Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Belġju) fit-22 ta’ Novembru 2018 – Anton van Zantbeek VOF; parti oħra fil-proċedura: Ministerraad

(Kawża C-725/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Grondwettelijk Hof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Anton van Zantbeek VOF

Parti oħra fil-proċedura: Ministerraad

Domandi preliminari

L-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 36 tal-Ftehim tat-2 ta’ Mejju 1992 dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża, bħal dik imsemmija fl-Artikoli 120 u 1262 tal-Kodiċi Belġjan tad-Dazji u tat-Taxxi Diversi, u li għandha bħala konsegwenza li l-emittent Belġjan huwa suġġett għal din it-taxxa meta l-intermedjarju professjonist ikun stabbilit barra mill-pajjiż?

L-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 40 tal-Ftehim tat-2 ta’ Mejju 1992 dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-Borża, bħal dik imsemmija fl-Artikoli 120 u 1262 tal-Kodiċi Belġjan tad-Dazji u tat-Taxxi Diversi, u li għandha bħala konsegwenza li l-emittent Belġjan huwa suġġett għal din it-taxxa meta l-intermedjarju professjonist ikun stabbilit barra mill-pajjiż?

Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) kellha tasal għall-konklużjoni li l-artikoli kkontestati jiksru wieħed jew iktar mill-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, l-effetti tal-Artikoli 120 u 1262 tal-Kodiċi Belġjan tad-Dazji u tat-Taxxi Diversi jistgħu jinżammu provviżorjament sabiex tiġi evitata inċertezza legali u sabiex il-leġiżlatur ikun jista’ jġibhom konformi ma’ dawn l-obbligi?

____________