Appell ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2018 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-18 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-640/16, GEA Group AG vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-823/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Christoforou, P. Rossi, V. Bottka, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Gea Srl

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata

tordna lil GEA għall-ispejjeż kollha tal-proċedimenti u għal dawk fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tibbaża l-appell tagħha fuq dawn iż-żewġ aggravji:

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji fil-liġi. L-ewwel nett, applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma qiesitx il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ impriża u dwar responsabbiltà in solidum , u żbaljat ukoll dwar il-konsegwenzi ta’ tnaqqis fil-multa li tista’ tiġi attribwita biss lil ex sussidjarja tal-impriża li wettqet ksur. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni tqies li, bis-sentenza taħt l-appell, il-Qorti Ġenerali ddevjat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum għall-parti tal-multa li hija komuni għall-entitajiet legali kollha indirizzati hija manifestazzjoni tal-kunċett ta’ impriża għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE (ara C-231/11 P, Siemens Österreich, punt 57). Għalhekk, l-entitajiet legali tal-istess impriża fiż-żmien tal-ksur huma b’definizzjoni kollha responsabbli għall-multa li tikkorrispondi mal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur (sal-ogħla ammont li għalih kull entità legali hija responsabbli individwalment). Il-loġika tas-sentenza hija bbażata fuq applikazzjoni b’analoġija tat-teorija dwar ishma interni ta’ responsabbiltà in solidum, li mmirat ukoll li teskludi kodebituri mir-responsabbiltà għall-partijiet tal-multa imposta konġuntament. Madankollu, dik it-teorija ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-231/11 P, Siemens Österreich u l-Kawżi konġunti C-247/11 P u C-253/11 P, Areva. Barra minn hekk, is-Sentenza ma tqiesx il-ġurisprudenza li tgħid li kumpannija omm ma tistax tibbenefika minn limitu iktar baxx ta’ 10 % tal-ex sussidjarja tagħha stess (C-50/12 P, Kendrion, punti 58, 68 u 70). Għaldaqstant, is-sentenza hija affettwata minn żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, toħloq inċertezza legali, u taffettwa l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-iffissar ta’ multi dwar impriża talli kisret l-Artikolu 101 TFUE.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqies li l-Qorti Ġenerali żbaljat billi sostniet li t-terminu għall-ħlas tal-multa għall-entitajiet kollha legali responsabbli in solidum fl-impriża (inkluża l-kumpannija omm GEA) jerġa’ jibda min-notifika ta’ deċiżjoni li temenda li tnaqqas il-multa għall-waħda biss minn dawn l-entitajiet legali (ACW, ex sussidjarja ta’ GEA). Dan huwa żball fil-liġi għaliex il-Kummissjoni għandha d-dritt tnaqqas b’deċiżjoni li temenda il-multa għall-waħda biss tal-entitajiet legali responsabbli in solidum, jekk hemm żball materjali li jaffettwa dik l-entità legali biss, mingħajr ma jkollha temenda l-multi fil-partijiet l-oħra tad-deċiżjoni indirizzata lill-bqija tal-entitajiet legali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha d-dritt (però ma hijiex obbligata) f’dawn iċ-ċirkustanzi li tistabbilixxi d-data dovuta ġdida għal waħda jew iktar mill-entitajiet legali, li tista’ tkun f’data qabel in-notifika tal-aħħar deċiżjoni li temenda. Dan għaliex l-emenda tal-multa ma tammontax għas-sostituzzjoni tagħha. Bl-istess mod, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas il-multa għall-entità legali, din ma tammontax għall-iffissar ta’ multa ġdida b’data dovuta ġdida (Kawża C-523/15 P, WDI, punti 29-48 u 63-68 u Kawża T-275/94, Groupement des cartes bancaires, punti 60 u 65). Jekk jinżammu, l-iżbalji li fuqhom hija bbażata s-sentenza jistgħu jaffettwaw l-effett dissważiv tal-multi tal-Kummissjoni għaliex ifisser li emenda tal-multa għal destinatarju wieħed iwassal għat-telf ta’ imgħax iġġenerat fuq il-parti miżmuma tal-multa għall-impriża kollha.

Fl-aħħar nett, dwar iż-żewġ aspetti koperti mill-aggravji, is-sentenza ma hijiex ċara u mhijiex motivata biżżejjed.

____________