Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fis-7 ta’ Jannar 2019 – Proċeduri kriminali kontra RH

(Kawża C-8/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

RH

Domandi preliminari

Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 489(2) tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), li tobbliga lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi direttament dwar il-legalità ta’ detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mingħajr ma tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja minkejja li tkun għamlet talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-legalità ta’ din id-detenzjoni, hija konformi mal-Artikolu 267 TFUE u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

2.1    Fuq il-bażi tal-aħħar sentenza tal-premessa 16 tad-Direttiva Nru 343/2016 1 , il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt tagħha fis-sens li, qabel ma tagħti deċiżjoni li testendi d-detenzjoni provviżorja, hija għandha “tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti […] li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata”?

2.2    F’sitwazzjoni fejn l-avukat difensur jikkontesta, b’mod argumentat u serju, speċifikament l-eżistenza ta’ “biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti” fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-estensjoni tad-detenzjoni provviżorja, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tagħti tweġiba, konformement mar-rekwiżit ta’ rimedu effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

2.3    Il-qorti nazzjonali tikser l-Artikolu 4 tad-Direttiva Nru 343/2016, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C-310/18 PPU, EU:C:2018:732), jekk timmotiva d-deċiżjoni tagħha dwar l-estenzjoni tad-detenzjoni provviżorja konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB, u tikkonstata ġustament l-eżistenza ta’ provi insostenn tal-akkuża li, min-natura tagħhom, huma “tali li jipperswadu lil osservatur newtrali u oġġettiv li l-individwu inkwistjoni seta’ wettaq ir-reat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll dwar l-Artikolu 5(4) tal-KEDB, u dan, b’mod partikolari, filwaqt li tiddeċiedi, b’mod effettiv u reali, fuq l-oġġezzjonijiet tal-avukat difensur dwar il-legalità tad-detenzjoni provviżorja?

____________

1     Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).