KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fid‑9 ta’ April 2019 (1)

Kawża C251/18

Trace Sport

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane, kantoor Eindhoven

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Dazji antidumping – Importazzjoni ta’ roti mibgħuta, b’mod partikolari, mis-Sri Lanka – Estensjoni tad-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013 – Validità – Ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD”






1.        Din il-kawża tittratta rinviju għal deċiżjoni preliminari mressaq mir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) li jikkonċerna l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea estenda d-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ roti mibgħuta, b’mod partikolari, mis-Sri Lanka.

2.        Dan ir-regolament ġie annullat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, City Cycle Industries vs Il‑Kunsill (3), ikkonfermata fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries (4), sa fejn jirrigwarda biss il-produttur Sri Lankiż li kien ippreżenta rikors għal annullament kontra tiegħu, jiġifieri l-kumpannija City Cycle Industries (iktar ’il quddiem “City Cycle”).

3.        Quddiem il-qorti tar-rinviju l-kumpannija Trace Sport, importatur Franċiż ta’ roti, tikkontesta żewġ avviżi maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ħlas tad-dazji antidumping dovuti għal importazzjonijiet ta’ roti mis-Sri Lanka. Quddiem dik il-qorti, Trace Sport tipprova tieħu vantaġġ mis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq mogħtija mill-qrati tal-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ City Cycle, sabiex teċċepixxi l-invalidità tar-Regolament kontenzjuż f’dak li jikkonċerna l-produtturi-esportaturi Sri Lankjani li mingħandhom hija importat ir-roti kkonċernati bl-avviżi ta’ ħlas ikkontestati, jiġifieri l-kumpanniji Kelani Cycles (PVT) Ltd (iktar ’il quddiem “Kelani Cycles”) u Creative Cycles (PVT) Ltd (iktar ’il quddiem “Creative Cycles”).

4.        Il-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jargumentaw, madankollu, li, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw lil Trace Sport, li hija importatur marbut maż-żewġ impriżi produtturi Sri Lankjani, din ma tistax teċċepixxi l-invalidità tar-Regolament kontenzjuż quddiem il-qorti tar-rinviju skont il-ġurisprudenza li tirriżulta wara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90). Skont din il-ġurisprudenza, parti fil-kawża li, mingħajr ebda dubju, ikollha locus standi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra att tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, hija prekluża milli teċċepixxi l-invalidità ta’ dan l-att quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza TWD”) (5).

5.        F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu ffokati fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari fuq l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-ġurisprudenza TWD.

I.      Ir-Regolament kontenzjuż, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.        Matul ix-xahar ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni dwar il-possibbiltà li ġew evitati miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz tal-importazzjonijiet ta’ roti mibgħuta, b’mod partikolari, mis-Sri Lanka (6).

7.        Matul l-investigazzjoni, Kelani Cycles ressqet talba intiża sabiex tibbenefika minn eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazju antidumping (7). Fis‑16 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fl-impjanti ta’ Kelani Cycles. Sussegwentement, billi l-kooperazzjoni tqieset bħala insuffiċjenti, il-Kummissjoni informat lil Kelani Cycles li hija kellha l-intenzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li Kelani Cycles kienet ikkomunikatilha, li tibbaża l-konklużjonijiet li jikkonċernawha fuq l-informazzjoni disponibbli (8) u tiċħad it-talba tagħha għall-eżenzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tat lil Kelani Cycles l-possibbiltà li tipprovdi spjegazzjonijiet supplimentari (9), u hija għamlet hekk permezz tal-ittra tas‑7 ta’ Frar 2013 akkumpanjata bi 43 anness. Għal diversi raġunijiet, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet supplimentari u, finalment, ċaħdet it-talba għall-eżenzjoni ppreżentata minn Kelani Cycles.

8.        Insegwitu għar-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti u l-provi prodotti minn Kelani Cycles u msemmija fil-punt preċedenti, Trace Sport, matul il-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, talbet seduta quddiemha sabiex tipproduċi, minkejja din iċ-ċaħda, l-istess dokumenti u provi pprovduti minn Kelani Cycles insostenn tal-ispjegazzjonijiet supplimentari tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba ppreżentata minn Trace Sport.

9.        Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament kontenzjuż li permezz tiegħu huwa estenda d-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ roti mibgħuta, b’mod partikolari, mis-Sri Lanka. F’dan ir-regolament, Kelani Cycles hija kkunsidrata bħala kumpannija li ma kkooperatx (10), filwaqt li Creative Cycles ma tissemmiex espressament.

10.      Fl‑2012 u l‑2013, rappreżentanti tad-dwana, li kienu qed jaġixxu għan-nom u fl-interess ta’ Trace Sport ippreżentaw, fil-Pajjiżi l-Baxxi, dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ roti mibgħuta mis-Sri Lanka billi indikaw lil Creative Cycles u Kelani Cycles bħala esportaturi ta’ dawn ir-roti.

11.      Wara kontrolli a posteriori tal-validità ta’ dawn id-dikjarazzjoni, l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane, kantoor Eindhoven (l-Ispettur tat-Taxxi/Dwana, Uffiċju ta’ Eindhoven, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkunsidra li dazju antidumping ta’ 48.5 % għandu jitħallas għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tar-roti ddikjarati. Għaldaqstant dan ħareġ żewġ avviżi ta’ ħlas tad-dazji antidumping dovuti, għal ammonti ta’, rispettivament, EUR 229 990.88 u EUR 234 275.37. Insegwitu għall-ilmenti ppreżentati minn Trace Sport kontra dawn l-avviżi, dawn ġew ikkonfermati permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Settembru 2015.

12.      Fil-frattemp, permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, City Cycle Industries vs Il‑Kunsill (11), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament kontenzjuż (12), f’dak li jikkonċerna City Cycle.

13.      Trace Sport ikkontestat iż-żewġ deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Settembru 2015 li kkonfermaw l-avviżi ta’ ħlas quddiem il-qorti tar-rinviju.

14.      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries (13), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, wara appell, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża City Cycle Industries vs Il‑Kunsill.

15.      Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, Trace Sport tiġbed argumenti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Maxcom vs City Cycle Industries sabiex tqiegħed fid-dubju l-validità tar-Regolament kontenzjuż f’dak li jikkonċerna Creative Cycles u Kelani Cycles. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-konklużjoni milħuqa mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza dwar City Cycle tista’ tkun applikabbli wkoll għal Kelani Cycles u Creative Cycles u għaldaqstant tistaqsi fuq il-validità tar-Regolament kontenzjuż f’dak li jikkonċerna dawn iż-żewġ produtturi-esportaturi Sri Lankjani oħra.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament [kontenzjuż] huwa validu sa fejn jikkonċerna l-produttur-esportatur Kelani Cycles?

2)      Ir-Regolament [kontenzjuż] huwa validu sa fejn jikkonċerna l-produttur-esportatur Creative Cycles?”

II.    Analiżi Legali

A.      Osservazzjonijiet preliminari

17.      Il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-Gvern Olandiż, il-Kunsill u l-Kummissjoni, jiddubitaw l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità. Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza TWD, dawn il-partijiet ikkonċernati jargumentaw, essenzjalment, li Trace Sport ma tistax tibbenefika, fil-kawża prinċipali, mill-invalidità tar-Regolament kontenzjuż għaliex hija setgħet indubitament tressaq rikors għal annullament kontra dan ir-regolament.

18.      Kif indikajt fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet, konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu ffokati fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari li saru mill-qorti tar-rinviju.

19.      F’dan ir-rigward, sejjer, l-ewwel nett, nirrevedi l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza TWD u l-applikazzjoni tagħhom fil-qasam tad-dazju antidumping tal-Unjoni. Imbagħad, abbażi ta’ din l-analiżi, sejjer nevalwa l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari li tressqu mill-qorti tar-rinviju.

B.      Il-ġurisprudenza TWD u l-applikazzjoni tagħha fil-qasam tal-antidumping

20.      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li skont ġurisprudenza stabbilita, att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jkunx ġie kkontestat mid-destinatarju tiegħu jew minn kwalunkwe istituzzjoni jew persuna li jistgħu jitolbu l-annullament tiegħu fil-perijodu perentorju previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263TFUE jsir definittiv. Din il-ġurisprudenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li t-termini li fihom iridu jinbdew il-proċedimenti legali huma intiżi sabiex iħarsu ċ-ċertezza legali billi jipprevjenu li miżuri tal-Unjoni li jipproduċu effetti legali jiġu kkontestati b’mod indefinittiv (14).

21.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fid-dritt tal-Unjoni, jeżisti prinċipju ġenerali li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, kull parti għandha d-dritt li targumenta dwar l-invalidità tad-dispożizzjonijiet fl-atti tal-Unjoni li jservu bħala bażi ta’ deċiżjoni jew ta’ att tad-dritt nazzjonali invokat kontra tagħhom u jitolbu lill-qorti nazzjonali li tinterroga lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda preliminari (15). Filwaqt li l-qrati nazzjonali jistgħu jikkonkludu li att tal-Unjoni huwa validu, huma ma jistgħux jiddikjarawh invalidu (16).

22.      Madankollu, l-istess rekwiżiti ta’ ċertezza legali li jissemmew fil-punt 20 iktar ’il fuq, wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li dan il-prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti f’kawża d-dritt li teċċepixxi, fil-kuntest ta’ rikors li jitressaq kontra miżura nazzjonali li tikkawżalha preġudizzju, l-invalidità tal-att tal-Unjoni li jservi ta’ bażi għal dik il-miżura, bl-ebda mod ma jopponi li dan l-att isir finali għal parti f’kawża, li fir-rigward tagħha dak l-att għandu jitqies bħala deċiżjoni individwali u li setgħet, indubbjament, titlob l-annullament tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE (17).

23.      Għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD, fil-każ fejn jista’ jiġi kkunsidrat li parti f’kawża setgħet mingħajr ebda dubju titlob l-annullament ta’ att tal-Unjoni, dik il-parti f’kawża hija pprojbita milli teċċepixxi l-invalidità tiegħu quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (18).

24.      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi, jekk jiġi ammess li individwu li mingħajr dubju seta’, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jippreżenta rikors għall-annullament ta’ att tal-Unjoni, jista’ jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali, wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-validità tal-istess att, dan ikun ifisser li tali individwu jkun jista’ jevita n-natura definittiva li jkollu tali att fil-konfront tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (19).

25.      L-eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali esposta fil-punt 21 iktar ’il fuq, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD issib għalhekk, ir-raġunament tagħha fir-rekwiżit li tiġi ssalvagwardjata ċ-ċertezza legali billi tevita l-kontestazzjoni indefinittiva tal-atti tal-Unjoni, kif ukoll li tevita l-abbuż tar-rimedji li d-dritt tal-Unjoni jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet fil-kawża (20).

26.      F’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-qasam tad-dazju antidumping tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza TWD huma applikabbli għar-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping, u dan minħabba n-natura dupliċi tagħhom ta’ att normattivi – għaliex huma applikabbli għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati – u ta’ atti li jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment uħud minn dawn l-operaturi ekonomiċi (21).

27.      Għalhekk, fl-ipoteżi li jkun jista’ jitqies li operatur ekonomiku kellu, mingħajr ebda dubju, locus standi u kien għalhekk, mingħajr ebda dubju, ammess, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jitlob l-annullament tar-Regolament li jistabbilixxi dazju antidumping, dak l-operatur huwa pprojbit milli jeċċepixxi l-invalidità ta’ dan ir-regolament quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (22).

28.      F’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala direttament u individwalment ikkonċernati, taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’regolament li jimponi dazju antidumping u għaldaqstant bħala ammessi sabiex jitolbu l-annullament tiegħu quddiem il-qrati tal-Unjoni.

29.      Hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel nett, li jistgħu jkunu direttament u invividwalment ikkonċernati, taħt dik id-dispożizzjoni, b’regolamenti bħal dan dawk fost il-produtturi u l-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom ġew imputati l-prattiki ta’ dumping bl-użu ta’ data relatata mal-attività kummerċjali tagħhom (23).

30.      It-tieni nett, dan jista’ wkoll ikun il-każ għall-importaturi ta’ dan il-prodott li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tagħhom ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-formulazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni u li għalhekk huma kkonċernati mill-konstatazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping (24).

31.      It-tielet nett, dan jista’ wkoll barra minn hekk ikun il-każ għall-importaturi assoċjati ma’ esportaturi tal-prodott inkwistjoni, b’mod partikolari fil-każ li l-prezz għall-esportazzjoni jkun ġie kkalkolat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni pprattikati minn dawn l-importaturi u f’dak li fih id-dazju antidumping innifsu jkun ġie kkalkolat abbażi ta’ dawn il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid (25).

32.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet bħala persuni li jista’ jkollhom locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex iressqu rikors għal annullament kontra regolament li jintroduċi dazju antidumping produtturi, esportaturi u importaturi – assoċjati jew le ma’ produttur-esportatur – tal-prodott ikkonċernat bid-dazju antidumping.

33.      F’dan ir-rigward, ġie osservat li l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita l-individwalizzazzjoni tal-operatur ikkonċernat li tista’ tiġġustifika l-locus standi tiegħu huwa dak li l-prattiki ta’ dumping kienu ġew ikkonstatati abbażi ta’ data mill-attività kummerċjali tiegħu (26).

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, iddeċidiet ripetittivament ukoll li l-għarfien tad-dritt ta’ ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jressqu rikors għal annullament ta’ regolament antidumping ma jistax jipprekludi lil operaturi oħra milli jkunu wkoll individwalment ikkonċernati minn tali regolament, minħabba ċerti karatteristiċi partikolari tagħhom u li jikkaratterizzawhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (27).

35.      Isegwi li, irrispettivament mill-kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi msemmija fil-punti 29 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet li lilhom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet locus standi sabiex jitolbu l-annullament, il-kriterju determinanti sabiex jistabbilixxi locus standi, u b’mod partikolari l-assenjazzjoni individwali, jikkonċerna l-kwistjoni jekk, konformement mal-ġurisprudenza riżultanti mis-sentenza Plaumann (28), ir-regolament antidumping jaffettwax lill-operatur ekonomiku inkwistjoni minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih jew sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwah b’mod analogu għal dik li bih ikun affettwat id-destinatarju tiegħu.

36.      Hekk, pereżempju, fil-kawża Extramet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet locus standi lil importatur indipendenti tal-prodott milqut bid-dazju antidumping li l-prezz tal-bejgħ tiegħu ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni fl-investigazzjoni, imma li kien stabbilixxa l-intier tal-elementi kostituttivi ta’ sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizzah, fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, meta mqabbel ma’ kull operatur ekonomiku ieħor (29).

37.      F’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-importaturi tal-prodott ikkonċernat bil-miżura antidumping, kif jirriżulta rispettivament mill-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi locus standi f’talba għall-annullament fil-qasam antidumping kemm lill-importaturi indipendenti, kif ukoll lill-importaturi assoċjati ma’ produtturi-esportaturi tal-prodott ikkonċernat.

38.      Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-assoċjazzjoni, ġie nnotat li s-sempliċi assoċjazzjoni ta’ importatur ma’ produttur-esportatur ikkonċernat ma hijiex, minnha nnifisha, element suffiċjenti sabiex l-importatur ikun jista’ jiġi kkunsidrat li kien ikkonċernat fit-termini tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (30).

39.      Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq jirriżulta madankollu: l-ewwel nett li l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni bejn importatur u esportatur tal-prodott inkwistjoni hija ċertament element rilevanti għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ locus standi fi ħdan l-importatur sabiex jitlob l-annullament ta’ regolament li jintroduċi dazju antidumping; it-tieni nett, li, għal dan l-għan, madankollu, l-importatur u l-produttur-esportatur għandhom ikunu suffiċjentement marbuta (31); u, it-tielet nett, li huwa rrikonoxxut locus standi fi ħdan importatur assoċjat meta jeżistu elementi oħra li jistgħu jikkaratterizzawh meta mqabbel ma’ kull operatur ekonomiku, bħal, pereżempju, fil-każ fejn id-data kummerċjali tiegħu kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-investigazzjoni.

40.      Hekk, fil-kawża Neotype (32) il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala direttament u individwalment ikkonċernat, skont l-Artikolu 263 TFUE importatur assoċjat li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tiegħu intuża għall-kalkolu tad-dazju antidumping.

41.      Fil-kawża Nachi (33), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet locus standi għall-annullament u għalhekk applikat il-ġurisprudenza TWD, għal importatur assoċjat (li kien jikkostitwixxi sussidjarju tal-produttur tal-prodott inkwistjoni) li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tiegħu kien il-bażi tal-kostruzzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni applikat sabiex jiġi stabbilit il-marġni ta’ dumping li jikkonċerna l-esportatur inkwistjoni.

42.      Fil-kawża TMK (34), min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eżistenza ta’ locus standi, u għalhekk ma applikatx il-ġurisprudenza TWD, għal importatur assoċjat li ma kienx stabbilixxa li huwa kien suffiċjentement marbut mal-impriżi esportatriċi inkwistjoni jew li huwa kien f’sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor.

C.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

43.      Għalhekk, huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-ġurisprudenza esposti fil-kapitolu preċedenti li għandu jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD, Trace Sport għandhiex tiġi kkunsidrata li hija pprojbita milli teċċepixxi l-invalidità tar-Regolament kontenzjuż f’dak li jikkonċerna Kelani Cycles u Creative Cycles fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

44.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huma neċessarji żewġ kummenti ta’ natura preliminari.

45.      Fl-ewwel lok, ninnnota li din il-kawża hija differenti mill-kawżi l-oħra kollha li jissemmew fil-kapitolu preċedenti għaliex hija ma tikkonċernax il-validità ta’ regolament li jistabbilixxi dazju antidumping, imma dik ta’ regolament li jipprovdi estensjoni ta’ dazju bħal dan, li ġie adottat wara investigazzjoni kontra l-evażjoni mwettqa abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

46.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-leġiżlazzjoni kontra l-evażjoni tal-Unjoni, fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, tikkostitwixxi qafas regolamentari li, filwaqt li hija inkwadrata fir-regolamentazzjoni antidumping tal-Unjoni, tgawdi, madankollu, minn partikolarità tagħha (35).

47.      F’dan il-kuntest, minn naħa, inqis li l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-punt 26 iktar ’il fuq, sabiex tapplika l-prinċipji tal-ġurisprudenza TWD għar-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping huma totalment validi wkoll għal regolamenti, bħar-Regolament kontenzjuż, li jestendu d-dazji antidumping.

48.      Fil-fatt, regolamenti bħal dawn għandhom il-konsegwenza li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament inizjali li impona d-dazju antidumping għall-importazzjonijiet ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet minn dawn il-prodotti. Regolament li jestendi dazju antidumping jippreżenta, għalhekk, l-istess effetti legali fir-rigward tal-impriżi suġġetti għad-dazju estiż b’dan il-mod li regolament li jistabbilixxi dazju definittiv fir-rigward tal-impriżi suġġetti għal dan id-dazju (36) u huwa wkoll ikkaratterizzat bin-natura dupliċi msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq.

49.      Min-naħa l-oħra, ninnota, madankollu, li għalkemm il-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 28 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament kontra regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping jistgħu jiġu trasposti għad-determinazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament kontra regolamenti li jestendu dan id-dazju, huwa neċessarju, madankollu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-investigazzjonijiet fil-qasam ta’ evażjoni, taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

50.      Fil-fatt, għalkemm l-investigazzjonijiet kontra l-evażjoni għandhom mingħajr dubju similaritajiet mal-investigazzjonijiet intiżi sabiex jistabbilixxu dazju antidumping, huma kkaratterizzati, madankollu, min-neċessità li jiġu stabbiliti l-erba’ elementi li, skont id-definizzjoni fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jikkostitwixxu l-kunċett ta’ evażjoni (37).

51.      Fit-tieni lok, dejjem preliminarjament, ninnota li ma hemm l-ebda dubju li Kelani Cycles kellha locus standi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tressaq rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra r-Regolament kontenzjuż.

52.      Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-assenjazzjoni diretta tiegħu, għandu jiġi nnotat li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, mingħajr ma jgawdu minn xi marġni ta’ diskrezzjoni, huma obbligati li jiġbru d-dazju antidumping estiż bir-Regolament kontenzjuż għall-importazzjonijiet tar-roti esportati minn Kelani Cycles mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni (38).

53.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-assenjazzjoni individwali, Kelani Cycles ipparteċipat attivament fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni li matulha hija ppreżentat talba għall-eżenzjoni. Barra minn hekk, hija espressament identifikata fil-punti 39 sa 42 tar-Regolament kontenzjuż u hija s-suġġett f’dan ir-regolament ta’ konklużjonijiet abbażi tad-data disponibbli, minħabba l-insuffiċjenza tal-kooperazzjoni tagħha (39).

54.      Issa li ġew esposti dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet preliminari, ninnota li l-Gvern Olandiż, il-Kunsill u l-Kummissjoni jibbażaw l-eċċezzjoni tagħhom ta’ inammissibbiltà tad-domandi preliminari, essenzjalment, fuq żewġ elementi li, skonthom, jistgħu jikkaratterizzaw lil Trace Sport u, minħabba f’hekk, jindividwalizzawha meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor (40).

55.      Din l-individwalizzazzjoni hija bbażata, minn naħa, fuq l-eżistenza ta’ rabtiet stretti bejn Trace Sport u ż-żewġ produtturi-esportaturi Sri Lankjani Kelani Cycles u Creative Cycles u, min-naħa l-oħra, fuq iċ-ċirkustanza li Trace Sport kienet ipprovat tintervjeni insostenn ta’ Kelani Cycles matul il-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

56.      Għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ elementi jistgħux jiġġustifikaw, f’dan il-każ, il-konklużjoni li Trace Sport setgħet mingħajr dubju tippreżenta rikors għal annullament kontra r-Regolament kontenzjuż b’mod li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD, hija kienet ipprojbita milli tipprevalixxi ruħha mill-invalidità ta’ dan ir-regolament quddiem il-qorti nazzjonali.

57.      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ rabtiet stretti bejn Trace Sport, minn naħa, u Kelani Cycles u Creative Cycles, min-naħa l-oħra, mill-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni bejn esportatur u importatur ikkonċernati tikkostitwixxi element rilevanti għall-fini tad-determinazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ importatur sabiex jitlob l-annullament ta’ regolament fil-qasam antidumping.

58.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ regolament bħal dan imqajjma quddiem il-qorti nazzjonali minn importatur assoċjat, hija għandha tipproduċi provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-importatur huwa suffiċjentement marbut mal-impriżi esportatriċi inkwistjoni (41).

59.      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni pproduċiet bħala provi estratti mir-rapport finali tal-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) dwar investigazzjoni fuq l-evażjoni tad-dazji doganali u d-dazji antidumping li jolqtu l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina fl-Unjoni, wara informazzjoni li tistabbilixxi li roti Ċiniżi kienu ddikjarati b’mod falz li joriġinaw mis-Sri Lanka.

60.      Dan ir-rapport jirreferi għal dokumenti maqbuda mill-awtoritajiet doganali Franċiżi mingħand Trace Sport u, b’mod partikolari, għal lista ta’ kumpanniji “offshore” li minnhom jirriżulta li l-proprjetarju ta’ Trace Sport kellu 50 % ta’ kumpannija (li l-kapital l-ieħor tagħha kien miżmum minn żewġ investituri Ċiniżi) li tagħha Creative Cycles kienet sussidjarja. Jirriżulta wkoll minn dawn id-dokumenti li l-istess proprjetarju ta’ Trace Sport kien koproprjetarju, f’50 %, ma’ dawn l-investituri Ċiniżi, ta’ kumpannija oħra, li tagħha Kelani Cycles kienet sussidjarja. Jirriżulta wkoll minn dan ir-rapport tal-OLAF li Kelani Cycles kienet, fil-fatt, ġiet ifformata sabiex tassumi l-attività kollha ta’ Creative Cycles.

61.      Ir-rapport tal-OLAF jindika wkoll li dawn il-kumpanniji kollha, u oħrajn li wkoll jifformaw parti mill-istess grupp, kienu involuti f’operazzjonijiet ta’ fatturi foloz dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ roti ta’ oriġini Ċiniża li taw lok għal frodi kontra d-dazji doganali u d-dazji antidumping.

62.      L-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet stretti bejn Trace Sport, minn naħa, u Kelani Cycles u Creative Cycles, min-naħa l-oħra, hija barra minn hekk ikkonfermata minn ċerti dokumenti li jagħmlu parti mid-dokumenti msejħa “Panama Papers” (42) li tagħhom il-Kummissjoni pproduċiet provi.

63.      Issa l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet kollha, kif ukoll il-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-OLAF bl-ebda mod ma ġew ikkontestati minn Trace Sport, li ma ħassitx neċessarju li tippreżenta osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

64.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li għandu jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni pproduċiet provi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabtiet suffiċjenti skont il-ġurisprudenza bejn, l-importatur inkwistjoni, Trace Sport, u l-impriżi produttriċi-esportatriċi Sri Lankjani, Kelani Cycles u Creative Cycles.

65.      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-element l-ieħor li fuqu l-Gvern Olandiż, il-Kunsill u l-Kummissjoni jibbażaw l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħhom, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li matul il-proċedura ammnistrattiva – li għaliha Kelani Cycles ipparteċipat billi ressqet talba għall-eżenzjoni finalment miċħuda mill-Kummissjoni minħabba l-kooperazzjoni insuffiċjenti tagħha – Trace Sport talbet lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni insostenn ta’ Kelani Cycles.

66.      Jirriżulta, fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju li Trace Sport nnifisha ddikjarat li talbet lill-Kummissjoni seduta sabiex tkun tista’ tippreżeenta preċiżament l-istess argument u tipproduċi preċiżament l-istess dokumenti u provi li kienu diġà ġew ippreżentati preċedentement minn Kelani Cycles bħala osservazzjonijiet supplimentari, wara l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-intenzjoni tagħha li tiċħad it-talba għall-eżenzjoni tagħha. Il-Kummissjoni ċaħdet dawn id-dokumenti u provi għar-raġunijiet esposti fil-premessa 40 tar-Regolament kontenzjuż.

67.      Imma dan l-intervent ta’ Trace Sport insostenn ta’ Kelani Cycles fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni mmexxija mill-Kummissjoni, anki jekk finalment ma rnexxietx minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tirrikunsidra l-analiżi tagħha tal-argumenti u dokumenti inkwistjoni, juri diversi elementi rilevanti għall-analiżi.

68.      L-ewwel nett, juri l-eżistenza ta’ rabtiet tant stretti bejn Trace Sport u Kelani Cycles li tal-ewwel kienet taf bl-investigazzjoni li fiha kienet implikata t-tieni, u din kienet informazzjoni li ma kinitx pubblika.

69.      It-tieni nett, juri l-eżistenza ta’ interessi komuni bejn l-esportatur ikkonċernat u l-importatur assoċjat li wasslet lil dan tal-aħħar sabiex jipprova jintervjeni fl-investigazzjoni li tikkonċerna l-produttur assoċjat sabiex jipprova jissupera r-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti u l-provi li tal-ewwel kien ipprova jipproduċi. L-eżistenza ta’ dawn l-interessi komuni wasslet, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex iż-żewġ operaturi jaġixxu fil-kuntest tal-investigazzjoni bħala entità waħda.

70.      It-tielet nett, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni u d-dokumenti inkwistjoni kienu jikkonċernaw, talinqas parzjalment, lil Trace Sport innifisha. Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mill-premessa 40 tar-Regolament kontenzjuż li wieħed mill-punti inkwistjoni bejn il-Kummissjoni u Kelani Cycles kien jikkonċerna l-kjarifiki dwar il-kumpanniji konnessi, bħal Trace Sport. Min-naħa l-oħra, jekk l-informazzjoni u d-dokumenti li Trace Sport kellha l-intenzjoni li tippreżenta lill-Kummissjoni ma kienux jikkonċernawha, dan ma jispjegax kif Trace Sport setgħet tiġġustifika quddiem il-Kummissjoni l-intervent tagħha sabiex tkun tista’ tressaq dawn l-informazzjoni u dokumenti.

71.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat ukoll li, f’dan il-każ, għalkemm, b’differenza mill-kawżi msemmija fil-punti 29 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ma bbażatx il-konklużjonijiet tagħha fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni sabiex tiddetermina l-estensjoni tad-dazju antidumping fuq id-data ppreżentata mill-produttur u l-importatur assoċjati, dan kien minħabba l-kooperazzjoni insuffiċjenti ta’ Kelani Cycles (u ta’ Trace Sport) fl-investigazzjoni.

72.      Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex nikkunsidra li, fil-verità, Kelani Cycles u Trace Sport aġixxew matul l-investigazzjoni bħallikieku huma kienu jsostnu l-interess ta’ operatur ekonomiku uniku. Min-naħa l-oħra, Creative Cycles ma pparteċipatx fl-investigazzjoni għaliex, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija kienet essenzjalment ġiet issostitwita fl-attivitajiet tagħha minn Kelani Cycles.

73.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jirriżulta li fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ kumpless ta’ elementi li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizza lil Trace Sport fir-rigward tar-Regolament kontenzjuż, meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor u li għalhekk tista’ tindividwalizzawha b’mod analogu għal dak tal-produttur assoċjat Kelani Cycles.

74.      Isegwi minn dan kollu li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, fil-fehma tiegħi, Trace Sport setgħet mingħajr ebda dubju tippreżenta rikors għall-annullament, taħt l-Artikolu 263 TFUE, kontra r-Regolament kontenzjuż u li għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD, hija pprojbita milli tipprevalixxi ruħha minn eventwali invalidità ta’ dan ir-regolament quddiem il-qrati nazzjonali.

75.      F’dan ir-rigward għandi ninnota wkoll li naf, minn naħa, li r-raba paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi kriterji ristrettivi għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament (43) u, min-naħa l-oħra, li, sa fejn il-ġurisprudenza TWD tikkostitwixxi, kif innotajt fil-punti 21 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, hija għandu jkollha portata limitata, b’mod partikolari għall-każijiet biss fejn ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tal-individwu quddiem il-Qorti Ġenerali (44).

76.      Madankollu, f’dan ir-rigward, minn naħa, inqis li r-rikonoxximent ta’ locus standi lil Trace Sport kontra r-Regolament kontenzjuż jidħol, mingħajr ebda dubju, fil-linja tal-ġurisprudenza fil-qasam ta’ ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament fil-qasam tal-antidumping imsemmija fil-punti 31 u 34 sa 42 iktar ’il fuq.

77.      Min-naħa l-oħra, fiċ-ċirkustanzi ferm partikolari ta’ dan il-każ, inqis li jkun kuntrarju għar-raġunament tal-ġurisprudenza TWD, kif indikata fil-put 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk jiġi ammess li importatur assoċjat bħal Trace Sport – li dwaru ġie pprovat li, minn naħa, huwa suffiċjentement marbut mal-esportatur li jkun ipparteċipa fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni li seta’ manifestament iressaq rikors għal annullament kontra l-miżura inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, li huwa kien involut, anki jekk bla suċċess, fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni li tikkonċerna dan il-produttur marbut, billi aġixxa f’din l-investigazzjoni bħallikieku kien jirrapreżenta l-interess ta’ operatur ekonomiku wieħed u uniku – ikun jista’ jeċċepixxi quddiem il-qorti nazzjonali l-invalidità tar-Regolament inkwistjoni, jiġifieri dak li tiġi salvagwarda ċ-ċertezza legali u li jiġu evitati l-abbużi tar-rimedji li d-dritt tal-Unjoni jipprovdi lill-partijiet fil-kawża.

III. Konklużjoni

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lil l-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari li saru mir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Hollande du Nord, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod li ġej:

1)      La s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Marzu 2015, City Cycle Industries vs Il‑Kunsill (T‑413/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:164) u lanqas dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries (Kawżi magħquda C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, EU:C:2017:62), ma jistgħu jaffettwaw il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad‑29 ta’ Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le, sa fejn dan ir-regolament jikkonċerna l-kumpanniji Kelani Cycles (PVT) Ltd u Creative Cycles (PVT) Ltd.

2)      Importatur ta’ dawn ir-roti, bħal Trace Sport, li dwaru, ġie pprovat minn naħa, li huwa suffiċjentement marbut ma’ dawn il-produtturi-esportaturi u, min-naħa l-oħra, li huwa kien involut, anki jekk mingħajr suċċess, fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni li tikkonċerna dawn il-produtturi relatati, billi aġixxa f’din l-investigazzjoni bħallikieku kien jirrapreżenta l-interess ta’ operatur ekonomiku wieħed u uniku, b’mod li huwa seta’ mingħajr ebda dubju jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikseb l-annullament tad-dazju antidumping li jolqot dawn il-prodotti, imma ma eżerċitax dan ir-rikors, ma jistax sussegwentement jinvoka l-invalidità ta’ dan id-dazju antidumping quddiem qorti nazzjonali. F’każ bħal dan, il-qorti nazzjonali hija marbuta bin-natura finali tad-dazju antidumping imposta bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 tat‑3 ta’ Ottubru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 501/2013, estiż għar-roti mibgħuta mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad‑29 ta’ Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU 2013, L 153, p. 1).


3      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, City Cycle Industries vs Il‑Kunsill (T‑413/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:164).


4      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries (C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, EU:C:2017:62).


5      Ara, f’dan is-sens, il-punt 17 ta’ din is-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat f’diversi okkażjonijiet il-prinċipju espress f’din is-sentenza. F’dan ir-rigward, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punti 30 u 37); tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 41); tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 66 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582 punti 14 u 15).


6      Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 875/2012 tal‑25 ta’ Settembru 2012 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU 2012, L 258, p. 21).


7      Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 344, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).


8      Konformement mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Ara l-punti 39 sa 42 tar-Regolament kontenzjuż.


9      Konformement mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku.


10      Ara l-premessi 39 u 42 tar-Regolament kontenzjuż.


11      T‑413/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:164.


12      Din id-dispożizzjoni testendi d-dazju antidumping ta’ 48.5 % għall-importazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u tipprevedi l-ħlas tiegħu fuq l-importazzjonijiet irreġistrati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.


13      C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, EU:C:2017:62.


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101 punt 29), u tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni (C‑122/16 P, EU:C:2017:861 punti 83 u 84). F’dak li jikkonċerna, l-osservanza tat-terminu ta’ rikors bħala rekwiżit ta’ ordni pubbliku, ara l-kunsiderazzjonijeit tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil--konklużjonijiet tiegħu fil-kawża British Airways vs Il‑Kummissjoni (C‑122/16 P, EU:C:2017:406, punti 93 sa 99).


15      Dan il-prinċipju jirriżulta mill-Artikolu 277 TFUE. Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 35) u tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (C‑314/85, EU:C:1987:452, punti 14 u 15). Ara wkoll is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 27 u 30), u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlement u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 95).


17      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 37), b’applikazzjoni tal-punti 24 u 25 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90). Ara, ukoll, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 41); tat‑18 ta’ Settembru 2014, Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 28 u 29), kif ukoll tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 18).


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582 punti 14, 17 u 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 41); tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582 punt 15), b’applikazzjoni tal-punt 18 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90).


20      Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120, punt 36). Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Jacobs kkaratterizza l-ġurisprudenza TWD bħala mmirata kontra l-abbuż ta’ proċedura minn partijiet li setgħu jattakkaw att tal-Unjoni u li fil-fatt ma jkunux għamlu hekk (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2005:655, punt 63)). Fil-fatt, hekk kif innota l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’dawn il-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza TWD ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli f’kull waqt jesprimu d-dubji tagħhom fuq il-validità ta’ att tal-Unjoni, kemm ex officio kif ukoll fuq talba ta’ partijiet oħra (li ovvjament ma jkollhomx locus standi biex jippreżentaw rikors għal annullament).


21      Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, fl-aħħar tal-punt 37); tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 18), kif ukoll tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 58). F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 72)


22      Sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ibid., punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24      Ibid., punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25      Ibid., punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara l-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawżi magħquda Nashua Corporation et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, mhux ippubblikati, EU:C:1989:286, punt 35).


27      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill (C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 16); tat‑18 ta’ Settembru 2014, Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 33), kif ukoll tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 22).


28      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17).


29      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill (C‑358/89, EU:C:1991:214, punti 11 u 17). Dawn l-elementi kienu l-fatt li kien l-importatur l-iktar importanti tal-prodott oġġett tal-miżura antidumping u, fl-istess waqt l-utent finali ta’ dan il-prodott kif ukoll iċ-ċirkustanzi li l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kienu jiddependu fi grad għoli fuq dawn l-importazzjonijiet kienux serjament affettwati bir-regolament inkwistjoni.


30      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawżi magħquda Nashua Corporation et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, mhux ippubblikati, EU:C:1989:286, punti 36 u 37).


31      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 26).


32      Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295, punti 20 u 21).


33      Sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 39). F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 64 u 65).


34      Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 26).


35      Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq iċ-ċirkustanza li din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ibbażata fuq il-kodiċi antidumping tal‑1994 (Ftehim fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali fuq it-tariffi doganali u l-kummerċ (ĠU 1994, L 336, p. 103)) li jidher fl-Anness 1A tal-Ftehim li joħloq l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800KEE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), imma ġiet adottata unilateralment mill-Unjoni. F’dan ir-rigward, ara l-premessa 19 tar-Regolament bażiku u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Maxcom et vs Chin Haur Indonesia (C‑247/15 P, C‑253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2016:712, punt 5).


36      Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Büchel vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑74/97 u T‑75/97, EU:T:2000:215, punt 52).


37      Jirriżulta mid-definizzjoni fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, li, sabiex tkun stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni, għandhom jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet: l-ewwel għandu jkun hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi inkwistjoni u l-Unjoni; it-tieni nett, din l-emenda għandha tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika minbarra l-impożizzjoni tad-dazju; it-tielet nett, għandu jkun hemm il-prova ta’ ħsara, u, ir-raba’ nett, għandu jkun hemm il-prova tal-eżistenza ta’ dumping.


38      Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Büchel vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑74/97 u T‑75/97, EU:T:2000:215, punt 50).


39      Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.


40      L-assenjazzjoni diretta ta’ Trace Sport hija barra mid-diskussjoni għaliex din ġiet direttament assenjata mir-Regolament kontenzjuż għall-istess raġunijiet indikati fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 26).


42      Il-frażi “Panama Papers” tindika numru kbir ħafna ta’ dokumenti kunfidenzjali tal-uffiċju ta’ avukati mill-Panama Mossack Fonseca li ġew żvelati lill-istampa internazzjonali fl‑2015. Id-dokumenti ġew eżaminati fil-kuntest ta’ proġett ta’ investigazzjoni ġurnalistika internazzjonali u, sussegwentement, ukoll mill-awtoritajiet fiskali u ġudizzjarji ta’ pajjiżi differenti. Wara li ġew żvelati l-“Panama Papers”, il-Parlament Ewropew stabbilixxa kummissjoni ta’ inkjesta inkarigata sabiex teżamina l-allegazzjonijiet ta’ ksur u ta’ malamministrazzjoni fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ ħasil tal-flus, ta’ evażjoni fiskali u ta’ frodi fiskali.


43      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 68 u 69).


44      Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120) u fil-punti 70 sa 72 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża A et (C‑158/14, EU:C:2016:734).