KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-26 ta’ April 2017 (1)

Kawża C-249/16

Saale Kareda

vs

Stefan Benkö

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ – Talba għar-rimbors ta’ debitur kontra kodebitur għall-maturitajiet bankarji ta’ kuntratt ta’ kreditu komuni – Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu”






1.        Il-kawża preżenti tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li terġa’ tippreċiża l-kunċetti ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt [materji kuntrattwali]” u ta’ “bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi]” fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2).

2.        Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk azzjoni għal irkupru bejn kodebituri ta’ kuntratt ta’ kreditu tikkostitwixxix materja kuntrattwali. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk tali kuntratt jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, li jekk ikun il-każ, iwassal sabiex ikollha tiddetermina l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu karatteristiku tiegħu.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega r-raġunijiet għalfejn naħseb li l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ta’ rkupru bejn il-kodebituri ta’ kuntratt ta’ kreditu tikkostitwixxi “kwistjon[i] relatat[a] ma’ kuntratt [materja kuntrattwali]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

4.        Imbagħad se nispjega għalfejn, fil-fehma tiegħi, it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu li jservi bħala bażi għall-azzjoni għal irkupru mressqa minn kodebitur għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li hija bbażata fuqu t-talba ta’ din l-azzjoni huwa dak fejn il-kreditur li jipprovdi l-kreditu jkollu l-istabbiliment tiegħu.

I.      Il-kuntest ġuridiku

 A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 1215/2012

5.        Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1215/2012 tistipula dan li ġej:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

6.        Skont il-premessi 15 u 16 ta’ dan ir-regolament:

“(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. […].

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

7.        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[s]oġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

8.        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)      a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt [materji kuntrattwali], fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

b)      għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

c)      jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[…]”

2.      Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

9.        Skont il-premessi 7 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (3):

“(7)      L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [(4)] (“Brussell I”) u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) [(5)].

[…]

(17)      Sa fejn tkun konċernata l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla, il-kunċetti ta’ ‘forniment [provvista] ta’ servizzi’ u ‘bejgħ ta’ oġġetti’ għandhom jkunu interpretati bl-istess mod meta jiġi applikat l-Artikolu 5 tar-Regolament […] Nru 44/2001 sa fejn il-bejgħ ta’ oġġetti u l-forniment ta’ servizzi ikunu koperti minn dak ir-Regolament. Għalkemm kuntratti ta’ konċessjoni u ta’ distribuzzjoni huma kuntratti għal servizzi, huma s-suġġett ta’ regoli speċifiċi.”

10.      L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pluralità ta’ debituri”, huwa fformulat kif ġej:

“Jekk kreditur ikollu pretensjoni kontra diversi debituri li jkunu marbuta mill-istess pretensjoni, u wieħed mid-debituri diġà ssodisfa l-pretensjoni fis-sħiħ jew parzjalment, il-liġi li tirregola l-obbligazzjoni tad-debitur lejn il-kreditur għandha tirregola ukoll id-dritt tad-debitur li jitlob adempiment [iressaq azzjoni għal irkupru] mid-debituri l-oħra. Id-debituri l-oħra jistgħu jeċċepixxu d-difiżi li kellhom kontra l-kreditur sal-limitu permess mil-liġi li tirregola l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn il-kreditur.”

3.      Id-Direttiva 2002/65/KE

11.      L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (6), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz finanzjarju” bħala “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”.

B.      Id-dritt Awstrijak

12.      L-Artikolu 896 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jindika li kodebitur in solidum li jkun ħallas waħdu d-dejn kollu huwa awtorizzat, anki mingħajr ma kien hemm trasferiment ta’ drittijiet, jitlob lid-debituri l-oħra r-rimbors, u dan f’ammonti ugwali jekk ma jkun ġie miftiehem ebda ammont ieħor bejniethom.

13.      Qabel ma ġie emendat permezz taz-Zahlungsverzugsgesetz (liġi dwar il-ħlasijiet tard), tal-20 ta’ Marzu 2013 (7), l-Artikolu 905(2) tal-ABGB kien jipprevedi li, f’każ ta’ dubju, id-debitur għandu jħallas lill-kreditur il-ħlasijiet fi flus kontanti għar-riskju u bi spejjeż tiegħu, fid-domiċilju (post ta’ stabbiliment) tal-kreditur.

14.      Din il-liġi introduċiet ukoll l-Artikolu 907a fl-ABGB, artikolu li jipprevedi li dejn monetarju għandu jitħallas fid-domiċilju jew fil-post ta’ stabbiliment tal-kreditur, permezz tar-rimbors tas-somma flus fuq il-post jew permezz ta’ trasferiment tagħha fil-kont bankarju kkomunikat mill-kreditur.

15.      B’konformità mal-Artikolu 1042 tal-ABGB, kull persuna li ssostni spiża għal persuna oħra li kellha tiġi sostnuta minn din tal-aħħar stess skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi għandha d-dritt li titlob ir-rimbors tagħha.

16.      Skont l-Artikolu 1503(2)(1) tal-ABGB, l-Artikolu 907a ta’ dan il-kodiċi għandu jiġi applikat, fil-verżjoni tal-imsemmija liġi, għar-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti mis-16 ta’ Marzu 2013. Ir-relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu ġew stabbiliti qabel din id-data jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet preċedenti. Mandankollu, jekk dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti preċedentement ikunu jipprevedu tranżazzjonijiet monetarji li jridu jiġu eżegwiti b’mod ripetut, id-dispożizzjonijiet il-ġodda japplikaw għall-pagamenti li jsiru dovuti mis-16 ta’ Marzu 2013.

II.    Il-kawża prinċipali

17.      S. Benkö (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), ċittadin Awstrijak, ressaq azzjoni għal irkupru quddiem il-qrati Awstrijaki kontra S. Kareda (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), ċittadina Estonjana u l-ex sieħba tiegħu, fejn qed jitlob is-somma ta’ EUR 17 145.41 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

18.      Meta kienu jirrisjedu flimkien fl-Awstrija, ir-rikorrent u l-konvenuta kienu xtraw dar fl-2007 u għal dan l-għan, kienu ħadu tliet selfiet għal somma totali ta’ EUR 300 000 (iktar ’il quddiem il-“kreditu”) mingħand bank Awstrijak. It-tnejn li huma kellhom il-kwalità ta’ persuna li tissellef u l-qorti tar-rinviju tindika li t-tnejn li huma kienu kodebituri in solidum.

19.      Fit-tmiem tas-sena 2011, il-konvenuta kienet temmet il-ħajja komuni bejniethom u marret lura l-Estonja. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li d-domiċilju attwali tagħha fl-Estonja ma huwiex magħruf.

20.      Mix-xahar ta’ Ġunju 2012, il-konvenuta kienet waqfet tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ rimbors tal-kreditu. Ir-rikorrent għalhekk ħa r-responsabbiltà għar-rimborsi tal-ex sieħba tiegħu flimkien mal-pagamenti mensili tiegħu stess, u dan sax-xahar ta’ Ġunju 2014. Huma dawn ir-rimborsi li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

21.      Il-Landesgericht St. Pölten (qorti reġjonali ta’ Sankt Pölten, l-Awstrija), Qorti tal-Prim’Istanza, għamlet kuntatt mal-ambaxxata tal-Estonja fl-Awstrija sabiex issir taf id-domiċilju tal-konvenuta, mingħajr suċċess. F’dawn il-kundizzjonijiet ġie maħtur mandatarju biex jippreżentaha.

22.      Dan il-mandatarju, li rċieva n-notifiki kollha, qajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza, minħabba li l-konvenuta għandha d-domiċilju tagħha l-Estonja, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, huwa qies li l-fatti deskritti mir-rikorrent ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjonijiet jidderogaw mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4(1) tal-istess regolament. Fi kwalunkwe każ, huwa sostna li l-Landesgericht St. Pölten (qorti reġjonali ta’ Sankt Pölten), adita mir-rikorrent, ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali sa fejn is-self sar minn bank Awstrijak, u sa fejn il-post ta’ eżekuzzjoni relatat ma’ din l-operazzjoni, jiġifieri s-sede ta’ dan il-bank, ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ din il-qorti.

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2015, il-Landesgericht St. Pölten (qorti reġjonali ta’ Sankt Pölten) ikkonstatat nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Ir-rikorrent appella din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) li, b’deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2015, irriformat id-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2015.

24.      Għalhekk il-konvenuta ppreżentat rikors għal “reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju.

III. Id-domandi preliminari

25.      Peress li l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), kellha xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal rimbors (azzjoni għal kumpens/azzjoni għal irkupru) li d-debitur li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu (komuni) ma’ bank, ikun ħa waħdu r-responsabbiltà tar-rimbors tal-kreditu, jeżerċita kontra d-debitur l-ieħor obbligat minn dan il-kuntratt ta’ kreditu, tikkostitwixxi azzjoni kuntrattwali [materja kuntrattwali] (sekondarja) li tirriżulta mill-kuntratt ta’ kreditu?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Fir-rigward tal-azzjoni għal rimbors (bħala azzjoni għal kumpens/azzjoni għal irkupru) ta’ debitur kontra d-debitur l-ieħor obbligat mill-kuntratt ta’ kreditu li jservi bħala bażi għat-talba, il-post ta’ eżekuzzjoni huwa stabbilit:

a)      skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 ([“bejgħ ta’ oġġetti provvista ta’ servizzi”]) jew

b)      skont il-lex causae, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7(1)(c) u (a) tar-Regolament Nru 1215/2012?

3.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, parti (a):

L-għoti tal-kreditu mill-bank jikkostitwixxi l-provvista kuntrattwali li tikkaratterizza l-kuntratt ta’ kreditu u, konsegwentement, il-post ta’ eżekuzzjoni għall-provvista ta’ dan is-servizz huwa stabbilit, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, skont is-sede tal-bank, meta l-għoti tal-kreditu jkun sar esklużivment f’dan il-post?

4.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, parti b):

Sabiex jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali miksur, għandu jsir riferiment:

a)      għad-data li fiha s-self ikun sar miż-żewġ debituri (Marzu 2007) jew

b)      għad-dati partikolari li fihom id-debitur tal-kreditu li għandu d-dritt li jeżerċita l-azzjoni għal irkupru jkun għamel lill-bank il-pagamenti li fuqhom huma bbażati t-talbiet tiegħu (Ġunju 2012 sa Ġunju 2014)?”

IV.    L-analiżi tiegħi

26.      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina, skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

27.      Id-diffikultà kollha ta’ din il-kawża toriġina mill-fatt li l-azzjoni fil-kawża prinċipali mressqa mir-rikorrent hija azzjoni għal irkupru bejn kodebituri li toriġina minn kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn dawn tal-aħħar u bank Awstrijak.

28.      Fir-realtà, il-mistoqsija li r-risposta għaliha hija essenzjali, qabel jiġu eżaminati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jkunu relatati mas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, hija dik ta’ jekk, biex japplika dan ir-regolament, nistgħux “nisseparaw” mill-kuntratt ta’ kreditu r-relazzjonijiet ġuridiċi li rriżultaw bejn il-kodebituri in solidum wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt jew jekk dan jikkostitwixxix tassew totalità li ma tistax tiġi sseparata.

29.      Għar-raġunijiet segwenti, naħseb li r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-kodebituri in solidum li rriżultaw meta ġie konkluż kuntratt ta’ kreditu ma jistgħux jiġu sseparati minn dan il-kuntratt.

30.      Fil-fatt, dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu li għalih il-kodebituri in solidum taw il-kunsens tagħhom b’mod volontarju flimkien. Fir-relazzjonijiet mal-kreditur komuni, għalhekk huma t-tnejn aċċettaw li jħallsu d-dejn kollu. Is-servizz li jikkonsisti fis-self tal-flus ma jistax jiġi sseparat mill-obbligu ta’ rimbors. Fil-fatt, self li ma jkunx marbut ma’ obbligu ta’ rimbors ikun donazzjoni. L-obbligu in solidum ta’ rimbors għaldaqstant huwa parti integrali mill-mekkaniżmu kuntrattwali.

31.      Il-fatt jibqa’ li l-kodebitur li jkun ħallas is-sehem kollu jew parti mis-sehem tal-kodebitur l-ieħor fid-dejn komuni jista’ jirkupra l-ammont imħallas b’dan il-mod billi jressaq azzjoni għal irkupru. Ir-raġuni għal din l-azzjoni għalhekk hija minnha nnifisha relatata mal-eżistenza ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, ikun artifiċjali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, li dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi jiġu sseparati mill-kuntratt li ta bidu għalihom u li jikkostitwixxi l-bażi għalihom (8). Jekk jiġi deċiż mod ieħor, fir-rigward ta’ talbiet ibbażati fuq l-istess kuntratt wieħed, dan jista’ jwassal għal bażijiet ta’ ġurisdizzjoni multipli. Il-qorti ta’ Stat Membru jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tat-tilwim li jirriżulta bejn il-kodebituri u l-bank, filwaqt li l-qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward tat-tilwim li jirriżulta bejn il-kodebituri nfushom.

32.      Għalhekk huwa iktar konsistenti jekk il-kwistjonijiet kollha li jistgħu jitqajmu wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu jiġu eżaminati mill-istess qorti. Barra minn dan, hekk huwa espressament previst mir-Regolament Ruma I għal dak li jirrigwarda l-liġi applikabbli. Bħalma tfakkar il-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pluralità ta’ debituri”, jipprevedi b’mod partikolari li “[j]ekk kreditur ikollu pretensjoni kontra diversi debituri li jkunu marbuta mill-istess pretensjoni, u wieħed mid-debituri diġà ssodisfa l-pretensjoni fis-sħiħ jew parzjalment, il-liġi li tirregola l-obbligazzjoni tad-debitur lejn il-kreditur għandha tirregola ukoll id-dritt tad-debitur li jitlob adempiment [jeżerċita azzjoni għal irkupru] mid-debituri l-oħra.”

33.      Għalhekk ma nara ebda raġuni għalfejn is-sitwazzjoni tkun differenti għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal irkupru eżerċitata mill-kodebitur ta’ kuntratt ta’ kreditu kontra l-kodebitur l-ieħor. Dan iktar u iktar peress li l-applikazzjoni reċiproka tar-Regolament Ruma I u tar-Regolament Nru 1215/2012 tobbligana nkunu konsistenti fl-interpretazzjonijiet tagħhom (9). Barra minn hekk, il-fatt li r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-kodebituri in solidum tal-kuntratt li jorbothom flimkien jiġu sseparati jkun imur kontra l-għan ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà li jimmira għalih ir-Regolament Nru 1215/2012 (10). Għalhekk, fir-rigward tal-kodebituri in solidum, il-fatt li jkunu jafu li t-tilwim li jista’ jirriżulta mir-relazzjonijiet ġuridiċi tagħhom se jkun suġġett għall-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni bħal dawk li jirregolaw il-kuntratt ta’ kreditu stess, bla dubju jipprovdi livell għoli ta’ prevedibbiltà.

34.      Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex inqis li l-ġurisdizzjoni tal-qorti responsabbli biex teżamina tilwima dwar ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-kodebituri in solidum li rriżultaw mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għandha tkun dik prevista għat-tilwim li jirriżulta minn dan il-kuntratt.

35.      Għaldaqstant, peress li l-kuntratt ta’ kreditu bla ebda dubju jaqa’ taħt il-materji kuntrattwali, jien tal-fehma li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal irkupru bejn il-kodebituri ta’ kuntratt ta’ kreditu taqa’ taħt “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt [materji kuntrattwali]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36.      Dan espost, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina liema huwa l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li hija bbażata fuqu t-talba, peress li dan il-post jiġi ddeterminat b’mod differenti minn dan l-artikolu skont jekk il-kuntratt huwiex kuntratt għall-bejgħ ta’ merkanzija jew kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew saħansitra l-ebda minn dawn.

37.      Għalhekk, permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu li jservi bħala bażi għall-azzjoni għal irkupru mressqa minn kodebitur għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk dan huwa l-każ, l-obbligu kuntrattwali karatteristiku ta’ dan il-kuntratt huwa l-għoti tas-self, hekk kif f’dak il-każ il-post ta’ eżekuzzjoni ikun is-sede tal-bank?

38.      Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li l-kuntratt ta’ kreditu huwa kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“kunċett ta’ servizz jimplika, minn tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività partikolari inkambju għal remunerazzjoni”(11). Hija ppreċiżat li l-eżistenza ta’ attività tirrikjedi t-twettiq ta’ atti pożittivi, bl-esklużjoni ta’ sempliċi astensjonijiet(12). Għalhekk, hija eskludiet minn din il-klassifikazzjoni l-kuntratt ta’ liċenzja li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għal remunerazzjoni sa fejn il-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jwettaq ebda servizz meta jikkonċedi l-użu ta’ dan id-dritt u jorbot lilu nnifsu biss li jħalli lill-parti kontraenti tgawdi liberament mid-dritt imsemmi (13).

40.      L-affarijiet ikunu differenti fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-kuntratt, min isellef, l-istabbiliment ta’ kreditu, jippermetti jew jorbot lilu nnifsu li jippermetti li jsellef somma flus lil min jissellef fil-forma ta’ ħlas iddifferit, u min jissellef min-naħa tiegħu jorbot lilu nnifsu li jirrimborsa din is-somma, filwaqt li r-remunerazzjoni ta’ dan is-self tikkonsisti fil-ħlas tal-interessi li jirriżultaw minnu. Għalhekk, il-provvista ta’ servizzi tikkonsisti fil-ħlas tal-imsemmija somma minn stabbiliment ta’ kreditu li b’mod abitwali jwettaq l-hekk imsejħa “tranżazzjonijiet bankarji”.

41.      Minn dan jirriżulta li t-tranżazzjoni ta’ kreditu hija servizz finanzjarju. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, dan huwa ċar ukoll fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz finanzjarju” bħala “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”.

42.      Is-sempliċi fatt li l-attività tal-parti li tipprovdi s-servizz taqa’ taħt is-settur finanzjarju ma jistax ikollu l-konsegwenza li jeskludi l-kuntratti koperti minn din l-attività mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan ir-rigward, jidher li l-leġiżlatur tassew kellu l-intenzjoni li jinkludi dan it-tip ta’ servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni. Kif jinnotaw il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali meta l-post tal-provvista tas-servizzi jkun il-Lussemburgu. Madankollu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess artikolu ma kinux applikabbli għall-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi finanzjarji, li kien ifisser li dawn il-kuntratti kienu rregolati mir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, li llum jikkorrispondi għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

43.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

44.      Issa, fadal li jiġi ddeterminat liema huwa l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba. B’konformità mat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, dan il-post huwa dak tal-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, ġew ipprovduti jew kellhom jiġu pprovduti s-servizzi. Fir-realtà, għandu jiġi ddeterminat il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu karatteristiku tal-kuntratt, peress li dan tal-aħħar huwa l-fattur ta’ konnessjoni mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (14).

45.      Fil-każ preżenti, naħseb li fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, dan l-obbligu karatteristiku huwa l-għoti stess tas-somma mislufa. L-obbligu l-ieħor li jinsab f’tali kuntratt, jiġifieri dak li min jissellef għandu jirrimborsa s-somma mislufa, fil-fatt, jeżisti biss permezz tal-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ min isellef, u r-rimbors huwa biss il-konsegwenza.

46.      Fir-rigward tal-post stess tal-eżekuzzjoni tal-obbligu karatteristiku, naħseb li huwa biss il-post ta’ fejn il-kreditur ikollu l-istabbiliment tiegħu li huwa ta’ natura li jiżgura livell għoli ta’ prevedibbiltà, kif ukoll li jissodisfa l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ uniformità li jimmira għalihom it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 (15). Fil-fatt, dan il-post huwa magħruf mill-partijiet sa minn meta jiġi konkluż il-kuntratt u huwa wkoll dak tal-qorti li jkollha l-iktar rabta stretta ma’ dan il-kuntratt.

47.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, naħseb li t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu li jservi bħala bażi għall-azzjoni għal irkupru mressqa minn kodebitur għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba ta’ din l-azzjoni huwa dak fejn il-kreditur li jipprovdi l-kreditu għandu l-istabbiliment tiegħu.

V.      Konklużjoni

48.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) bil-mod li ġej:

1)      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal irkupru bejn il-kodebituri ta’ kuntratt ta’ kreditu tikkostitwixxi “kwistjon[i] relatat[a] ma’ kuntratt [materja kuntrattwali]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2)      It-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-kuntratt ta’ kreditu li jservi bħala bażi għall-azzjoni għal irkupru mressqa minn kodebitur għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u

–        il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba ta’ din l-azzjoni huwa dak fejn il-kreditur li jipprovdi l-kreditu għandu l-istabbiliment tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2012, L 351, p. 1.


3      ĠU 2008, L 177, p. 6.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


5      ĠU 2007, L 199, p. 40.


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321.


7      BGBl I, 50/2003.


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 38).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 40).


10      Ara l-premessa 15 ta’ dan ir-regolament.


11      Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2009:257, punt 29). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 37).


12      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 38).


13      Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 30 u 31).


14      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punti 30 sa 32 u 39).