqsimiet tal-konklużjonijiet tiegħi li huma rilevanti ser niddeskrivi r-raġunament iddettaljat tal-Qorti Ġenerali kkontestat mill-Kunsill f’dan l-appell.


13 – Punt 28.


14 – Punti 39 u 57 sa 60.


15 – Punti 51 to 54.


16 – Fiż-żmien rilevanti l-Artikolu 300(1) KE kien jgħid li l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali kellha ssegwi rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati meħtieġa. F’dak il-kuntest l-Artikolu 300(6) KE kien jipprovdi li l-istituzzjonijiet setgħu jitolbu opinjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-ftehim propost kienx kompatibbli mat-Trattat. L-Artikolu 300 KE minn dak iż-żmien ’l hawn kien tħassar u ġie ssostitwit bl-Artikolu 218 TFUE u l-proċedura tal-Artikolu 300(6) illum hija stabbilita fl-Artikolu 218(11) TFUE.


17 – Punti 55 sa 57.


18 – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-17 ta’ Settembru 2009, dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispozizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta’ pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu, dok. P7_TA(2009)0016 tas-17 ta’ Settembru 2009.


19 – Punt 59.


20 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill [22/70, Ġabra p. 263, iktar ’il quddiem is-“sentenza ERTAˮ (Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Stradali)].


21 – Sentenza ERTA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 84 u 85.


22Ibid., punt 86.


23 – Opinjoni 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975 (Ġabra p. I‑1355, ara p. 1360 sa 1361).


24 – Opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996 (Ġabra p. I‑1759, ara l-punti 3 sa 6).


25Ibid.,punt 4.


26Ibid., punti 5 u 6. Dak iż-żmien, il-proċedura kienet tinsab fl-Artikolu 228(6) KE. L-Artikolu 300(6) KE kien id-dispożizzjoni rilevanti meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata. Fil-preżent, il-proċedura tinsab fl-Artikolu 218(11) TFEU (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16).


27 – Ma nesprimi l-ebda fehma dwar jekk kienx xieraq jew le li l-Parlament abbozza r-riżoluzzjoni tiegħu eżattament kif għamel. Dak li jimporta għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar aċċess għad-dokument 11897/09 huwa li, fil-fatt, xejn ma kien għadu sigriet. L-informazzjoni kienet diġà fl-isfera pubblika.


28 – Ser neżamina iktar ’l isfel, fil-punti 66 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-użu tal-kliem “konkretament u effettivament” fit-test Ingliż tas-sentenza appellata.


29 –            Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs My Travel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08, Ġabra p. I‑6237, iktar ’il quddiem is-“sentenza My Travel”, punt 75).


30 – L-espressjoni Franċiża “pourrait porter concrètement et effectivement atteinte à l’intérêt public en causeˮ (enfasi miżjuda minni) fil-punt 49 tas-sentenza Turco, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, hija tradotta bħala “[…] specifically and effectively […]” fil-punt 49 tal-verżjoni fil-lingwa Ingliża tas-sentenza ta’ dak it-test. Iżda l-kelmiet “specifically and actually” jintużaw fil-verżjonijiet Ingliżi ta’ sentenzi f’kawżi oħra, bħall-Kawża C‑477/10 P (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iktar ’il quddiem is-“sentenza Agrofert Holding”, punt 57). Nifhem li l-espressjonijiet “specifically and effectively” u “specifically and actually” għandhom l-istess tifsira fl-Ingliż tat-test fil-punt 49 tas-sentenza Turco).


31 – Sentenza My Travel, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 76.


32 – Sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, iktar ’il quddiem is-“Sison”).


33 – Sentenza Sison, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 34.


34 – Ara l-punt 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fis-sentenza Sison, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32.


35 –      Punt 64.


36 – Punti 69 sa 73.


37 – Punti 74 sa 77.


38 – Punt 78.


39 – Punti 79 u 80.


40 – Punti 81 u 82.


41 – Punti 83 sa 87.


42 – Punti 88 sa 92.


43 – Punti 93 sa 95.


44 – Punti 98 sa 102.


45 – Il-Kunsill jiddeskrivi t-test bħala “preġudizzju ‘konkret u effettiv’” fil-punti 47, 49 u 51 tal-appell tiegħu.


46 – Punt 69 tas-sentenza appellata.


47 – Sentenza Turco, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 46 u 47.


48 – Huwa minnu li l-premessa 6 tgħid li “Għandu jingħata aktar aċċess għad-dokumenti f'każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċitajiet leġislattivi tagħhom, inklużi dawk taħt setgħat delegati [...]ˮ. Madankollu, dak il-ħsieb ma huwiex rifless fit-test tal-Artikolu 4(2) u hija ġurisprudenza stabbilita li s-sempliċi premessi ma joħolqux effett vinkolanti: ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005 Deutsches Milch-Kontor (C‑136/04 Ġabra p. I‑10095, punt 32 u tat‑28 ta’ Ġunju 2008, Caronna (C‑7/11, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata..


49 – Ara l-Artikoli 1 u 10 tat-TUE u l-Artikolu 15 TFUE, iċċitati fil-punt 3 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet; ara wkoll il-premessa 2 tar-Regolament.


50 – Tajjeb ikun innotat li t-test attwali tar-Regolament ma jagħmilx “klassifikazzjoni bħal din skont il-kategorija ta’ attività” (leġiżlattiva, eżekuttiva jew ġudizzjarja) li istituzzjoni tkun qed twettaq. Għalhekk l-attivitajiet ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhomx it-tikketta “attività ġudizzjarja”, iżda jkunu koperti minn “proċedimenti tal-qorti” imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2).


51 – Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 201, Siemens vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, punt 392).


52 – Ara s-sentenza Turco, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 49 u 50. Ara wkoll is-sentenza Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 57.


53 – Il-Kunsill jibbaża ruħu fuq is-sentenza Turco, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, kif ukoll fuq is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P [2010] Ġabra p. I‑8533, iktar ’il quddiem is-“sentenza APIˮ) u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, iktar ’il quddiem is-“sentenza Technische Glaswerkeˮ).


54 – Sentenza Turco, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 42. L-interess li bih jista’ jinkiseb parir sinċier, oġġettiv u komplet huwa r-raġuni għaliex il-prinċipju ġenerali li parir legali huwa protett fid-dritt tal-UE kien irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S vs Il‑Kummissjoni (155/79, Ġabra p. I‑1575, punti 18 sa 21). Ara s-sentenza sussegwenti tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et [C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punti 47 sa 50 (dwar avukati interni)].


55 – Sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.


56 – Sentenza Technische Glaswerke, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.


57 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.


58 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.


59 – Sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 78.


60 – Sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 85.


61 – Sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 93. Essenzjalment żammejt intatta l-kelma Franċiża “débatsˮ, għaliex “the proceedingsˮ fit-test Ingliż ma għandhiex kompletament, naħseb, is-sustanza tal-ordni tal-Qorti.


62 – Sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-Qoti tal-Ġustizzja hawnhekk kienet qiegħda tqassar. Fil-preżent hemm tliet qrati distinti (il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku) li kull waħda għandha r-Regoli tal-Proċedura speċifiċi għaliha.


63 – Sentenza API, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 80 sa 84; ara l-kumment tiegħi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64 – Sentenza TechnischeGlaswerke, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 60 u 61.


65 – Sentenza Turco, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 65. Ara wkoll is-sentenza My Travel, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 116.


66 – Ara l-Artikolu 1 u l-premessi 1, 2, 4 u 11 tar-Regolament.


67 – Ara l-Artikoli 1 u 10 TUE u l-Artikolu 15 TFUE, iċċitati fil-punt 3 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punt 68).


68 – Artikolu 1 u l-premessa 11 tar-Regolament.


69 – Għal eżami studjat dwar l-importanza li jitqiesu d-drittijiet fundamentali fil-formulazzzjoni ta’ testi legali vinkolanti, ara l-konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalόn fil-Kawżi magħquda C‑293/12 u C‑594/12 Digital Rights Ireland, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 35 sa 45.