Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fit-8 ta’ Frar 2019 – Viasat UK Ltd, Viasat Inc. vs Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT)

(Kawża C-100/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Viasat UK Ltd, Viasat Inc.

Konvenut: Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT)

Partijiet oħra: Inmarsat Ventures Ltd c.o., Eutelsat SA

Domandi preliminari

Il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn jirriżulta li l-operatur magħżul konformement mat-Titolu II ta’ din l-aħħar deċiżjoni ma pprovdiex servizzi mobbli permezz tas-satellita bl-użu ta’ sistema mobbli permezz tas-satellita fit-terminu previst fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-istess deċiżjoni għandhom jirrifjutaw li jagħtu awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu installati komponenti terrestri komplimentari għal dan l-operatur, għar-raġuni li dan l-operatur ma osservax l-impenn li ħa matul il-kandidatura tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istess kuntest, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-istess deċiżjoni jistgħu jirrifjutaw li jagħtu awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu installati komponenti terrestri komplimentari għal dan l-operatur, għar-raġuni li dan l-operatur ma osservax l-impenn ta’ kopertura tat-13 ta’ Ġunju 2016?

____________

1 ĠU L 172, p. 15.