SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Lulju 2015 (*)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-ACER — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà tar-rikors — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-ACER fir-rigward tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Rikors għad-danni — Preavviż — Dannu morali — Kumpens”

Fil-Kawża F‑34/14,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE,

DP, li kienet membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, residenti f’Idrija (is-Slovenja), irrappreżentata minn S. Pappas, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet u S. Vaona, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch, President, M. I. Rofes i Pujol u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2015,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-11 ta’ April 2014, DP titlob, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013 li permezz tagħha d-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) irrifjuta li jġedded il-kuntratt tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-ACER tiġi kkundannata sabiex tħallasha somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-kuntest ġuridiku huwa kkostitwit, l-ewwel nett, mill-Artikoli 3a u 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

3        Imbagħad, l-Artikolu 28, bit-titolu “Il-Persunal”, tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi [l-ACER] (ĠU L 211, p. 1) jipprevedi:

“1.      Ir-Regolamenti tal-Persunal [tal-Unjoni Ewropea], il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni Ewropea] għall-finijiet tal-applikazzjoni [tal-imsemmija Regolamenti] tal-Persunal u l-Kondizzjonjiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija, inkluż id-Direttur tagħha.

2.      Il-Bord tal-Amministrazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni [Ewropea], għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni adatti, konformement mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Unjoni Ewropea].

[…]”

4        Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2011/11 tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-ACER, tal-1 ta’ Ġunju 2011, dwar l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan l-ACER (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni”) fl-Artikolu 6 tagħha, bit-titolu “Żmien tal-kuntratti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tipprevedi:

“1.      Il-[membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg] jistgħu jiġu rreklutati, bl-ewwel kuntratt tagħhom, għal perijodu fiss ta’ minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ ħames snin.

2.      Fil-gruppi ta’ funzjonijiet II, III u IV, kull tiġdid tal-kuntratt jitwettaq għal [żmien determinat] ta’ minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ ħames snin. It-tieni tiġdid mingħajr interruzzjoni li jwassal għal kuntratt għal żmien indeterminat jista’ jingħata biss jekk iż-żmien akkumulat tal-ewwel żewġ kuntratti jkopri minimu ta’ ħames snin.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fl-aħħar nett, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/11 tad-Direttur tal-ACER, tat-28 ta’ Mejju 2013, dwar it-tiġdid tal-kuntratti qabel l-iskadenza tagħhom (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2013/11”) jipprevedi li, “[f]il-każ ta’ membru tal-persunal li jkun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont kuntratt għal żmien determinat matul perijodu ta’ iktar minn sena [waħda] u li ma jaqbiżx [tliet] snin, id-deċiżjoni dwar jekk il-kuntratt jiġġeddidx jew le għandha tittieħed u tiġi nnotifikata sa mhux iktar tard minn [tliet] xhur qabel it-tmiem tal-imsemmi kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-ACER fl-1 ta’ Jannar 2011 bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-grupp ta’ funzjonijiet II, fil-grad 5, l-ewwel skala. Il-kuntratt ġie konkluż għal sena, sal-31 ta’ Diċembru 2011, imbagħad wara addendum, iġġedded għall-ewwel darba għal sentejn, sal-31 ta’ Diċembru 2013.

7        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-15 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti informat lid-dipartiment tar-riżorsi umani tal-ACER (iktar ’il quddiem id-“dipartiment tar-riżorsi umani”) bl-interess tagħha li l-kuntratt tagħha jiġġedded għat-tieni darba. Id-Direttur tal-ACER (iktar ’il quddiem id-“Direttur”), bħala l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-ACER (iktar ’il quddiem l-“ASTK”), ġie informat ukoll.

8        Wara li, fl-1 ta’ Ottubru 2013, irċeviet messaġġ elettroniku mingħand id-dipartiment tar-riżorsi umani li informaha li “l-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt [tagħha kienet] bdiet” u li d-Direttur “[kellu] jiffirma l-fajl [l-għada]” [traduzzjonijiet liberi], ir-rikorrenti, fit-2 ta’ Ottubru 2013, ġiet offruta kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bl-istess kundizzjonijiet tal-grupp ta’ funzjonijiet, tal-grad u l-iskala bħall-kuntratt li kien ser jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013, għal perijodu determinat ta’ sentejn li jibda mill-1 ta’ Jannar 2014.

9        Wara li qieset li dan il-kuntratt ġdid ma jikklassifikahiex fi skala tajba u li ma jikkostitwixxix tiġdid tal-kuntratt inizjali tagħha, ir-rikorrenti ma ffirmatux u, fid-9 ta’ Ottubru 2013, talbet “korrezzjoni” lid-dipartiment tar-riżorsi umani. Wara skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn ir-rikorrenti u s-servizzi tal-ACER, id-Direttur, fil-31 ta’ Ottubru 2013, informa lir-rikorrenti li kien qiegħed jistenna l-pożizzjoni tad-dipartiment tar-riżorsi umani qabel ma jieħu deċiżjoni.

10      Fil-11 ta’ Novembru 2013, id-Direttur indika lir-rikorrenti li, wara laqgħa mad-dipartiment tar-riżorsi umani u s-servizz legali tal-ACER, kienu qegħdin jeżaminaw il-possibbiltà li jiġi emendat l-addendum li permezz tiegħu l-kuntratt inizjali iġġedded għal sentejn sabiex dan iż-żmien jittawwal għal erba’ snin. Ir-rikorrenti, essenzjalment, wieġbet li hija kienet qiegħda tħalli f’idejn l-Aġenzija biex issib soluzzjoni li tkun konformi mar-regolamenti applikabbli u li hija tittama li tirċievi fi żmien qasir il-“verżjoni kkoreġuta ta’ [...] tiġdid tal-kuntratt [tagħha]” [traduzzjoni libera].

11      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-25 Novembru 2013, is-servizz legali tal-Aġenzija, essenzjalment, staqsa lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) għar-“Riżorsi Umani u s-Sigurtà” tal-Kummissjoni Ewropea jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kienx possibbli t-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

12      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Novembru 2013, id-DĠ għar-“Riżorsi Umani u s-Sigurtà” tal-Kummissjoni bagħat parir tal-unità tiegħu għar-“Relazzjonijiet mal-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-aġenziji u l-uffiċċji amministrattivi” lid-dipartiment tar-riżorsi umani. Dan il-parir legali kien jippreċiża li t-tiġdid previst ma kienx josserva l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, iżda li din id-dispożizzjoni kienet fiha nfisha kuntrarja għall-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg billi din ma kienet tipprevedi l-ebda possibbiltà ta’ deroga. Il-parir kien jindika li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien hemm lok li jiġi segwit ir-raġunament spjegat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Petrilli (T‑143/09 P, EU:T:2010:531) u li jitqies li l-ASTK setgħet iġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti bil-kundizzjoni li tindika r-raġunijiet għaliex l-interess tas-servizz kien jiġġustifika, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, deroga għall-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni. Il-parir kien jindika wkoll li l-Artikolu 6 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni seta’ jiġi emendat sussegwentement sabiex tiġi prevista possibbiltà ta’ deroga, li jekk ikun meħtieġ tiġi kkombinata ma’ garanziji proċedurali.

13      Fit-12 ta’ Diċembru 2013, waqt laqgħa tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-ACER, id-Direttur ġibed l-attenzjoni tal-membri tiegħu dwar inkompatibbiltà possibbli tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni mal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg. Mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta li d-Direttur informa wkoll lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-fatt li l-ACER kienet qiegħda tiffaċċja l-każ ta’ membru tal-persunal li l-kuntratt tagħha kien diġà ġġedded għall-ewwel darba mingħajr ma għaddew ħames snin miż-żmien akkumulat tal-kuntratt inizjali u tal-ewwel kuntratt imġedded, u li għalhekk probabbilment ma setax jiġġedded għat-tieni darba.

14      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad-19 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti, essenzjalment, informat lid-Direttur li hija kienet lesta tiffirma l-proposta ta’ emenda għall-addendum tal-kuntratt inizjali tagħha li jżid iż-żmien tal-ewwel tiġdid minn sentejn għal erba’ snin. Hija indikat li ma kinitx tapprova din is-soluzzjoni, iżda li hija ma kellhiex għażla oħra jekk riedet tibqa’ taħdem għall-Aġenzija.

15      Permezz ta’ messaġġ elettroniku u ittra rreġistrata tal-20 ta’ Diċembru 2013, li r-rikorrenti kkonfermat l-irċevuta tagħhom fl-20 u fit-23 ta’ Diċembru 2013 rispettivament, id-Direttur, li jaġixxi bħala ASTK, ikkomunikalha d-deċiżjoni tiegħu li ma jġeddidx il-kuntratt tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx”). Huwa enfasizza li kien jiddispjaċih b’din id-deċiżjoni, filwaqt li ppreċiża li ma sab l-ebda soluzzjoni li tkun legalment sodisfaċenti, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni. Id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ma kienet tagħmel l-ebda riferiment għall-parir tal-unità għar-“Relazzjonijiet mal-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-aġenziji u l-uffiċċji amministrattivi” li kien bagħat id-DĠ għar-“Riżorsi Umani u s-Sigurtà” tal-Kummissjoni lid-dipartiment tar-riżorsi umani permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Novembru 2013.

16      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-22 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti fakkret lid-Direttur dwar il-possibbiltajiet differenti li l-Aġenzija kienet ipprevediet suċċessivament sabiex iġġedded il-kuntratt tagħha, filwaqt li elenkathom u indikat li, min-naħa tagħha, hija kienet tixtieq biss li tkompli taħdem għall-ACER (iktar ’il quddiem il-“messaġġ elettroniku tat-22 ta’ Diċembru 2013”).

17      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-23 ta’ Diċembru 2013, id-Direttur, għal darba oħra, informa lir-rikorrenti bid-dispjaċir tiegħu li ma sabx soluzzjoni għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha u dwar il-fatt li l-ebda waħda mill-possibbiltajiet previsti ma kienet tqieset “b’saħħitha biżżejjed biex tkun vijabbli” [traduzzjoni libera].

18      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-30 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti talbet lid-Direttur jissospendi l-effetti tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, filwaqt li sostniet li hija kienet ippreżentat ilment li kien jippreżenta l-argumenti tal-avukat tagħha insostenn tat-tiġdid tal-kuntratt tagħha. Hija enfasizzat ukoll in-natura mhux mistennija tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx u indikat li hija kienet taħseb li kellha dritt għal preavviż.

19      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-31 ta’ Diċembru 2013, id-Direttur fakkar lir-rikorrenti li ma kien hemm l-ebda possibbiltà “legalment vijabbli” [traduzzjoni libera] għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha, filwaqt li żguraha, minkejja dan, li d-dipartiment tar-riżorsi umani u s-servizz legali tal-Aġenzija kienu ser jeżaminaw mill-ġdid is-sitwazzjoni u li hija kienet ser tiġi informata b’konklużjoni favorevoli potenzjali.

20      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti indikat lid-Direttur li, matul l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha, hemm lok li jitqies il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-aġenziji mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea l-ġodda, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014, ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni, il-prinċipju tal-ġerarkija tar-regoli, il-kliem ċar tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, fl-aħħar nett, il-kuntrarjetà bejn l-Artikolu 6 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni u l-Artikolu 85 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (iktar ’il quddiem il-“messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2014”). Hija enfasizzat ukoll li, minkejja l-fatt li hija esprimiet l-interess tagħha għal tiġdid tal-kuntratt tagħha disa’ xhur qabel l-iskadenza tiegħu, hija bbenefikat biss minn jumejn tax-xogħol ta’ preavviż wara n-notifika tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx.

21      Fit-3 ta’ Jannar 2014 stess, id-Direttur informa lir-rikorrenti bil-fatt li l-messaġġ elettroniku tagħha ta’ din il-ġurnata kien intbagħat lid-dipartiment tar-riżorsi umani u lis-servizz legali tal-Aġenzija u li kien ser jerġa’ jikkuntattjaha malli jirċievi t-tweġibiet tagħhom.

22      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-13 ta’ Jannar 2014, id-Direttur informa lir-rikorrenti li, bl-għajnuna tad-dipartiment tar-riżorsi umani u tas-servizz legali tal-Aġenzija, kien wettaq l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha fid-dawl tal-argumenti li jinsabu fil-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2014, iżda li dawn l-argumenti supplimentari ma jipprovdulux bażi legali li tippermettilu jġedded il-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2014”). Huwa ppreċiża li l-Artikolu 85 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-Artikolu 6 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ma kinux inkompatibbli, li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni kienu ġew ippreżentati lis-servizz legali tal-Kummissjoni qabel ma ġew adottati, li ma kien qajjem l-ebda oġġezzjoni u li ma għamel l-ebda kumment f’dan ir-rigward, u li l-applikazzjoni kkombinata tal-Artikolu 85 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-Artikolu 6 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ftit li xejn kienet tħallilu għażla f’dan il-każ.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid;

–        jikkundanna lill-ACER tħallasha somma ta’ EUR 10 000 f’kumpens għad-dannu morali li hija tqis li ġarrbet;

–        jikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

24      L-ACER titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

25      L-ACER tqis li r-rikors ma ġiex ippreżentat fit-terminu previst mill-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-[Kondizzjonijiet tal-impjieg] (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Il-messaġġ elettroniku tat-22 ta’ Diċembru 2013, u anki l-messaġġ elettroniku tar-rikorrenti tad-19 ta’ Diċembru 2013, għandu jitqies li huwa lment kontra d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-għada, it-23 ta’ Diċembru 2013, l-Aġenzija wieġbet permezz ta’ messaġġ elettroniku għal dan l-ilment. Il-messaġġi elettroniċi ulterjuri tar-rikorrenti, dak tat-30 ta’ Diċembru 2013 u dak tat-3 ta’ Jannar 2014, iservu biss sabiex itennu l-ilment inizjali. Iż-żewġ deċiżjonijiet li jwieġbuhom għalhekk sempliċement jikkonfermaw id-deċiżjoni li tinsab fil-messaġġ elettroniku tat-23 ta’ Diċembru 2013.

26      Peress li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda, fil-fehma tal-ACER, fit-23 ta’ Diċembru 2013, ir-rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2014 huwa tardiv.

27      Ir-rikorrenti tqis li r-rikors huwa ammissibbli. L-avukat tagħha talab, matul is-seduta, li jkun jista’ jipproduċi dokument ġdid insostenn tal-ammissibbiltà tar-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

28      Għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ġuridika eżatta tad-dokumenti mibgħuta mir-rikorrenti lill-ASTK qabel il-preżentazzjoni tar-rikors taqa’ taħt l-evalwazzjoni esklużiva tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Politi vs Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, C‑154/99 P, EU:C:2000:354, punt 16).

29      L-ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikun dik l-ittra li biha l-uffiċjal, mingħajr ma jitlob espressament li tiġi rtirata d-deċiżjoni inkwistjoni, juri biċ-ċar ir-rieda tiegħu li jikkontesta d-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju. F’dan ir-rigward, il-kontenut tal-att jipprevali fuq il-forma (sentenza Mendes vs Il-Kummissjoni, F‑125/11, EU:F:2013:35, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jiġi nnotat li kien biss fil-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2014 li r-rikorrenti esprimiet b’mod ċar ir-rieda tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, li fiha hija talbet l-“eżami mill-ġdid” [traduzzjoni libera], filwaqt li sostniet diversi metodi ddettaljati (ara l-punt 20 ta’ din is-sentenza). Il-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2014 għandu għalhekk jiġi kklassifikat bħala lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

31      Imbagħad, hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li, fil-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti qajmet ilmenti li ma kienu jidhru mkien fil-messaġġ elettroniku tad-19 ta’ Diċembru 2013 u lanqas fil-messaġġ elettroniku tat-22 ta’ Diċembru 2013, b’mod partikolari l-fatt li l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni kien kuntrarju għall-Artikolu 85 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tal-ġerarkija tar-regoli. Madankollu, kien biss fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2014 li d-Direttur, bħala ASTK, wieġeb għal dawn l-ilmenti għall-ewwel darba. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, huwa fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni meħuda bi tweġiba għall-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2014 li jiswa daqs ilment, jiġifieri fit-13 ta’ Jannar 2014, li beda t-terminu għall-preżentata ta’ rikors (fuq l-ammissibbiltà ta’ lmenti suċċessivi, ara s-sentenzi Ghignone et vs Il-Kunsill, T‑44/97, EU:T:2000:258, punt 39; Collotte vs Il-Kummissjoni, F‑58/07, EU:F:2008:170, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata, u D’Agostino vs Il-Kummissjoni, F‑93/12, EU:F:2013:155, punt 30, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-Kawża T‑670/13 P). Ir-rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2014 għalhekk ma huwiex tardiv.

32      Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ACER u bbażata fuq in-natura tardiva tar-rikors ma humiex fondati u għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tar-rikorrenti għall-produzzjoni ta’ prova ġdida.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx

33      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti qajmet, fir-rikors tagħha, motiv prinċipali, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 85(1) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg, u motiv sussidjarju, ibbażat fuq ġustifikazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx.

34      Madankollu, matul is-seduta, l-avukat tar-rikorrenti indika li kien qed jirrinunzja għall-motiv sussidjarju.

35      Għalhekk hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar il-motiv uniku, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

 L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li fuqu hija bbażata din id-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, huwa kuntrarju għall-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

37      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li jippermetti li l-ASTK iġġedded il-kuntratt għat-tieni darba biss bil-kundizzjoni li l-ewwel żewġ kuntratti jkopru perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, jintroduċi eċċezzjoni għall-possibbiltà li wieħed jibbenefika mit-tiġdid tal-kuntratt għat-tieni darba ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, li hija prevista mill-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. L-effett tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jkun li jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, billi jintroduċi, għall-għoti tat-tieni kuntratt imġedded, kundizzjoni li ma hijiex prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri dik li l-parti kkonċernata tkun ħadmet mal-Aġenzija għal minimu ta’ ħames snin.

38      Tali deroga hija illegali, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġerarkija tar-regoli u tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huma ċari, eżawrjenti u preċiżi u ma jħallu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-amministrazzjoni biex tqis li ċerti kuntratti ma jistgħux jibbenefikaw mit-tiġdid għat-tieni darba. L-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għandu bħala effett li jippermetti lill-Aġenzija tostakola tiġdid tal-kuntratt għal żmien indeterminat billi toffri lill-membru tal-persunal, b’mod arbitrarju, kuntratt inizjali u kuntratt imġedded għall-ewwel darba li jkollu żmien akkumulat li jkun iqsar miż-żmien meħtieġ ta’ ħames snin.

39      Fit-tieni lok, dejjem skont ir-rikorrenti, sa fejn l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għandu jiġi interpretat bħala li jintroduċi eċċezzjoni mhux għall-possibbiltà li wieħed jibbenefika mit-tiġdid għat-tieni darba, imma għar-regola li skontha t-tiġdid għat-tieni darba jista’ jingħata biss għal żmien indeterminat, dan għandu jitqies ukoll li dan huwa kuntrarju għall-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

40      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tinvoka s-sentenza Scheefer vs Il-Parlament (F‑105/09, EU:F:2011:41, punti 51 u 53 sa 55), li r-regola dwar iż‑żmien indeterminat tat-tiġdid għat-tieni darba kienet ġiet stabbilita bl-għan li tipproteġi l-istabbiltà tal-impjieg, li hija għan fundamentali tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) u l-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li huwa anness miegħu. L-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu għalhekk ikun suġġett għal interpretazzjoni li tiżgura li dan ikollu portata wiesgħa, billi l-għan tiegħu huwa li jxekkel lill-amministrazzjoni milli tabbuża mis-setgħa tagħha billi tirrikorri għal kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

41      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, l-avukat tar-rikorrenti sostna li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni kienu ġew adottati mingħajr ma ġie kkonsultat il-Kumitat tal-Persunal tal-Aġenzija u li dawn ma kinux suġġetti għal pubblikazzjoni adegwata.

42      Min-naħa tagħha, l-ACER talbet li l-motiv jiġi miċħud, filwaqt li sostniet li l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ma jikkontradixxix l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx ma hijiex ivvizjata bi żball ta’ liġi.

43      Fl-ewwel lok, l-ACER sostniet li, f’konformità mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Macchia (T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 60), li, f’dan il-każ, hija rilevanti b’analoġija, l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistax jiġi interpretat bħala li għandu l-għan li jiggarantixxi l-kontinwità tal-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

44      Fit-tieni lok, l-ACER sostniet li, skont il-ġurisprudenza, membru tal-persunal bil-kuntratt detentur ta’ kuntratt għal żmien determinat, fil-prinċipju, ma għandu l-ebda dritt li l-kuntratt tiegħu jiġġedded; it-tiġdid huwa biss sempliċi possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun konformi mal-interess tas-servizz. L-amministrazzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti. Iż-żmien tar-relazzjoni tax-xogħol bejn istituzzjoni u membru tal-persunal bil-kuntratt tkun irregolata mill-kuntratt konkluż bejn il-partijiet.

45      Konsegwentement, sakemm dan ma jwassalx għal użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, it-tiġdid tal-kuntratti jista’ jkun suġġett għal kundizzjoni. L-ACER kienet issuġġettat dan it-tiġdid għal kundizzjoni permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li jippreċiżaw b’mod trasparenti l-kriterji li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet ta’ tiġdid. Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni huma “komplementari u koerenti” [traduzzjoni libera] mal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

46      Fit-tielet lok, l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jsegwi l-mudell li kienet issuġġeriet il-Kummissjoni fl-2011 sabiex, minn naħa, jiġu armonizzati r-regolamenti tal-aġenziji u, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata “simetrija fit-trattament tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u tal-membri tal-persunal temporanju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex jiġi evitat li l-membri tal-persunal bil-kuntratt ma jkunux jistgħu jiksbu kuntratt għal żmien indeterminat fi żmien iqsar mill-membri tal-persunal temporanju fi ħdan l-istess aġenzija. Il-Kummissjoni barra minn hekk kienet “appoġġat” [traduzzjoni libera] ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-ACER.

47      Barra minn hekk, l-ACER tindika li hija ma setgħetx tosserva għalkollox il-proċedura spjegata fid-Deċiżjoni 2013/11, peress li l-“prekundizzjoni fundamentali[,] jiġifieri li wieħed ikun eliġibbli għat-tiġdid” [traduzzjoni libera], ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ.

48      Fl-aħħar nett, l-ACER sostniet, matul is-seduta, li l-ilmenti mqajma mill-avukat tar-rikorrenti matul l-imsemmija seduta u bbażati fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal tal-Aġenzija qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-implementazzjoni u n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni huma ġodda u għalhekk inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

49      Insostenn tat-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

50      Skont l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, “[i]l-kuntratti tal-persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3a [tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg] jistgħu jkunu konklużi għal perjodu stabbilit [żmien determinat] ta’ mill-anqas tliet xhur u mhux aktar minn ħames snin. Jistgħu jiġġeddu mhux aktar minn darba għal perjodu stabbilit ta’ mhux aktar minn ħames snin. Il-kuntratt inizjali u l-ewwel tiġdid ta’ tul totali [żmien akkumulat] ta’ mhux anqas minn sitt xhur għal grupp tal-funzjoni I u mhux anqas minn disa’ xhur għall-gruppi l-oħra tal-funzjoni. Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit [żmien indeterminat]. […]”

51      Bħalma sostniet ġustament l-ACER, hemm lok li jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi l-possibbiltà ta’ tiġdid għat-tieni darba, dan ma huwiex dritt mogħti lill-parti kkonċernata u lanqas garanzija ta’ ċerta kontinwità tal-impjieg, iżda possibbiltà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-ASTK. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom abbażi tal-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Petrilli, EU:T:2010:531, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il-Kummissjoni vs Macchia, EU:T:2014:266, punti 49 u 60).

52      Madankollu, l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jissuġġetta l-possibbiltà tat-tiġdid tal-kuntratt għal żmien indeterminat għat-tieni darba għall-kundizzjoni, sine qua non, li ż-żmien akkumulat tal-kuntratt inizjali u tat-tiġdid tiegħu għall-ewwel darba jkopri minimu ta’ ħames snin. Jekk din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfatta, tiġi eskluża b’mod obbligatorju kwalunkwe possibbiltà ta’ tiġdid, fuq talba jew anki ex officio.

53      Issa, meta istituzzjoni jew aġenzija tingħata s-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni intiżi li jikkompletaw jew li jimplementaw id-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri u vinkolanti tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-awtorità kompetenti la tista’ tmur contra legem, b’mod partikolari billi tadotta dispożizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom tkun kuntrarja għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew li ċċaħħadhom minn kull effettività, u lanqas ma tista’ tikser l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Petrilli, EU:T:2010:531, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati fil-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jistabbilixxu kriterji adatti sabiex jiggwidaw lill-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jew sabiex tippreċiża l-portata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li ma jkunux ċari. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ma jistgħux legalment, permezz tal-preċiżjoni ta’ terminu ċar tar-Regolamenti tal-Persunal, jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u lanqas ma jistgħu jipprevedu regoli li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri, bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt (sentenzi Brems vs Il-Kunsill, T‑75/89, EU:T:1990:88, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Għalhekk, fis-sentenza Brems vs Il-Kunsill (EU:T:1990:88, punt 30), il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej iddikjarat illegali l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li bl-isforz li jiġi ppreċiżat il-kliem “kull persuna”, li jinsab fl-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija Artikoli 3 u 7 kienu imponew limiti tal-età minimi u massimi applikabbli għall-persuni li jistgħu jitqiesu li huma wlied dipendenti u, b’dan il-mod, kienu eskludew ex officio mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal lill-persuni kollha li kienu jinsabu bejn il-limiti tal-età imposti, u b’hekk l-Awtorità tal-Ħatra ġiet miċħuda mill-possibbiltà li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha f’kull każ speċifiku.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jirrestrinġi l-portata tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, peress li dan jintroduċi kundizzjoni supplimentari għat-tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li ma hijiex prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li tostakola l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-amministrazzjoni, mingħajr ma limitazzjoni simili tkun tista’ tiġi ġġustifikata oġġettivament mill-interess tas-servizz. Issa, sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni espressa għal dan l-għan, deċiżjoni interna tal-ACER ta’ portata ġenerali, bħad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, ma tistax tirrestrinġi legalment il-portata ta’ regola espressa prevista mir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Petrilli, EU:T:2010:531, punti 31 u 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mill-ACER dwar l-għanijiet imfittxija mill-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ma jistgħux jintlaqgħu.

58      Fl-ewwel lok, la l-ħtieġa li tiġi armonizzata l-prattika tal-aġenziji u tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reklutaġġ u l-impjieg ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt u lanqas il-ħtieġa li tiġi żgurata “simetrija” [traduzzjoni libera] fit-trattament bejn il-membri tal-persunal temporanju u l-membri tal-persunal bil-kuntratt fir-rigward taż-żmien ta’ servizz meħtieġ biex ikunu eliġibbli għal kuntratt għal żmien indeterminat, jekk jiġi preżunt li l-imsemmija ħtiġijiet huma stabbiliti, ma huma ta’ natura li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tal-ġerarkija tar-regoli.

59      Fit-tieni lok, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni huma identiċi għal dawk tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1313, tas-7 ta’ April 2004, li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan il-Kummissjoni ma huwiex iktar ta’ natura li jiġġustifika li l-ASTK tiċċaħħad b’mod awtomatiku mis-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-kuntest tat-tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1264, tat-2 ta’ Marzu 2011, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 79(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li tirregola l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 3a u 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u li ġiet adottata qabel id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, ma għadux jipprevedi kundizzjoni ta’ żmien minimu tal-kuntratt inizjali u tal-ewwel tiġdid tiegħu sabiex isir tiġdid tal-kuntratt għat-tieni darba.

60      Fl-aħħar nett, fir-risposta, l-ACER reġgħet sostniet li “l-Aġenzija pprevediet, fi ħdanha, il-possibbiltà li tirrikorri għal forma ta’ trattament eċċezzjonali”, iżda li, f’dan il-każ, “[l-]evalwazzjonijiet [tar-rikorrenti] għas-snin 2011 u 2012 ma pprovdewx provi biżżejjed ta’ prestazzjonijiet eċċezzjonali li jippermettu li tiġi ġġustifikata kwalunkwe deroga għar-regolament applikabbli” [traduzzjonijiet liberi].

61      Issa, tali argument ma huwiex ta’ natura li jwieġeb għall-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma, sa fejn l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ma jipprevedi l-ebda eċċezzjoni għall-kundizzjoni li tirrikjedi żmien akkumulat ta’ ħames snin tal-kuntratt inizjali u tal-ewwel tiġdid tiegħu.

62      Fi kwalunkwe każ, mill-atti tal-proċess u b’mod partikolari mid-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx jirriżulta li l-ACER irrifjutat it-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti għall-unika raġuni li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li l-parti kkonċernata tkun ibbenefikat minn kuntratt inizjali u minn kuntratt imġedded għall-ewwel darba għal żmien akkumulat ta’ minimu ta’ ħames snin ma kinitx issodisfatta.

63      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’ tiġi mġiegħla sabiex, meta hija tiċħad l-ilment b’mod espliċitu, temenda r-raġunijiet li fuqhom hija tkun adottat l-att ikkontestat, tali emenda ma tistax isseħħ wara l-preżentata, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tar-rikors kontra l-att ikkontestat. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni ma hijiex awtorizzata, fil-mori tal-kawża, tissostitwixxi motivazzjoni kompletament ġdida b’ motivazzjoni inizjalment żbaljata (sentenza Allen vs Il-Kummissjoni, F‑23/10, EU:F:2011:162, punt 98).

64      Il-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx ibbażata fuq il-prestazzjonijiet tar-rikorrenti, li ġiet prodotta għall-ewwel darba fil-mori tal-kawża, għalhekk ma tistax titqies mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest tal-istħarriġ tiegħu tal-legalità tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx.

65      Sussidjarjament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li din il-ġustifikazzjoni kjarament tmur kontra l-atti tal-proċess, li minnhom jirriżulta li l-Aġenzija, diversi drabi, esprimiet ix-xewqa li żżomm ir-relazzjoni ta’ impjieg li kienet torbotha mar-rikorrenti.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 53 sa 56 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni u li tiġi annullata d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, mingħajr ma jkun hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar iż-żewġ ilmenti ġodda ppreżentati fis-seduta mill-avukat tar-rikorrenti.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

 L-argumenti tal-partijiet

67      Ir-rikorrenti tqis li ġarrbet dannu morali sinjifikattiv, li mhux ser ikun ikkumpensat jekk tiġi annullata d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, minħabba l-fatt li l-ACER damet biex tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, bi ksur tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni 2013/11 li tipprevedi terminu ta’ tliet xhur qabel l-iskadenza tal-kuntratt fis-seħħ għal dan il-għan.

68      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx ġiet innotifikata lilha fl-20 ta’ Diċembru 2013 biss, jiġifieri ftit ġranet qabel l-iskadenza tal-kuntratt tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013, filwaqt li, mix-xahar ta’ Ottubru, hija kienet ġiet aċċertata b’mod kostanti dwar il-fatt li kienet ser tinstab soluzzjoni u li l-kuntratt tagħha kien ser jiġġedded. L-inċertezza u l-pressjoni psikoloġika li rriżultaw minn dan id-dewmien kienu saru tali li r-rikorrenti kienet lesta li taċċetta l-offerta tad-19 ta’ Diċembru 2013, li hija madankollu kienet taf li kienet illegali u li tmur kontra l-interessi fit-tul tagħha. Id-dewmien fit-tiġdid tal-kuntratt tagħha għalhekk immultiplika l-effetti negattivi tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx. Wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti konsegwentement kienet żviluppat reazzjoni ta’ stress akut, iddijanjostikata fit-23 ta’ Diċembru 2013.

69      Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistabbilixxi ex æquo et bono l-ammont tal-kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet. Skont ir-rikorrenti, is-somma ta’ EUR 10 000 tkun xierqa.

70      L-ACER tammetti li d-deċiżjoni 2013/11 ma ġietx osservata f’dan il-każ, iżda titlob li jiġu miċħuda t-talbiet għal kumpens. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova insostenn tal-allegazzjoni dwar l-istat tas-saħħa tagħha u, fi kwalunkwe każ, ir-rabta kawżali bejn id-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx u d-deterjorament tal-istat tas-saħħa tar-rikorrenti ma ġietx stabbilita.

71      Fit-tieni lok, l-ACER sostniet li t-tiġdid tal-kuntratt ma huwiex dritt u li r-rikorrenti sa mill-konklużjoni tal-ewwel addendum fl-2011 kienet taf li l-kuntratt tagħha ma setax jiġġedded għat-tieni darba, jekk ma tiġix issodisfatta l-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni. L-Aġenzija kienet ġibdet l-attenzjoni tagħha wkoll għad-diffikultajiet legali marbuta mat-tiġdid tal-kuntratt tagħha.

72      Fit-tielet lok, billi matul il-perijodu bejn Ottubru u Diċembru 2013 fittxet soluzzjoni legali aċċettabbli għaż-żamma tal-impjieg tar-rikorrenti, l-ACER kienet osservat id-dmir tagħha ta’ diliġenza, filwaqt li wriet li tat attenzjoni u li fehmet is-sitwazzjoni tagħha.

73      Sussidjarjament, l-ACER tqis li l-kumpens għandu jitnaqqas filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet qiegħda biss għal tliet xhur qabel ma ngħaqdet mas-servizzi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’pożizzjoni mill-inqas ekwivalenti għal dik li kellha fi ħdan l-ACER. Barra minn hekk, peress li rċeviet diversi offerti minn istituzzjonijiet Ewropej oħra matul l-aħħar xhur ta’ attività fi ħdan l-Aġenzija, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tnaqqas, u saħansitra telimina, il-konsegwenzi negattivi tat-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali tagħha mal-ACER.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

74      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/11, fil-każ ta’ membru tal-persunal li jkun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont kuntratt għal żmien determinat matul perijodu ta’ iktar minn sena u li ma jaqbiżx it-tliet snin, id-deċiżjoni li l-kuntratt jiġġedded jew ma jiġġeddidx għandha tittieħed u tiġi nnotifikata sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-imsemmi kuntratt.

75      Issa, huwa stabbilit, f’dan il-każ, li d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-20 ta’ Diċembru 2013, jiġifieri ħdax‑il ġurnata biss qabel l-iskadenza tal-kuntratt tagħha, prevista għall-31 ta’ Diċembru 2013, u għalhekk bi ksur evidenti tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/11.

76      Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li d-deċiżjoni 2013/11 ġiet adottata fit-28 ta’ Mejju 2013, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 6(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li fuqu l-ASTK ibbażat ruħha biex tiġġustifika d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx, kien ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2011. L-ACER, li r-rikorrenti kienet avżatha iktar minn disa’ xhur qabel l-iskadenza tal-kuntratt tagħha, għalhekk kellha żmien neċessarju biex tfittex soluzzjoni għat-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti, mingħajr ma tkun obbligata tmur lil hinn mit-terminu stabbilit biex tieħu d-deċiżjoni tagħha.

77      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ACER wettqet nuqqas li jista’ jagħti d-dritt għal kumpens.

78      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-ACER, ir-rikorrenti stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ dannu morali marbut mal-inċertezza li kkaratterizzat il-ħajja professjonali tagħha matul l-aħħar xhur ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt tagħha, minħabba n-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar is-segwitu tar-relazzjoni tax-xogħol tagħha mal-ACER, kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx u l-imsemmi dannu morali.

79      Għaldaqstant, ir-riċerki ta’ impjieg mibdija mir-rikorrenti u l-fatt li hija rċeviet u rrifjutat diversi offerti ta’ impjieg matul l-aħħar xhur tagħha ta’ attività fi ħdan l-Aġenzija jikkorroboraw il-fatt li l-prestazzjonijiet professjonali tagħha kienu ta’ livell tajjeb u, iktar minn hekk, jispjegaw iktar is-sitwazzjoni ta’ inċertezza li l-ACER poġġietha fiha.

80      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti wriet li l-annullament tad-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx ma kienx biżżejjed biex jikkumpensa għad-dannu morali mġarrab, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tan-nuqqas ta’ osservanza mill-ACER tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/11.

81      Għaldaqstant, bla ħsara għall-miżuri li l-ACER ser ikollha tieħu wara l-annullament tad-deċiżjoni li jiġġedded il-kuntratt, hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet għal kumpens u li l-ACER tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrenti d-danni li jammontaw, stmati ex æquo et bono, għal EUR 7 000.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha, iżda li għandha tiġi kkundannata parzjalment biss għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma tiġix ikkundannata f’dan ir-rigward.

83      Mill-motivi stabbiliti f’din is-sentenza jirriżulta li l-ACER hija l-parti li ser titlef. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-ACER tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ACER għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013 li permezz tagħha d-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija rrifjuta t-tiġdid tal-kuntratt ta’ DP hija annullata.

2)      L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija hija kkundannata tħallas lil DP is-somma ta’ EUR 7 000.

3)      L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn DP.

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2015.

Reġistratur

 

       President

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.