Appell ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2019 minn Lupin Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-680/14, Lupin vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-144/19 P P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Lupin Ltd (rappreżentanti: S. Smith, A. White, Solicitors, M. Hoskins QC, V. Wakefield, Barrister)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar id-differenza fit-trattament bejn Lupin u Krka u,

konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima billi tannulla jew tnaqqas il-multa imposta mill-Kummissjoni.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-ftehim bonarju fil-qasam tal-privattivi konkluż bejn Lupin u Servier fit-30 ta’ Jannar 2007 kien jikkostitwixxi restrizzjoni b’għan kif previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, b’mod partikolari għar-raġunijiet segwenti:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-kriterji legali applikabbli għall-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni b’għan, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji legali stabbiliti fil-Kawża C-67/13 P, CB vs Il-Kummissjoni.

Il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-effett fuq il-kompetizzjoni ta’ klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni inklużi fi ftehimiet bonarji kien identiku, indipendentement mill-eżistenza ta’ inċitament.

Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jew ma spjegatx id-distinzjoni bejn il-pagamenti inversi ġġustifikati u inġustifikati, b’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-eżistenza ta’ “inċitament” fir-rigward ta’ kumpannija ġenerika tiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni bl-għan. Il-kisba ta’ “vantaġġ” mill-kumpannija ġenerali lanqas ma tista’ tiġġustifika din il-konstatazzjoni.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-kliem ambigwu ta’ restrizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri prodotti li ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattiva inkwistjoni bejn il-partijiet.

Nuqqas ta’ restrizzjoni b’effett

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motiv invokat minn Lupin, li kien jallega li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat restrizzjoni b’effett, ma kienx rilevanti sa fejn kien jikkonferma l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar restrizzjoni b’għan. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Lupin issostni li, fil-każ li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tinvalida l-konstatazzjoni dwar l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni finali dwar l-appell ta’ Lupin billi tannulla l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjoni b’effett, b’mod partikolari għar-raġunijiet segwenti:

Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt safejn ibbażat ruħha fuq ħlasijiet inversi u/jew inċitament sinjifikanti.

Il-Kummissjoni kellha teżamina l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni b’effett billi tirreferi għat-teorija ta’ restrizzjonijiet aċċessorji u/jew għall-prinċipji stabbiliti fil-Kawża C-309/99, Wouters et u/jew għall-Artikolu 102 TFUE.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-pożizzjoni fis-suq ta’ Servier għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni direttament ittrasponiet il-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-pożizzjoni dominanti msemmija fl-Artikolu 102 TFUE, li ġew annullati (Kawża T-691/14, Servier et vs Il-Kummissjoni).

Multa

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fir-rigward tal-multa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura ġdida tal-allegat ksur.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-gravità u t-tul tal-allegat ksur fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multa.

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-valur tal-applikazzjonijiet għal privattivi ttrasferiti minn Servier lil Lupin fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multa.

Permezz tas-sitt aggravju, li huwa suġġett għas-suċċess tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell fil-kawża T-648/14, Krka vs Il-Kummissjoni, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat li t-trattament ta’ Lupin, mill-Kummissjoni, meta mqabbel ma’ Krka, ma kisirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

____________