Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 minn Unichem Laboratories Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-705/14: Unichem Laboratories vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-166/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Unichem Laboratories Ltd (rappreżentanti: F. Carlin, Barrister, M. Healy, Solicitor, B. Hoorelbeke, advocaat, S. Mobley, Solicitor, H. Sheraton, Solicitor, A. Robertson QC)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata fl-intier tagħha;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha sa fejn tirrigwarda Unichem; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u dawk ta’ Unichem fir-rigward ta’ din il-proċedura u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Unichem tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi:

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi kkonkludiet li l-Kummissjoni għandha ġurisdizzjoni li tindirizza deċiżjoni taħt Artikolu 101(1) TFUE lil Unichem billi:

Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat it-test legali għad-determinazzjoni ta’ entità waħda ekonomika; u

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball li Unichem kienet direttament responsabbli bħala ko-firmatarja tal-ftehim dwar soluzzjonijiet.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi ma applikatx it-test ta’ neċessità oġġettiva f’BAT.

It-tielet nett, fil-każ li ftehimiet dwar soluzzjonijiet jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi kkaratterizzat b’mod żbaljat il-ftehim dwar soluzzjonijiet ta’ Niche bħala ksur ‘minħabba l-għan’.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja d-dmir li tagħti raġunijiet meta caħdet l-interpretazzjoni ta’ Unichem tal-ftehim dwar soluzzjonijiet mingħajr ma indirizzat l-argumenti legali tagħha.

Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi kkonkludiet li Niche u Unichem kienu kompetitur potenzjal ta’ Servier.

Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ttrattat lil Unichem u Niche b’mod differenti għal ġeneriċi f’sitwazzjonijiet simili u kkaratterizzat b’mod żbaljat il-ftehim dwar soluzzjonijiet ta’ Niche bħala ksur ‘minħabba l-għan’ tal-Artikolu 101(1) TFUE.

Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi ma rrikonoxxietx li l-ftehim dwar soluzzjonijiet issodisfa l-kriterji ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE.

It-tmien nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi applikat b’mod żbaljat it-test legali biex jiġi ddeterminat ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Unichem u Niche u/jew il-prinċipju ta’ proċeduri amministrattivi sodi.

____________