SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

14 ta’ Frar 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni fiskali bil-quddiem (tax ruling) – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Awtonomija fiskali tal-Istati Membri – Kunċett ta’ skema ta’ għajnuna – Miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni”

Fil-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16,

Ir-Renju tal-Belġju, inizjalment irrappreżentat minn C. Pochet, M. Jacobs u J.-C. Halleux, sussegwentement minn C. Pochet u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn M. Segura Catalán u M. Clayton, avocats,

rikorrent fil-Kawża T‑131/16,

sostnut minn

L-Irlanda, inizjalment irrappreżentata minn E. Creedon, G. Hodge u A. Joyce, sussegwentement minn K. Duggan, M. Browne u M. Joyce u finalment minn A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn P. Gallagher, M. Collins, SC, B. Doherty u S. Kingston, barristers,

intervenjenti fil-Kawża T‑131/16,

Magnetrol International, stabbilita f’Zele (il-Belġju,) irrappreżentata minn H. Gilliams u J. Bocken, avocats,

rikorrenti fil-Kawża T‑263/16,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P.‑J. Loewenthal u B. Stromsky, sussegwentement minn P.‑J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, V. Tomljenović (Relatur), E. Bieliūnas, A. Marcoulli u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest ġuridiku

 Fuq il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992

1        Fil-Belġju, ir-regoli dwar it-tassazzjoni tad-dħul huma kkodifikati fil-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992, iktar ’il quddiem iċ-“CIR 92”). Skont l-Artikolu 1(1) taċ-CIR 92, hija stabbilita bħala taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari, taxxa fuq id-dħul globali tal-kumpanniji residenti, imsejħa “taxxa fuq il-kumpanniji”.

2        Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji, l-Artikolu 185 taċ-CIR 92 jipprevedi li l-kumpanniji għandhom jiġu ntaxxati fuq l-ammont totali tal-profitti tagħhom, inklużi d-dividendi mqassma.

 Fuq il-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002

3        Fl-24 ta’ Diċembru 2002 ġiet adottata l-loi modifiant le régime des sociétés en matière d’impôts sur les revenus et instituant un système de décision anticipée en matière fiscale (il-Liġi li Temenda s-Sistema tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji u li Tistabbilixxi Sistema ta’ Deċiżjoni bil-Quddiem fil-Qasam Fiskali, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002”). L-Artikolu 20 ta’ din il-liġi jipprevedi li s-service public fédéral des finances (id-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi, il-Belġju) għandu jieħu pożizzjoni permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem dwar kwalunkwe talba li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġijiet fiskali. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “deċiżjoni bil-quddiem” huwa ddefinit bħala l-att legali li permezz tiegħu d-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi jiddetermina, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif il-liġi ser tiġi applikata għal sitwazzjoni jew għal tranżazzjoni partikolari li ma jkunx għadhom kellhom effetti fiskali. Barra minn hekk, huwa indikat li d-deċiżjoni bil-quddiem ma tistax tagħti eżenzjoni mit-taxxa jew tnaqqis tagħha.

4        L-Artikolu 22 tal-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002 jipprevedi li deċiżjoni bil-quddiem ma tistax tingħata, b’mod partikolari, meta t-talba tikkonċerna sitwazzjonijiet jew tranżazzjonijiet identiċi għal dawk li diġà kellhom effetti fiskali fir-rigward tal-persuna li tressaq it-talba.

5        Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tal-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002 jipprovdi li, ħlief fil-każijiet fejn dan ikun iġġustifikat mis-suġġett tat-talba, id-deċiżjoni bil-quddiem għandha tingħata għal perijodu li ma jistax jaqbeż il-ħames snin.

 Fuq il-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004 li temenda ċ-CIR 92

6        Permezz tal-loi du 21 juin 2004, modifiant le CIR 92 et la loi du 24 décembre 2002 (il-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004 li Temenda ċ-CIR 92 u l-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004”), ir-Renju tal-Belġju introduċa dispożizzjonijiet fiskali ġodda dwar it-tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ entitajiet assoċjati fi grupp multinazzjonali, li jipprevedu b’mod partikolari aġġustament tal-profitti suġġetti għat-taxxa, imsejjaħ “aġġustament korrelattiv”.

–       Espożizzjoni tal-motivi

7        Skont l-espożizzjoni tal-motivi fl-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Gvern tar-Renju tal-Belġju lix-Chambre des députés (il-Kamra ta’ Deputati, il-Belġju), minn naħa, l-imsemmija liġi hija intiża li temenda ċ-CIR 92 sabiex jiġi inkluż fih, b’mod espliċitu, il-prinċipju ta’ distakkament, li huwa aċċettat b’mod ġenerali fuq livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra, din il-liġi hija intiża li temenda l-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002 sabiex tagħti lis-service des décisions anticipées (is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, il-Belġju), il-kompetenza li jadotta dawn id-deċiżjonijiet. Il-prinċipju ta’ distakkament huwa introdott fil-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana biż-żieda tal-paragrafu 2 fl-Artikolu 185 taċ-CIR 92, li huwa bbażat fuq it-test tal-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OCDE) fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital. L-għan tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 huwa li jiġi żgurat li l-bażi taxxabbli tal-kumpanniji li huma suġġetti għat-taxxa fil-Belġju tkun tista’ tiġi aġġustata permezz ta’ aġġustamenti fir-rigward tal-profitti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan il-grupp, meta l-prezzijiet tat-trasferiment applikati ma jirriflettux il-mekkaniżmi tas-suq u l-prinċipju ta’ distakkament. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “aġġustament xieraq” introdott permezz tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 huwa ġġustifikat sabiex tiġi evitata jew imwaqqfa taxxa doppja (possibbli). Barra minn hekk, huwa indikat li dan l-aġġustament għandu jitwettaq każ b’każ fuq il-bażi tal-elementi disponibbli ppreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna taxxabbli u li aġġustament korrelattiv għandu jitwettaq biss jekk l-amministrazzjoni fiskali tqis li l-aġġustament primarju magħmul fi Stat ieħor huwa ġġustifikat kemm bħala prinċipju u kemm fir-rigward tal-ammont tiegħu.

–       L-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92

8        L-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 jipprovdi dan li ġej:

“[…] Għal żewġ kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji assoċjati u fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom:

(a)      meta ż-żewġ kumpanniji jkunu marbuta, fir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom, minn kundizzjonijiet miftiehma jew imposti fuqhom li huma differenti minn dawk li kienu jkunu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, il-profitti li, f’dawn il-kundizzjonijiet, kienu jkunu ġġenerati minn waħda minn dawn il-kumpanniji, iżda li ma setgħux jiġu ġġenerati minħabba dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu jiġu inklużi fil-profitti ta’ din il-kumpannija;

(b)      meta, fil-profitti ta’ kumpannija jkunu inklużi profitti li jkunu inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra, u meta l-profitti hekk inklużi jkunu profitti li kienu jiġu ġġenerati minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġi miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, il-profitti tal-ewwel kumpannija għandhom jiġu aġġustati b’mod xieraq.”

 Fuq iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006

9        Iċ-circulaire du 4 juillet 2006 sur l’application du principe de pleine concurrence (iċ-Ċirkolari tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipju ta’ Distakkament, iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006”) intbagħtet lill-uffiċjali tal-amministrazzjoni ġenerali fiskali, f’isem il-ministre des Finances (il-Ministru għall-Finanzi, il-Belġju), sabiex tingħata gwida dwar, b’mod partikolari, l-introduzzjoni tal-paragrafu 2 fl-Artikolu 185 taċ-CIR 92 u l-emendi korrispondenti fl-istess kodiċi. Din iċ-ċirkolari tenfasizza li dawn l-emendi, li daħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2004, huma intiżi li jittrasponu fid-dritt fiskali Belġjan il-prinċipju ta’ distakkament u jikkostitwixxu l-bażi legali li tippermetti, fid-dawl tal-imsemmi prinċipju, l-aġġustament tal-profitt taxxabbli li jirriżulta minn relazzjonijiet transkonfinali fl-istess grupp bejn kumpanniji assoċjati li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali.

10      B’hekk, minn naħa, iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 tindika li l-aġġustament pożittiv previst fl-Artikolu 185(2)(a) taċ-CIR 92 jippermetti żieda fil-profitti tal-kumpannija residenti li tagħmel parti minn grupp multinazzjonali sabiex jiġu inklużi l-profitti li l-kumpannija residenti kienet tiġġenera li kieku tranżazzjoni partikolari twettqet f’kuntest ta’ distakkament.

11      Min-naħa l-oħra, din iċ-ċirkolari tosserva li l-aġġustament korrelattiv negattiv, previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, huwa intiż li tiġi evitata jew imwaqqfa taxxa doppja (possibbli). Huwa indikat li ebda kriterju ma jista’ jiġi stabbilit għal dan il-għan sa fejn dan l-aġġustament għandu jitwettaq każ b’każ fuq il-bażi tal-elementi disponibbli ppreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, huwa indikat li għandu jitwettaq aġġustament korrelattiv biss jekk l-amministrazzjoni fiskali jew is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem iqis li l-aġġustament huwa ġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu. Huwa speċifikat ukoll li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma japplikax jekk il-profitt iġġenerat fl-Istat assoċjat ikun miżjud b’tali mod li jkun ikbar mill-profitt li kien jiġi ġġenerat li kieku kien applikat il-prinċipju ta’ distakkament.

 Fuq it-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92

12      Fit-13 ta’ April 2005, bi tweġiba għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, il-Ministru għall-Finanzi, l-ewwel nett, ikkonferma li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn tkun ittieħdet deċiżjoni bil-quddiem dwar metodu intiż li jinkiseb profitt ta’ distakkament. It-tieni nett, huwa kkonferma li l-profitti indikati fir-rapporti finanzjarji Belġjani ta’ grupp internazzjonali li għandu preżenza fil-Belġju u li jaqbżu l-profitti ta’ distakkament ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli fil-Belġju. Fl-aħħar nett, huwa approva l-pożizzjoni li ma kienx il-kompitu tal-awtoritajiet fiskali Belġjani li jiddeterminaw liema kienu l-kumpanniji barranin li fil-profitti tagħhom kellu jiġi inkluż dan il-profitt eċċessiv.

13      Fil-11 ta’ April 2007, fil-kuntest ta’ sensiela ġdida ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(a) u (b) taċ-CIR 92, il-Ministru għall-Finanzi ddikjara li sa dak l-istadju kienu waslu biss talbiet għal aġġustament negattiv. Barra minn hekk, huwa speċifika li, għad-determinazzjoni tal-metodu intiż li jiġi stabbilit il-profitt ta’ distakkament tal-entità Belġjana, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet bil-quddiem, kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet imwettqa, ir-riskji assunti u l-assi allokati għal attivitajiet li ma kienx għad kellhom impatt fiskali fil-Belġju. B’hekk, il-profitt irreġistrat fil-Belġju permezz tar-rapporti finanzjarji Belġjani tal-grupp multinazzjonali u li jaqbeż il-profitt ta’ distakkament ma kellux jiġi inkluż fil-profitt taxxabbli bil-Belġju. Fl-aħħar nett, il-Ministru għall-Finanzi indika li, sa fejn ma kienx il-kompitu tal-awtorità fiskali Belġjana li tiddetermina lil liema kumpannija barranin kellu jiġi attribwit dan il-profitt supplimentari, ma kienx possibbli li tiġi skambjata informazzjoni ma’ amministrazzjonijiet fiskali barranin f’dan ir-rigward.

14      Fl-aħħar nett, fis-6 ta’ Jannar 2015, il-Ministru għall-Finanzi kkonferma li l-prinċipju li fuqu kienu bbażati d-deċiżjonijiet bil-quddiem kien li jiġi ntaxxat il-profitt li jikkorrispondi għal profitt ta’ distakkament għall-impriża kkonċernata u kkonferma t-tweġibiet mogħtija mill-predeċessur tiegħu, fil-11 ta’ April 2007, dwar il-fatt li l-awtorità fiskali Belġjana ma kellhiex il-kompitu li tistabbilixxi lil liema kumpannija barranija kellu jiġi attribwit il-profitt eċċessiv li ma jkunx intaxxat fil-Belġju.

 Id-deċiżjoni kkontestata

15      Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-eżenzjonijiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju permezz ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem, ibbażati fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern u li kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

16      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’dan il-mod mingħand il-benefiċjarji, li l-lista definittiva tagħhom kellha tiġi stabbilita fi stadju iktar tard mir-Renju tal-Belġju. Fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata ġew identifikati, b’mod indikattiv u fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija mir-Renju tal-Belġju fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi, 55 benefiċjarju, fosthom Magnetrol International, li hija r-rikorrenti fil-Kawża T‑263/16.

17      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna (premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, li hija bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif applikat mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana. Din l-applikazzjoni hija spjegata fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004, fiċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u fit-tweġibiet mogħtija mill-Ministru għall-Finanzi għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Dawn l-atti kienu jikkostitwixxu, skont il-Kummissjoni, il-bażi li fuqha kienu ngħataw l-eżenzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li dawn l-eżenzjonijiet kienu ngħataw mingħajr ma kienu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet bażiċi, sa fejn id-deċiżjonijiet bil-quddiem jikkostitwixxu biss modalitajiet tekniċi ta’ implimentazzjoni tal-iskema inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet kienu ddefiniti b’mod ġenerali u astratt mid-dispożizzjonijiet bażiċi tal-iskema. Fil-fatt, dawn kienu jkopru l-entitajiet li kienu jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji.

18      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 111 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), l-ewwel nett, il-Kummissjoni indikat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet intervent tal-Istat, attribwibbli lill-Istat, u kienet tagħti lok għal telf ta’ riżorsi tal-Istat, sa fejn din l-eżenzjoni kienet timplika tnaqqis tat-taxxa dovuta fil-Belġju mill-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema. It-tieni nett, hija qieset li l-iskema inkwistjoni setgħet taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea sa fejn kienu bbenefikaw minnha kumpanniji multinazzjonali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’diversi Stati Membri. It-tielet nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-iskema inkwistjoni kienet teħles lill-impriżi benefiċjarji minn piż li normalment kien ikollhom iġorru u li, għalhekk, din l-iskema kienet toħloq distorsjoni jew kienet thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja ta’ dawn l-impriżi. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset li l-iskema inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-entitajiet Belġjani billi kienu jibbenefikaw minnha biss il-gruppi multinazzjonali ta’ impriżi li jagħmlu parti minnhom dawn l-entitajiet.

19      Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, identifikata bħala s-sistema komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, sa fejn it-taxxa ma kinitx applikata fuq il-profitt verament irreġistrat mill-kumpannija kkonċernata iżda fuq profitt ta’ distakkament aġġustat (premessi 118 sa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      F’dan ir-rigward u b’mod prinċipali (premessi 135 sa 143 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni qieset li l-iskema inkwistjoni kienet selettiva, l-ewwel nett, minħabba li kienet aċċessibbli biss għall-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali, u ma kinitx aċċessibbli għall-entitajiet awtonomi jew li jagħmlu parti minn gruppi nazzjonali ta’ kumpanniji. It-tieni nett, l-iskema inkwistjoni kienet ikkawżat selettività bejn il-gruppi multinazzjonali li jemendaw il-mudell tan-negozju tagħhom billi jintroduċu attivitajiet ġodda fil-Belġju u l-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha li jkomplu jsegwu mudelli ta’ negozju eżistenti fil-Belġju. Fl-aħħar nett, l-iskema inkwistjoni kienet selettiva de facto, għaliex kienu biss l-entitajiet Belġjani li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ daqs kbir jew ta’ daqs medju li setgħu jibbenefikaw effettivament mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, u mhux l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ daqs żgħir.

21      Sussidjarjament (premessi 144 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni indikat li, anki jekk jiġi aċċettat li s-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju kienet tinkludi regola li tipprojbixxi li jiġi ntaxxat il-profitt tal-entitajiet ta’ grupp multinazzjonali li jaqbeż profitt fuq il-bażi ta’ distakkament, li ma huwiex il-każ, l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi inkwistjoni tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza sa fejn ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni u l-metodu użat sabiex jiġi stabbilit il-profitt eċċessiv jiksru l-prinċipju ta’ distakkament. Skont il-Kummissjoni, dan il-metodu jinkludi żewġ stadji.

22      Fil-kuntest tal-ewwel stadju, il-prezzijiet ta’ distakkament applikati għat-tranżazzjonijiet konklużi bejn l-entità Belġjana ta’ grupp u l-kumpanniji li magħhom tkun assoċjata jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ipprovdut mill-persuna taxxabbli. Dawn il-prezzijiet ta’ trasferiment jiġu ddeterminati b’applikazzjoni tal-metodu tranżazzjonali ta’ marġni nett (iktar ’il quddiem il-“MTMN”). B’hekk jiġi stabbilit profitt residwali jew ta’ distakkament li, skont il-Kummissjoni, jikkorrispondi għall-profitt realment irreġistrat mill-entità Belġjana.

23      Matul it-tieni stadju, u fuq il-bażi ta’ rapport ieħor ippreżentat mill-persuna taxxabbli, il-profitt ta’ distakkament aġġustat tal-entità Belġjana jiġi stabbilit billi jiġi ddeterminat il-profitt li impriża awtonoma komparabbli kienet tiġġenera f’ċirkustanzi komparabbli. Id-differenza bejn il-profitt miksub skont l-ewwel u t-tieni stadji (jiġifieri l-profitt residwali li minnu jitnaqqas il-profitt ta’ distakkament aġġustat) tikkostitwixxi l-ammont tal-profitt eċċessiv li l-awtoritajiet fiskali Belġjani jqisu li jirriżulta minn sinerġiji jew minn ekonomiji ta’ skala minħabba l-affiljazzjoni ma’ grupp ta’ impriżi u li, għaldaqstant, ma huwiex attribwibbli lill-entità Belġjana.

24      Taħt l-iskema inkwistjoni, dan il-profitt eċċessiv ma jiġix intaxxat. Issa, skont il-Kummissjoni, dan in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta lill-benefiċjarji tal-iskema vantaġġ selettiv, b’mod partikolari sa fejn il-metodu tal-kalkolu tal-profitt eċċessiv ma jimxix ma’ metodu li jwassal għal stima affidabbli ta’ profitt ibbażat fuq is-suq, u għalhekk mal-prinċipju ta’ distakkament.

25      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-iskema inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li din ma setgħetx tiġi ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Belġjana (premessi 173 sa 181 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li kien sostna r-Renju tal-Belġju, l-iskema inkwistjoni ma kellhiex l-għan li tevita t-taxxa doppja sa fejn ma kienx meħtieġ, sabiex tinkiseb l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, li jiġi pprovat li dawn il-profitti kienu ser jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli ta’ kumpannija oħra.

26      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna operatorja u kienu, għalhekk, inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, peress li ma kinux ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna illegali (premessi 189 sa 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna (premessi 195 sa 211 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni osservat li r-Renju tal-Belġju ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji, u lanqas ma jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex jaħrab mill-obbligu tiegħu li jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija b’mod illegali u li l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati setgħu jiġu kkalkolati, għal kull benefiċjarju, fuq il-bażi tad-differenza bejn it-taxxa li kien imissha kienet dovuta, fuq il-bażi tal-profitt verament irreġistrat, u t-taxxa effettivament imħallsa bis-saħħa tad-deċiżjoni bil-quddiem.

28      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-iskema ta’ eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, li hija bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) [taċ-CIR 92], li skontu [r-Renju tal-]Belġju ħareġ deċiżjonijiet bil-quddiem favur entitajiet Belġjani ta’ gruppi ta’ impriżi multinazzjonali, li permezz tagħhom huwa jagħti lil dawn l-entitajiet il-benefiċċju ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji għal parti mill-qligħ li huma jagħmlu, hija għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE li hija inkompatibbli mas-suq intern u li l-Belġju implimenta b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

Artikolu 2

1.      [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli u illegali msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji tagħha.

2.      Kull somma li tkun għadha ma ġietx irkuprata mingħand il-benefiċjarji wara l-irkupru deskritt fl-ewwel paragrafu għandha tinġabar mingħand il-grupp ta’ impriżi li l-benefiċjarju jappartjeni għalih.

3.      L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data meta ġew irkuprati.

4.      L-imgħax fuq l-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

5.      [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jtemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u jħassar il-pagamenti kollha li għadhom ma sarux taħt l-imsemmija għajnuna mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

6.      [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jirrifjuta kull talba għal deċiżjoni bil-quddiem imressqa lis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem relatata mal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jew pendenti fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1.      L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

2.      [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata għalkollox fi żmien erba’ xhur minn dakinhar li tiġi nnotifikata d-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.      Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Renju tal‑]Belġju jrid jippreżenta l-informazzjoni segwenti lill-Kummissjoni:

(a)      il-lista tal-benefiċjarji tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali li ħa kull wieħed minnhom taħt din l-għajnuna;

(b)      l-ammont totali (interessi prinċiali u ta’ rkupru [is-somma prinċipali u l-interessi tal-irkupru]) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

(c)      deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)      dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.      [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata rigward il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu sabiex jimplimenta din id-Deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Huwa għandu jipprovdi immedjatament, fuq sempliċi talba min-naħa tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u l-miżuri ppjanati biex jikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Għandu jipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax li l-benefiċjarji jkunu diġà ħallsu lura.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.”

 Il-proċedura u t-talbiet

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet fil-Kawża T131/16

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2016, ir-Renju tal-Belġju ppreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ April 2016, ir-Renju tal-Belġju ressaq talba għal miżuri provviżorji fejn talab lill-President tal-Qorti Ġenerali jissospendi l-eżekuzzjoni tal-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi r-rikors fuq il-mertu. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Lulju 2016, dan tal-aħħar ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

31      Fil-11 ta’ Lulju 2016, il-Qorti Ġenerali talbet lir-Renju tal-Belġju jwieġeb għal mistoqsija. Ir-Renju tal-Belġju wieġeb għal din it-talba permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2016.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2016, l-Irlanda talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju. Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent imressqa mill-Irlanda. L-Irlanda ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota fit-termini mogħtija.

33      Peress li fil-21 ta’ Settembru 2016 kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, lis-Seba’ Awla, li lilha għalhekk ġiet assenjata din il-kawża.

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Jannar 2017, ir-Renju tal-Belġju talab li l-kawża tiġi deċiża minn kulleġġ ġudikanti ikbar. Fil-15 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura, ħadet nota tal-fatt li l-kawża kienet intbagħtet quddiem is-Seba’ Awla Estiża.

35      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2017 il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-Awla.

36      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-President tas-Seba’ Awla Estiża ddeċieda, fit-12 ta’ Diċembru 2017, b’applikazzjoni tal-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-kawża għandha tinqata’ bi prijorità.

37      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lir-Renju tal-Belġju u lill-Kummissjoni jwieġbu bil-miktub għal numru ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

38      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Mejju 2018, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi T‑131/16, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, u T‑263/16, Magnetrol International vs Il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 68(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Magnetrol International fil-konfront tal-Irlanda.

39      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018.

40      Ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41      L-Irlanda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, kif jitlob ir-Renju tal-Belġju.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet fil-Kawża T263/16

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2016, Magnetrol International ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

44      Fl-20 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċedura sakemm tinqata’ l-Kawża T‑131/16, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, talba li għaliha r-rikorrenti oġġezzjonat fis-26 ta’ Lulju 2016. Permezz ta’ deċiżjoni kkomunikata lill-partijiet prinċipali fid-9 ta’ Awwissu 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal sospensjoni mressqa mill-Kummissjoni.

45      Peress li fil-21 ta’ Settembru 2016 kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, lis-Seba’ Awla, li lilha għalhekk ġiet assenjata din il-kawża.

46      Fuq proposta tas-Seba’ Awla, fit-12 ta’ Marzu 2018 il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

47      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2018 il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-Awla.

48      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-President tas-Seba’ Awla Estiża ddeċieda, fis-16 ta’ April 2018, b’applikazzjoni tal-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-kawża għandha tinqata’ bi prijorità.

49      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lil Magnetrol International u lill-Kummissjoni jwieġbu bil-miktub għal numru ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

50      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Mejju 2018, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi T‑131/16, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, u T‑263/16, Magnetrol International vs Il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 68(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Magnetrol International fil-konfront tal-Irlanda.

51      Kif indikat fil-punt 39 iktar ’il fuq, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018.

52      Magnetrol International titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        fi kwalunkwe każ, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn l-artikoli, minn naħa, jeżiġu l-irkupru tal-għajnuna mingħand entitajiet li ma humiex entitajiet li kienu rċevew deċiżjoni bil-quddiem u, min-naħa l-oħra, jordnaw l-irkupru ta’ ammont daqs it-tnaqqis fl-ammont tat-taxxa miksub mill-benefiċjarju, mingħajr ma jippermettu lir-Renju tal-Belġju jieħu inkunsiderazzjoni aġġustament effettiv fil-forma ta’ żieda mwettaq minn amministrazzjoni fiskali oħra;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

53      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Magnetrol International għall-ispejjeż.

 Fuq id-dritt

54      Wara li l-partijiet instemgħu dwar dan il-punt matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-kawżi ineżami anki għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

 Osservazzjonijiet preliminari

55      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jqajjem ħames motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(6) TFUE u tal-Artikolu 5(1) u (2) TUE, sa fejn il-Kummissjoni indaħħlet fil-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Belġju. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri bħala skema ta’ għajnuna. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, fejn l-ewwel parti tikkontesta l-identifikazzjoni tal-atti li fuqhom hija bbażata l-allegata skema inkwistjoni filwaqt li t-tieni parti tikkontesta l-kunsiderazzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-raba’ wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-allegata għajnuna. Il-ħames motiv, invokat b’mod “sussidjarju”, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ legalità u tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru mingħand il-gruppi multinazzjonali li lilhom jappartjenu l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem.

56      Insostenn tar-rikors tagħha, Magnetrol International tqajjem erba’ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikklassifika l-iskema allegata bħala miżura selettiva. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-iskema allegata toħloq vantaġġ. Ir-raba’ motiv, invokat b’mod “sussidjarju”, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna ordnat fid-deċiżjoni kkontestata, tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji kif ukoll tal-ammont li għandu jiġi rkuprat.

57      Mill-espożizzjoni tal-motivi kollha magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li r-Renju tal-Belġju u Magnetrol International qegħdin iqajmu, għalkemm f’ordni differenti, motivi bbażati, essenzjalment:

–        l-ewwel nett, fuq l-indħil mill-Kummissjoni, li tmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (l-ewwel motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑263/16);

–        it-tieni nett, fuq il-konklużjoni żbaljata dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna f’dan il-każ, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, b’mod partikolari minħabba l-identifikazzjoni żbaljata tal-atti li fuq il-bażi tagħhom hija bbażata l-allegata skema u minħabba l-kunsiderazzjoni żbaljata li l-iskema ta’ għajnuna ma teħtieġx miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni (it-tieni motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel motiv fil-Kawża T‑263/16);

–        it-tielet nett, fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tad-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi bħala għajnuna mill-Istat, fid-dawl b’mod partikolari tal-assenza ta’ vantaġġ u tal-assenza ta’ selettività (it-tielet motiv fil-Kawża T‑131/16 u t-tielet motiv fil-Kawża T‑263/16);

–        ir-raba’ nett, fuq ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn l-irkupru tal-għajnuna allegata kien ordnat b’mod żbaljat, inkluż mingħand gruppi li lilhom jappartjenu l-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna (ir-raba’ u l-ħames motiv fil-Kawża T‑131/16 u r-raba’ motiv fil-Kawża T‑263/16).

58      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-motivi fl-ordni msemmi fil-punt 57 iktar ’il fuq.

 Fuq l-allegat indħil mill-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta

59      Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-kompetenzi tagħha meta użat id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat sabiex tiddetermina b’mod unilaterali elementi li jaqgħu fil-kompetenza fiskali esklużiva ta’ Stat Membru. Fil-fatt, id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli għadha kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, bħalma għadu wkoll il-mod kif jiġu ntaxxati l-profitti ġġenerati minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan gruppi ta’ impriżi, anki jekk dan iwassal għal nuqqas doppju ta’ tassazzjoni. Issa, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tqis li d-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat minħabba li ma jimxux ma’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament li fil-fehma tagħha hija korretta, hija ekwivalenti għal armonizzazzjoni forzata tar-regoli dwar il-kalkolu tad-dħul taxxabbli, li ma huwiex suġġett li jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni.

60      L-Irlanda ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika b’mod gravi t-tqassim ibbilanċjat tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(6) TUE u fl-Artikolu 5(1) u (2) TFUE u kkonfermat minn ġurisprudenza stabbilita.

61      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, għalkemm l-Istati Membri għandhom awtonomija fiskali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, kwalunkwe miżura fiskali adottata minn Stat Membru għandha tkun konformi mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom xorta waħda jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-banda l-oħra, huwa paċifiku li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tiżgura l-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE.

63      B’hekk, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni, bħat-tassazzjoni diretta, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tikklassifika miżura fiskali bħala għajnuna mill-Istat fil-każ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 28; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 81, u tal-25 ta’ Marzu 2015, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punti 65 u 66). Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam fiskali konformement mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑487/08, EU:C:2010:310, punt 37). B’hekk, huma għandhom jastjenu milli jieħdu, f’dan il-kuntest, kwalunkwe miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

64      Huwa minnu li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-identifikazzjoni tal-bażijiet taxxabbli u tat-tqassim tal-oneru fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97).

65      Madankollu, dan ma jimplikax li kull miżura fiskali, li taffettwa b’mod partikolari l-bażi taxxabbli meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, jekk tali miżura tagħmel, fil-prattika, diskriminazzjoni bejn kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex minn din il-miżura fiskali u għalhekk tagħti lill-benefiċjarji tal-miżura vantaġġi selettivi li jiffavorixxu “ċerti” impriżi jew “ċerti” produtturi, din il-miżura tkun tista’ titqies li hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 104).

66      Barra minn hekk, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, minkejja li ma jinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza tiżgura l-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE, hija ma tistax tiġi kkritikata li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta eżaminat il-miżuri li jikkostitwixxu l-allegata skema inkwistjoni sabiex tivverifika jekk kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u, fl-affermattiv, jekk kinux kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

68      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argumenti tar-Renju tal-Belġju bbażati, minn naħa, fuq l-assenza ta’ kompetenza fiskali sabiex jiġu ntaxxati l-profitti eċċessivi u, min-naħa l-oħra, fuq il-kompetenza tiegħu stess li jadotta miżuri intiżi li tiġi evitata t-taxxa doppja.

69      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li, peress li l-profitti eċċessivi ma kellhomx jiġu attribwiti lill-entitajiet Belġjani suġġetti għat-taxxa fil-Belġju, dawn il-profitti ma kinux jaqgħu taħt il-kompetenza fiskali Belġjana. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax iddaħħal inkwistjoni n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dawn il-profitti fil-Belġju.

70      Sa fejn dawn l-argumenti għandhom jinftiehmu fis-sens li qegħdin jikkontestaw il-kompetenza tal-Kummissjoni li teżamina l-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi osservat li dawn il-miżuri jikkonċernaw deċiżjonijiet bil-quddiem, meħuda mill-awtoritajiet fiskali Belġjani fil-kuntest tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-taxxa diretta. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, li minnha joħroġ li kull miżura fiskali li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-kompetenza tagħha taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, għandha tkun tista’ teżamina l-miżuri inkwistjoni sabiex tivverifika jekk jissodisfawx l-imsemmija kundizzjonijiet.

71      Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-kompetenza tar-Renju tal-Belġju li jadotta miżuri sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja, bl-użu, b’mod partikolari, tal-kriterji ta’ tqassim segwiti fil-prassi fiskali internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres, C‑513/04, EU:C:2006:713, punt 23). Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 63 iktar ’il fuq, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi fiskali tagħhom inkonformità mad-dritt tal-Unjoni u għandhom jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tikkorrispondi għal għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju ma jistax jinvoka l-ħtieġa li tiġi evitata t-taxxa doppja bħala għan imfittex mill-prassi tal-awtoritajiet fiskali Belġjani fir-rigward tal-profitti eċċessivi, sabiex jiġġustifika kompetenza esklużiva, f’dan ir-rigward, li ma taqax taħt il-kontroll mill-Kummissjoni tal-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE.

72      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-profitti eċċessivi, kif applikat mill-awtoritajiet fiskali Belġjani, ma jidhirx li jsegwi għanijiet intiżi li tiġi evitata t-taxxa doppja. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-miżuri kkontestati ma kinitx suġġetta għall-kundizzjoni li jiġi pprovat li dawn il-profitti kienu ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra. Lanqas ma kien meħtieġ li jiġi pprovat li dawn il-profitti eċċessivi kienu effettivament is-suġġett ta’ tassazzjoni f’pajjiż ieħor.

73      Fil-fatt, l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jipprevedi aġġustament negattiv tal-profitti ta’ kumpannija fil-każ biss li dawn il-profitti kienu ġew inklużi fil-profitt ta’ kumpannija oħra. Issa, ir-Renju tal-Belġju ma oġġezzjonax għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 173 sa 181 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza tal-prassi tal-awtoritajiet fiskali tiegħu kif spjegata, b’mod partikolari, fit-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi, indikati fil-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq, u li skontha l-aġġustament negattiv tal-bażi taxxabbli ta’ kumpannija li titlob deċiżjoni bil-quddiem jitwettaq mingħajr ma jiġi vverifikat jekk il-profitt imnaqqas mill-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija, bħala profitt eċċessiv, kienx effettivament inkluż fil-profitt ta’ kumpannija oħra.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud bħala infondat il-motiv ibbażat fuq l-allegat indħil mill-Kummissjoni fil-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Belġju.

 Fuq l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589

75      Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni identifikat b’mod żbaljat l-atti li fuq il-bażi tagħhom is-sistema tal-profitti eċċessivi tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna u qieset, b’mod żbaljat, li dawn l-atti ma kinux jeħtieġu miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Barra minn hekk, il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna hija bbażata fuq motivazzjoni kontradittorja.

76      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li hija segwiet raġunament koerenti matul id-deċiżjoni kkontestata kollha, sa fejn qieset li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet ibbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif applikata mis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004, fiċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u fit-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu. Dawn l-atti juru approċċ sistematiku u koerenti li permezz tiegħu, mingħajr ma kienu meħtieġa miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, l-awtoritajiet fiskali Belġjani eżentaw mit-taxxa l-profitti msejħa eċċessivi.

77      Skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kwalunkwe dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, għajnuna tista’ tingħata b’mod individwali lil impriżi, iddefiniti b’mod ġenerali u astratt fl-imsemmija dispożizzjoni, u kwalunkwe dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha għajnuna li ma tkunx marbuta ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil impriża waħda jew iktar fuq perijodu indeterminat jew f’ammont indeterminat.

78      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ teżamina biss il-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, jekk, minħabba l-modalitajiet previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tiżgurax vantaġġ notevoli għall-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk hijiex ta’ natura li tagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’hekk, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni dwar tali skema, ma hijiex meħtieġ twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali fuq il-bażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun meħtieġ li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Barra minn hekk, ġie deċiż li, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna u fl-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ att legali li jistabbilixxi tali skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq sett sħiħ ta’ ċirkustanzi ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza fil-fatt ta’ skema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punti 14 u 15).

80      Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, fil-premessa 97 tagħha, huwa indikat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet ingħatat fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR. It-tieni nett, fil-premessa 98 tal-istess deċiżjoni, huwa indikat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana hija spjegata fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004, fiċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u fit-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari magħmula dwar din l-applikazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa konkluż li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004, iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u t-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jikkostitwixxu l-atti li fuq il-bażi tagħhom ingħatat l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

81      Għall-kuntrarju, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li ebda dispożizzjoni taċ-CIR 92 ma tippreskrivi eżenzjoni b’mod unilaterali u astratt ta’ parti fissa jew ta’ perċentwali fissa tal-profitt verament irreġistrat minn entità Belġjana li tappartjeni lil grupp. Barra minn hekk, huwa indikat li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jippermetti aġġustamenti negattivi tal-prezzijiet ta’ trasferiment bil-kundizzjoni li l-profitt li għandu jiġi eżentat, iġġenerat mit-tranżazzjoni jew mill-arranġament internazzjonali inkwistjoni, ikun ġie inkluż fil-profitt tal-kontroparti barranija għal din it-tranżazzjoni jew għal dan l-arranġament.

82      Huwa minnu li mir-raġunament tal-Kummissjoni jidher li toħroġ ċerta ambivalenza sa fejn, minn naħa, tikkunsidra l-atti kollha elenkati fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata bħala d-dispożizzjonijiet bażiċi tal-iskema kontenzjuża, filwaqt li, min-naħa l-oħra, meta tanalizza s-sistema ta’ referenza, fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, hija ssostni li ebda dispożizzjoni taċ-CIR 92 ma tippreskrivi eżenzjoni bħal dik applikata mill-awtoritajiet fiskali Belġjani.

83      Madankollu, minn qari tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, jirriżulta li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif applikat mill-awtoritajiet fiskali Belġjani, jikkostitwixxi l-bażi tal-allegata skema ta’ għajnuna inkwistjoni u li tali applikazzjoni tista’ tiġi dedotta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004, miċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u mit-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

84      Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat jekk l-allegata skema ta’ għajnuna, li hija allegatament ibbażata fuq l-atti identifikati mill-Kummissjoni, teħtieġx miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

85      Il-kunsiderazzjonijiet segwenti jistgħu jinstiltu mid-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, imfakkra fil-punt 77 iktar ’il fuq, kif interpretata mill-ġurisprudenza.

86      L-ewwel nett, sa fejn l-għajnuna individwali tingħata mingħajr l-intervent ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandhom jirriżultaw neċessarjament mid-dispożizzjonijiet identifikati bħala l-bażi tal-imsemmija skema.

87      It-tieni nett, meta l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw l-imsemmija skema, dawn l-awtoritajiet ma għandux ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha. Fil-fatt, sabiex l-eżistenza ta’ tali miżuri ta’ applikazzjoni tiġi eskluża, is-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun limitata għal applikazzjoni teknika tad-dispożizzjonijiet meqjusa bħala li jikkostitwixxu l-iskema inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara li jiġi vverifikat li l-applikanti jissodisfaw il-kundizzjonijiet preliminari sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema.

88      It-tielet nett, mill-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li l-atti li fuqhom tkun ibbażata l-iskema ta’ għajnuna għandhom jiddefinixxu l-benefiċjarji b’mod ġenerali u astratt, anki jekk l-għajnuna mogħtija lilhom tibqa’ indeterminata.

89      Għandu għalhekk jiġi analizzat sa fejn l-elementi identifikati iktar ’il fuq joħorġu mill-atti li fuqhom hija bbażata l-iskema ta’ għajnuna identifikati mill-Kummissjoni, b’tali mod li l-allegati miżuri ta’ għajnuna, jiġifieri l-eżenzjonijiet tal-profitti eċċessivi, jistgħu jingħataw fuq il-bażi tal-imsemmija atti mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu adottati miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni.

 Fuq l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni

90      Fil-premessi 13 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bħala skema li tikkonsisti f’eżenzjoni tal-profitti eċċessivi u tesponi l-elementi li, essenzjalment, jikkostitwixxu l-elementi essenzjali għall-għoti tal-imsemmija eżenzjoni, li huma deskritti fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, l-ewwel nett, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-entitajiet Belġjani kkonċernati huma entitajiet integrati fi grupp multinazzjonali. It-tieni nett, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li tkun inkisbet deċiżjoni bil-quddiem mis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, li hija marbuta ma’ sitwazzjoni ġdida, bħalma hija riorganizzazzjoni li twassal għall-istabbiliment tal-imprenditur ċentrali bil-Belġju, il-ħolqien ta’ impjiegi jew investimenti. It-tielet nett, hija kkonstatata l-eżistenza ta’ profitti li jaqbżu l-profitti li entitajiet awtonomi komparabbli kienu jiġġeneraw f’ċirkustanzi simili. Ir-raba’ nett, għall-kuntrarju, ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ aġġustament pożittiv primarju mwettaq fi Stat Membru ieħor.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi analizzat jekk l-elementi essenzjali tal-allegata skema ta’ għajnuna, imsemmija iktar ’il fuq, joħorġux mill-atti li l-Kummissjoni qieset li jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

92      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li l-Kummissjoni indikat, fil-premessi 101 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-elementi essenzjali tal-allegata għajnuna kienu ġew ikkonstatati fuq il-bażi tal-eżami ta’ kampjun ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem. B’hekk, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li dawn l-elementi essenzjali ma joħorġux mill-atti li fuqhom hija sostniet li l-iskema kienet ibbażata, iżda mid-deċiżjonijiet bil-quddiem stess jew, b’mod iktar speċifiku, minn kampjun tagħhom.

93      Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa minnu li wħud mill-elementi essenzjali tal-iskema kkunsidrati mill-Kummissjoni jistgħu joħorġu mill-atti identifikati fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, dan madankollu ma huwiex il-każ għal dawn l-elementi essenzjali kollha.

94      Fil-fatt, kif isostnu ġustament ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, la l-metodu tal-kalkolu tal-profitti eċċessivi fuq żewġ stadji u lanqas ir-rekwiżit ta’ investimenti, tal-ħolqien ta’ impjiegi, taċ-ċentralizzazzjoni jew taż-żieda tal-attivitajiet fil-Belġju ma joħorġu, lanqas b’mod impliċitu, mill-atti kkunsidrati mill-Kummissjoni, fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala li jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema inkwistjoni. Issa, jekk dawn l-elementi li, skont il-Kummissjoni stess, jagħmlu parti mill-elementi essenzjali tal-allegata skema ta’ għajnuna, ma jinsabux fl-atti li huma meqjusa li jikkostitwixxu l-bażi ta’ din l-iskema, l-implimentazzjoni ta’ dawn l-atti u, għalhekk, l-għoti tal-allegata għajnuna jiddependu neċessarjament mill-adozzjoni ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, b’tali mod li ma jistax jingħad li hemm skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

95      Minn naħa, l-atti identifikati fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq, ma jsemmux il-metodu f’żewġ stadji, li jinkludi l-MTMN għall-kalkolu tal-profitti eċċessivi. Issa, mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-punt 6.3.2 tagħha (premessi 133, 144 u 152 sa 168 tal-imsemmija deċiżjoni), jirriżulta li dan il-metodu ġie applikat b’mod sistematiku u jikkostitwixxi element essenzjali tal-iskema, sa fejn hija preċiżament l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu li tagħmel l-imsemmija skema selettiva.

96      Għaldaqstant, u mingħajr ma tingħata deċiżjoni dwar jekk id-determinazzjoni tal-profitti eċċessivi skont il-metodu fuq żewġ stadji, deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, tistax twassal għal vantaġġ selettiv, għandu jiġi osservat li dan l-element kostitwenti tal-iskema inkwistjoni ma joħroġx, madankollu, mill-atti bażiċi tal-imsemmija skema u għalhekk ma jistax jiġi applikat fl-assenza ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni.

97      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-investimenti, tal-ħolqien ta’ impjiegi, taċ-ċentralizzazzjoni jew taż-żieda ta’ attivitajiet fil-Belġju mill-applikanti għal deċiżjonijiet bil-quddiem, għandu jiġi osservat li, fil-punt 6.3.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, minkejja li dawn l-elementi ma kinux elenkati bħala kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, huma kienu essenzjali sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni bil-quddiem li kienet obbligatorja sabiex tingħata l-eżenzjoni inkwistjoni.

98      Issa, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, b’mod partikolari fil-punt 139 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-elementi ma joħorġux mill-atti li fuq il-bażi tagħhom hija bbażata l-iskema inkwistjoni, iżda mid-deċiżjonijiet bil-quddiem stess, u dan skont il-kampjun analizzat minnha. Għaldaqstant, kif isostnu ġustament ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, jekk tali elementi ma jirriżultawx mill-atti li, skont il-Kummissjoni, jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema ta’ għajnuna, dawn tal-aħħar għandhom ikunu neċessarjament is-suġġett ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni. Fil-fatt, jekk, kif issostni l-Kummissjoni, tali investimenti jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali Belġjani sabiex jagħtu l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, tali teħid inkunsiderazzjoni jimplika neċessarjament it-twettiq ta’ analiżi u ta’ evalwazzjoni speċifika ta’ dawn l-investimenti proposti mill-entitajiet Belġjani kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tagħhom, tal-ammont tagħhom jew ta’ karatteristiċi oħra li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tagħhom. Issa, tali analiżi tista’ titwettaq biss każ b’każ u teħtieġ, għalhekk, miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni.

 Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet fiskali Belġjani

99      Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, timplika l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali mill-awtorità fiskali li tadotta l-miżuri inkwistjoni, li tippermettilha tinfluwenza l-karatteristiċi, l-ammont jew il-kundizzjonijiet li fihom tingħata l-għajnuna. Il-Kummissjoni tqis, għall-kuntrarju, li s-sempliċi applikazzjoni teknika tal-att li jipprevedi l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni ma tikkostitwixxix miżura supplimentari ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

100    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-fatt li jkun meħtieġ li titressaq applikazzjoni għal approvazzjoni bil-quddiem quddiem l-awtoritajiet fiskali kompetenti sabiex jingħata l-benefiċċju ta’ għajnuna ma jimplikax li dawn l-awtoritajiet għandhom setgħa diskrezzjonali f’sitwazzjoni fejn sempliċement jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax il-kriterji meħtieġa sabiex jibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 57).

101    F’dan il-każ, huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-profitti eċċessivi huwa suġġett għall-kisba ta’ deċiżjoni bil-quddiem. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-formulazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002, li jipprovdi li deċiżjoni bil-quddiem għandha tfisser l-att legali li permezz tiegħu d-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi jiddetermina, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif il-liġi ser tiġi applikata għal sitwazzjoni jew għal tranżazzjoni partikolari li jkunu għadhom ma kellhomx effetti fuq livell fiskali.

102    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, meta jadotta tali deċiżjonijiet bil-quddiem, l-imsemmi dipartiment għandux setgħa diskrezzjonali li tippermettilu jinfluwenza l-ammont, l-elementi essenzjali u l-kundizzjonijiet li fihom tingħata l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

103    L-ewwel nett, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004 li temenda ċ-CIR 92 (kif ippreżentata fil-qosor fil-punt 7 iktar ’il fuq) u miċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 (kif deskritta fil-punti 9 sa 11 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-aġġustament negattiv previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 għandu jitwettaq każ b’każ fuq il-bażi tal-elementi disponibbli li jiġu ppreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, huwa indikat li ebda kriterju ma jista’ jiġi stabbilit fir-rigward ta’ dan l-aġġustament sa fejn dan għandu jitwettaq każ b’każ. Madankollu, huwa speċifikat li għandu jitwettaq aġġustament korrelattiv biss jekk l-amministrazzjoni fiskali jew is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem iqisu li l-aġġustament huwa ġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu. Barra minn hekk, it-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 (kif ippreżentati fil-qosor fil-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq) jirreferu biss b’mod ġenerali għall-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana fir-rigward tal-profitti eċċessivi u tal-prinċipju ta’ distakkament.

104    Minn qari flimkien ta’ dawn l-atti msemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq jista’ jiġi dedott li, meta l-awtoritajiet fiskali Belġjani adottaw deċiżjonijiet bil-quddiem fuq il-profitti eċċessivi, huma ma wettqux applikazzjoni teknika tal-qafas regolamentari applikabbli iżda, għall-kuntrarju, wettqu, “każ b’każ”, evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva ta’ kull applikazzjoni, fuq il-bażi tar-rapporti u tal-provi ppreżentati mill-entità kkonċernata, sabiex jiddeċiedu jekk kienx iġġustifikat li jingħata l-aġġustament negattiv previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, u fl-assenza ta’ istruzzjonijiet oħra li jillimitaw is-setgħa deċiżjonali tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana, din tal-aħħar kellha neċessarjament tgawdi minn setgħa diskrezzjonali reali meta ddeċidiet li kien hemm lok li jingħataw tali aġġustamenti negattivi.

105    It-tieni nett, kif indikat fil-punt 73 iktar ’il fuq, l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jipprevedi aġġustament negattiv tal-profitti ta’ kumpannija fil-każ biss li dawn ikunu ġew inklużi fil-profitt ta’ kumpannija oħra. Issa, fil-prattika, kif spjegata, b’mod partikolari, fiċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u fit-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, l-aġġustament negattiv twettaq mis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem mingħajr ma ġiet iddeterminata l-kwistjoni ta’ lil liema kumpanniji barranin kellu jiġi attribwit il-profitt eċċessiv.

106    Barra minn hekk, mill-premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-iskema kontenzjuża ma tkoprix id-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha li kienu ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Huma kkonċernati biss deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu aġġustamenti negattivi mingħajr il-verifika, mill-amministrazzjoni, ta’ jekk il-profitti kkonċernati kinux ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra tal-grupp stabbilita f’ġurisdizzjoni oħra. Għall-kuntrarju, id-deċiżjonijiet bil-quddiem li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, jagħtu aġġustament negattiv li jikkorrispondi għall-aġġustament pożittiv tal-profitti taxxabbli ta’ kumpannija oħra tal-grupp stabbilita f’ġurisdizzjoni oħra ma jagħmlux parti mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

107    Għaldaqstant, kif isostnu ġustament ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, jekk, fuq il-bażi tal-istess dispożizzjoni, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana tista’ tadotta kemm deċiżjonijiet li, skont il-Kummissjoni, jagħtu għajnuna mill-Istat u kemm deċiżjonijiet li ma jagħtux tali għajnuna, ma jistax jiġi sostnut b’mod raġonevoli li r-rwol ta’ din l-amministrazzjoni huwa limitat għal applikazzjoni teknika tal-iskema inkwistjoni.

108    It-tielet nett, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mir-Renju tal-Belġju lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, għandu jiġi eżaminat kif l-imsemmi servizz iddetermina, fil-kuntest tal-eżami individwali tiegħu tal-applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet bil-quddiem, jekk kienx hemm sitwazzjoni li tagħti lok għal profitti eċċessivi, jekk kienx hemm lok li jitwettaq aġġustament negattiv skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u liema kellhom ikunu l-karatteristiċi, l-ammont u l-kundizzjonijiet ta’ tali aġġustament.

109    Fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet li fihom tingħata l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, huwa biżżejjed li jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 90 sa 98 iktar ’il fuq, li minnhom joħroġ li ċerti elementi essenzjali tal-allegata skema ma jirriżultawx mill-atti li skont il-Kummissjoni jikkostitwixxu l-bażi tagħha.

110    Fir-rigward tal-ammont li għandu jiġi eżentat, għandu jiġi osservat li l-perċentwali tal-profitti meqjusa li huma eċċessivi ma hijiex iddefinita fl-atti li fuqhom hija bbażata l-allegata skema ta’ għajnuna. Fil-fatt, minn dawn l-atti la tista’ tiġi dedotta perċentwali speċifika, la tista’ tiġi dedotta firxa ta’ valuri u lanqas ma jista’ jiġi dedott valur massimu, u f’dawn l-atti ma jingħata ebda element konkret li jiddefinixxi l-metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi applikat. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 103 tal-imsemmija deċiżjoni) jirriżulta li l-fatti individwali, l-ammonti kkonċernati u t-tranżazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma differenti minn deċiżjoni bil-quddiem għal oħra. Bl-istess mod, id-deskrizzjoni tal-profitti eċċessivi, fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, turi li d-determinazzjoni tagħhom teħtieġ eżerċizzju ta’ evalwazzjoni, każ b’każ, tal-istudji ppreżentati mill-persuna taxxabbli fir-rigward, fl-ewwel stadju, tal-benefiċċju residwali tal-kumpannija, iġġenerat mit-tranżazzjonijiet tagħha ma’ kumpanniji integrati fl-istess grupp, u, fit-tieni stadju, il-profitti eċċessivi ġġenerati minħabba l-fatt li tkun tagħmel parti minn grupp, li jitnaqqsu mill-profitt residwali, kif ikun ġie kkalkolat fl-ewwel stadju.

111    B’mod iktar speċifiku, kif isostnu ġustament ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, il-parametri dwar il-kalkolu tal-profitti eċċessivi kif ukoll l-indikazzjonijiet meħtieġa għat-teħid inkunsiderazzjoni, meta jiġu adottati d-deċiżjonijiet bil-quddiem, tas-sinerġiji, tal-investimenti, taċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet u tal-ħolqien ta’ impjiegi fil-Belġju ma humiex previsti fl-atti li skont il-Kummissjoni jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema kontenzjuża. Għaldaqstant, huwa s-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem li, minn naħa, iddetermina l-elementi essenzjali li kienu meħtieġa sabiex jinkiseb aġġustament negattiv u, min-naħa l-oħra, ivverifika jekk dan ir-rekwiżit kienx issodisfatt fil-każ li jkun aċċetta li jingħata l-imsemmi aġġustament. Għalhekk, ma jistax jingħad li s-setgħa diskrezzjoni tal-awtoritajiet fiskali Belġjani kienet limitata għal sempliċi applikazzjoni teknika tad-dispożizzjonijiet identifikati fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata.

112    Ir-raba’ nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedura quddiem is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem tinkludi fażi preliminari li matulha tiġi analizzata l-applikazzjoni għal deċiżjoni bil-quddiem u li mal-konklużjoni tagħha wħud biss mill-applikazzjonijiet jittieħdu uffiċjalment inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, mir-rapporti annwali tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem identifikati mir-Renju tal-Belġju, b’mod partikolari minn dak tas-sena 2014, jirriżulta li huma biss madwar 50 % tal-fajls miftuħa fil-fażi ta’ notifika preliminari li jwasslu għal deċiżjoni bil-quddiem. Dan jikkostitwixxu indizju tal-fatt li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem għandu setgħa diskrezzjonali li huwa jeżerċita effettivament meta jilqa’ jew jiċħad, inkluż fl-istadju tan-notifika preliminari, l-applikazzjonijiet dwar il-profitti eċċessivi.

113    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li s-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem għandu setgħa diskrezzjonali limitata sabiex jaċċetta r-rati preċiżi tal-aġġustament negattiv. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 101 sa 112 iktar ’il fuq jirriżulta li l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhom, f’dan il-każ, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-elementi essenzjali kollha tal-allegata skema ta’ għajnuna.

 Fuq id-definizzjoni tal-benefiċjarji

114    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-benefiċjarji, għandu jitfakkar li, fil-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Dan l-artikolu, li l-kontenut tiegħu huwa riprodott fil-punt 8 iktar ’il fuq, jipprevedi li japplika għall-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom.

115    Huwa minnu li jista’ jitqies li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ikopri kategorija ġenerali u astratta ta’ entitajiet, jiġifieri l-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali fil-kuntest tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom. Madankollu, il-benefiċjarji tal-iskema, kif imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jiġu identifikati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni biss, mingħajr miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni.

116    Fil-fatt, f’dan il-każ, il-benefiċjarji tal-iskema, kif ikkonstatata mill-Kummissjoni, jikkorrispondu għal kategorija ħafna iktar partikolari minn dik li tikkorrispondi għall-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali fil-kuntest tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom. Skont l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, din l-iskema tapplika għal kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali li, fuq il-bażi ta’ rapporti dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u dwar l-eżistenza ta’ profitti eċċessivi kkalkolati permezz tal-imsemmija rapporti, jinvokaw l-eżenzjoni ta’ dawn il-profitti permezz tal-applikazzjoni għal deċiżjoni bil-quddiem u li, barra minn hekk, jagħmlu investimenti, joħolqu impjiegi jew jiċċentralizzaw l-attivitajiet tagħhom fil-Belġju.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-atti l-oħra li fuqhom hija bbażata l-iskema, kif identifikati mill-Kummissjoni, ma jipprovdux preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar id-definizzjoni tal-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni.

118    Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002, din tal-aħħar, sa fejn fl-Artikolu 20 tagħha tipprevedi r-rekwiżit dwar sitwazzjoni jew dwar tranżazzjoni partikolari li jkunu għadhom ma kellhomx effetti fuq il-livell fiskali, ma tipprevedix dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-benefiċjarji tal-allegata skema. Fir-rigward taċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u tat-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi tat-13 ta’ April 2005, tal-11 ta’ April 2007 u tas-6 ta’ Jannar 2015, il-kontenut ta’ dawn l-atti lanqas ma jipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-benefiċjarji tal-allegata skema. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn l-atti tal-aħħar ġew adottati wara l-2004, is-sena li minnha, skont il-Kummissjoni, kienet applikata l-iskema inkwistjoni.

119    Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-benefiċjarji tal-allegata skema ta’ għajnuna huma ddefiniti b’mod ġenerali u astratt permezz tal-atti li fuqhom hija bbażata l-iskema ta’ għajnuna identifikati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, tali definizzjoni għandha neċessarjament titwettaq permezz ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni.

120    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kif iddefinixxietha fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx teħtieġ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni u li għalhekk kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

 Fuq l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku

121    Il-konklużjoni magħmula fil-punt 120 iktar ’il fuq ma tistax tiddaħħal inkwistjoni bl-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ allegat approċċ sistematiku li hija identifikat permezz ta’ eżami ta’ kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem mis-66 deċiżjoni bil-quddiem eżistenti.

122    Fil-fatt, għandha titfakkar il-ġurisprudenza, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, li minnha joħroġ li, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna u fl-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ att legali li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’, madankollu, tibbaża ruħha fuq sett sħiħ ta’ ċirkustanzi ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza fil-fatt ta’ skema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punti 14 u 15).

123    Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li teżisti skema ta’ għajnuna meta jirnexxielha turi, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, approċċ sistematiku li l-karatteristiċi tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

124    Madankollu, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-approċċ identifikat minnha kien jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

125    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti invokati mill-Kummissjoni b’mod partikolari matul is-seduta, fis-sens li tali approċċ jista’ jikkostitwixxi l-bażi stess tal-iskema ta’ għajnuna, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan ma huwiex il-bażi tal-iskema li ġiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif ingħad fil-punt 80 iktar ’il fuq, fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif applikat mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana, kien jikkostitwixxi l-bażi tal-allegata skema ta’ għajnuna inkwistjoni u li tali applikazzjoni setgħet tiġi dedotta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004, miċ-Ċirkolari Amministrattiva tal-4 ta’ Lulju 2006 u mit-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

126    Fit-tieni lok, jekk jitqies li l-argumenti tal-Kummissjoni għandhom jinftiehmu fis-sens li l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna joħorġu minn approċċ sistematiku li, min-naħa tiegħu, joħroġ mill-kampjun ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem eżaminati minnha, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza ta’ tali approċċ sistematiku.

127    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 65 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija eżaminat kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem mis-66 deċiżjoni kkonċernati. Issa, kif isostnu ġustament ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, la speċifikat l-għażla ta’ dan il-kampjun u lanqas ir-raġunijiet għaliex dan il-kampjun tqies li kien rappreżentattiv tad-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha. Fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, li kienet ukoll is-suġġett ta’ preċiżazzjonijiet matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li hija kienet talbet id-deċiżjonijiet bil-quddiem adottati fl-2005 (fl-2004 ma kienet adottata ebda deċiżjoni), fl-2007, fl-2010 u fl-2013 sabiex, bl-eżami tagħha, tkopri d-deċiżjonijiet adottati fil-bidu, fin-nofs u fl-aħħar tal-perijodu li matulu s-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem kien adottata tali deċiżjonijiet.

128    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata fiha, fil-punti 62 sa 64 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 80 tagħha, referenzi għal 6 deċiżjonijiet bil-quddiem, mis-66 ikkonċernati, li ġew deskritti b’mod sommarju u li ġew ikklassifikati bħala eżempji li setgħu jintużaw bħala rappreżentazzjoni tad-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata ma hemm ebda preċiżazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex intgħażlu dawn is-6 eżempji, għaliex dawn id-deċiżjonijiet bil-quddiem analizzati jikkostitwixxu bażi suffiċjentement rappreżentattiva tas-66 deċiżjoni bil-quddiem kollha u għaliex dawn is-6 eżempji huma biżżejjed sabiex iservu ta’ bażi għall-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku mill-awtoritajiet fiskali Belġjani.

129    It-tieni nett, għandhom jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 103 sa 112 iktar ’il fuq, fis-sens li l-awtoritajiet fiskali Belġjani eżaminaw każ b’każ kull applikazzjoni u kellhom setgħa diskrezzjonali li kienet tmur ferm lil hinn minn sempliċi applikazzjoni teknika tad-dispożizzjonijiet identifikati fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn adottaw kull deċiżjoni bil-quddiem wara dan l-eżami, punt dan li, fih innifsu, idgħajjef in-natura sistematika tal-allegat approċċ meħud mill-awtoritajiet fiskali Belġjani. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku hija kkontestata mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 98 iktar ’il fuq dwar il-miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni meħtieġa sabiex tiġi implimentata s-sistema dwar il-profitti eċċessivi kkontestata f’dan il-każ.

130    Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International isostnu li diversi deċiżjonijiet bil-quddiem ma jinkludux l-elementi essenzjali tal-allegata skema ta’ għajnuna kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari minħabba li ma jikkonċernawx kollha r-rwol ta’ imprenditur ċentrali kif meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, minħabba li mhux fil-każijiet kollha kien hemm ċentralizzazzjoni jew ċentralizzazzjoni mill-ġdid ta’ attivitajiet u minħabba li l-kalkolu tal-profitti eċċessivi twettaq każ b’każ u mhux dejjem skont il-metodu ta’ kalkolu fuq żewġ stadji kkritikat mill-Kummissjoni.

131    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li n-nuqqasijiet identifikati fil-punti 127 u 128 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu rrimedjati bl-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, indikati fil-punt 49 iktar ’il fuq, dwar il-kampjun ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem li kienet analizzat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax, mingħajr ma taqbeż il-limiti tal-istħarriġ ta’ legalità tad-deċiżjoni kkontestata, tibbaża ruħha, sabiex tiċħad motiv ta’ annullament imressaq quddiemha, fuq raġunijiet li ma joħorġux mill-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2016, L-Irlanda u Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni, T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV II, EU:T:2016:227, punt 145).

132    Fi kwalunkwe każ, u kif isostnu ġustament ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, mill-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li d-deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħmlu parti mill-kampjun eżaminat mill-Kummissjoni juru li l-awtoritajiet fiskali Belġjani taw tweġibiet individwali għas-sitwazzjonijiet differenti li tressqu quddiemhom. Fil-fatt, l-informazzjoni mogħtija dwar it-22 deċiżjoni turi li dawn tal-aħħar ġew adottati fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet differenti, bħalma huma l-amalgamazzjoni jew ir-ristrutturazzjoni ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni, il-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet ġodda, iż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ installazzjonijiet eżistenti jew l-internalizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ akkwist ta’ provvisti. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li joħroġ mill-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata u mir-raġunament segwit mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li l-allegata skema kontenzjuża tagħti lill-benefiċjarji vantaġġ selettiv (punt 6.3.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata), id-deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħmlu parti mill-kampjun eżaminat ma jikkonċernawx kollha sitwazzjonijiet fejn struttura ta’ “imprenditur ċentrali” kienet użata mill-entità Belġjana inkwistjoni.

133    Barra minn hekk, mill-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, identifikati fil-punt 49 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-approċċ fuq żewġ stadji għall-kalkolu tal-profitti eċċessivi, identifikat mill-Kummissjoni bħala wieħed mill-elementi essenzjali tal-allegata skema ta’ għajnuna u kif deskritt mill-Kummissjoni fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li jimplika b’mod partikolari l-użu ta’ rapporti dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u l-MTMN, ma kienx adottat b’mod sistematiku.

134    Għaldaqstant, minbarra n-nuqqasijiet identifikati fil-punti 127 u 128 iktar ’il fuq, li jdgħajfu l-argumenti dwar l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku min-naħa tal-awtoritajiet fiskali Belġjan, il-kampjun li għalih tirreferi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jistabbilixxi neċessarjament li tali approċċ sistematiku kien effettivament eżista u li dan ġie segwit fid-deċiżjonijiet bil-quddiem ikkonċernati kollha.

 Konklużjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi bħala skema ta’ għajnuna

135    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li s-sistema Belġjana dwar il-profitti eċċessivi inkwistjoni, kif ippreżentata fid-deċiżjoni kkontestata, kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna.

136    Għaldaqstant, għandhom jintlaqgħu l-motivi invokati mir-Renju tal-Belġju u minn Magnetrol International, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn hija kkonċernata l-konklużjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati kontra d-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar għandha tiġi annullata fl-intier tagħha sa fejn hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata dwar l-eżistenza ta’ tali skema.

 Fuq l-ispejjeż

137    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Renju tal-Belġju, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, u minn Magnetrol International, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

138    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, l-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T131/16 u T263/16 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tar-Renju tal-Belġju, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, u ta’ Magnetrol International.

4)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Van der Woude

Tomljenović

Bieliūnas

Marcoulli

 

      Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.