Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Albacete (Spanja) fit-2 ta’ Ottubru 2018 – Los prestatarios vs Globalcaja S.A.

(Kawża C-617/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia de Albacete

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Il-persuni li ssellfu

Konvenuta: Globalcaja S.A.

Domandi preliminari

1.    Il-konsegwenzi tal-kliem “ma jkunux jorbtu” fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 1 jipprekludu lill-bejjiegħ jew fornitur u lill-konsumatur milli, permezz ta’ ftehim privat, jemendaw klawżola li ma tosservax il-kundizzjoni marbuta mar-redazzjoni f’lingwaġġ sempliċi u ċar prevista fl-Artikolu 4(2), jew billi jnaqqsu l-ammont previst f’din il-klawżola, jew inkella billi jissostitwixxuha bi klawżola oħra li tkun tippreġudika inqas lill-konsumatur?

Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk din l-emenda tkun inkluża fi ftehim konkluż bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur li l-għan tiegħu huwa, speċifikament, li jtemm tilwima, mingħajr rikors quddiem l-organi ġudizzjarji, dwar l-eventwali nuqqas ta’ trasparenza ta’ klawżola mhux innegozzjata individwalment inkluża f’kuntratt preċedenti konkluż bejn dawn it-tnejn?

2.    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt” u ta’ “suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bħala korrispettiv, fuq in-naħa l-oħra” żewġ klawżoli li jinsabu fi ftehim mhux innegozzjat individwalment konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li fih, minn naħa, issir emenda għal klawżola inkluża f’kuntratt preċedenti konkluż bejn dawn it-tnejn – billi din tiġi ssostitwita minn klawżola oħra li tkun tippreġudika inqas lill-konsumatur – u, min-naħa l-oħra, il-konsumatur jirrinunzja milli jsostni ġudizzjarjament jew bonarjament id-drittijiet ibbażati fuq in-nuqqas possibbli ta’ trasparenza tal-klawżola u l-effetti naxxenti minn dan in-nuqqas ta’ trasparenza?

3.    Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija affermattiva, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13/CEE għandu jiġi interpretat fis-sens li “in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt” u “[ikkunsidrati, fil-]waqt li jiġi konkluż il-kuntratt,] [...iċ-]ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt” jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżoli li ma jikkonċernawx id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew, għall-kuntrarju, dawn l-istess kriterji jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata t-trasparenza tal-klawżoli li jikkonċernaw is-suġġett prinċipali previst fl-Artikolu 4(2)?

4.    Jekk ir-risposta għad-domanda 2 hija affermattiva, l-Artikolu 4(2) tad-direttiva – konkretament ir-rekwiżiti marbuta mar-redazzjoni f’lingwaġġ sempliċi u ċar u mat-trasparenza naxxenti minnu – jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li, fil-preżenza ta’ ftehim mhux innegozzjat individwalment konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li jemenda l-applikazzjoni ta’ klawżola inkluża f’kuntratt preċedenti konkluż bejn dawn it-tnejn, ma tqisx neċessarju li l-bejjiegħ jew fornitur jinforma lill-konsumatur bl-eventwali nuqqas ta’ trasparenza ta’ din il-klawżola, peress li f’din il-ġurisprudenza nazzjonali, il-kriterji li jikkaratterizzaw dan in-nuqqas ta’ trasparenza huma meqjusa bħala notorjament risaputi?

5.    Jekk ir-risposta għad-domanda 2 hija affermattiva, l-Artikolu 4(2) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rinunzja tal-konsumatur milli jinvoka ġudizzjarjament jew bonarjament drittijiet ibbażati fuq l-eventwali nuqqas ta’ trasparenza ta’ klawżola mhux innegozzjata individwalment tkun tikkonforma biss mar-rekwiżit tar-redazzjoni “f’lingwaġġ sempliċi u ċar u mat-trasparenza” jekk il-bejjiegħ jew fornitur jinforma minn qabel lill-konsumatur bid-drittijiet konkreti li huwa jirrinunzja għalihom u, b’mod partikolari, bl-ammont konkret li huwa jirrinunzja li jitlob?

____________

1  Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)