SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

8 ta’ Lulju 2015

Kawża F‑34/14

DP

vs

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali tal-ACER – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà ta’ rikors – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 6(2) tad-DĠE tal-ACER dwar l-Artikolu 85(1) tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg – Rikors għad-danni – Preavviż – Dannu morali – Kumpens”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu DP jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013 li permezz tagħha d-Direttur tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) irrifjuta li jġedded il-kuntratt tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna ta’ ACER sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013 li permezz tagħha d-Direttur tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija rrifjuta li jġedded il-kuntratt ta’ DP hija annullata. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija hija kkundannata tħallas lil DP is-somma ta’ EUR 7 000. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija hija kkundannata tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk ta’ DP.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Kunċett – Kwalifikazzjoni li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Tul tal-impjieg – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni – Restrizzjoni permezz ta’ deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali – Ammissibbiltà – Limiti

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 85(1))

3.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Kompetenza tal-istituzzjonijiet – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110)

1.      Il-klassifikazzjoni ġuridika eżatta ta’ ittra jew ta’ nota taqa’ taħt l-evalwazzjoni esklużiva tal-qorti u ma toħroġx mill-volontà tal-partijiet. Tikkostitwixxi lment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ittra li biha uffiċjal, mingħajr ma jitlob espressament l-irtirar tad-deċiżjoni inkwistjoni, juri biċ-ċar ir-rieda tiegħu li jikkontesta d-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju. F’dan ir-rigward, il-kontenut tal-att jipprevali fuq il-forma.

(ara l-punti 28 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Politi vs Fondation européenne pour la formation, C‑154/99 P, EU:C:2000:354, punt 16

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Mendes vs Il-Kummissjoni, F‑125/11, EU:F:2013:35, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Għalkemm l-Artikolu 85(1) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra jipprovdi għall-possibbiltà ta’ tiġdid tal-kuntratt ieħor, dan ma jirrigwardax dritt mogħti lill-persuna interessata u lanqas ma jirrigwarda garanzija ta’ ċerta kontinwità ta’ impjieg, iżda ta’ possibbiltà f’idejn l-evalwazzjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fil-ħatra, għal dan il-għan, tal-persunal li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-ħatriet isiru fl-interess tas-servizz.

Madankollu, l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija dwar l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fl-imsemmija aġenzija jissuġġetta l-possibbiltà tal-għoti ta’ tiġdid ieħor tal-kuntratt għal żmien indeterminat għall-kundizzjoni, sine qua non, li t-tul akkumulat tal-kuntratt inizjali u tal-ewwel tiġdid tiegħu jilħqu minn tal-inqas ħames snin. Fin-nuqqas li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt, kull possibbiltà ta’ tiġdid, fuq talba jew ex officio, hija obbligatorjament eskluża.

Issa, meta istituzzjoni jew aġenżija għandha s-setgħa toħroġ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni intiżi li jikkompletaw jew li jimplementaw id-dispożizzjonijiet li fil-ġerarkija huma superjuri u stretti tar-Regolamenti tal-persunal jew tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, l-awtorità kompetenti la tista’ tmur contra legem, b’mod partikolari billi tadotta dispożizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom tkun tmur kontra l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet statutorji jew li tneħħilhom l-effettività kollha, u lanqas ma tista’ tikser l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Għalhekk, l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija deċiżjoni jirrestrinġi l-portata tal-Artikolu 85(1) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, sa fejn huwa jintroduċi rekwiżit addizzjonali għat-tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra li ma huwiex previst mill-imsemmija kundizzjonijiet u li jostakola l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-amministrazzjoni, mingħajr ma tali limitazzjoni tkun tista’ oġġettivament tiġi ġġustifikata mill-interess tas-servizz. Issa, ħlief għas-setgħa espressament prevista għal dan il-għan, deċiżjoni interna ta’ aġenzija ta’ portata ġenerali, bħal deċiżjoni dwar dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, ma tistax legalment tillimita l-portatata ta’ regola espliċita prevista mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra.

(ara l-punti 51 sa 53 u 56)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punti 31 u 34 sa 36, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il-Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punti 49 u 60

3.      Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati fil-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jiffissaw kriterji adatti sabiex jiggwidaw lill-amministrazzjoni fit-twettiq tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jew sabiex tippreċiża l-portata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li ma jkunux ċari. Madankollu, dawn ma jistgħux legalment, permezz tal-eżattezza ta’ terminu statutorju ċar, jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra u lanqas ma jistgħu jipprevedu regoli li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet li fil-ġerarkija huma superjuri, bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra jew tal-prinċipji ġenerali tad-dritt.

(ara l-punt 54)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi Brems vs Il-Kunsill, T‑75/89, EU:T:1990:88, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata