Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-11 ta’ Frar 2019 – Donex Shipping and Forwarding B.V. parti oħra: Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-104/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Donex Shipping and Forwarding B.V.

Parti oħra fil-proċedura: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

Ir-Regolament (KE) Nru 91/2009 1 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur stabbilit fl-Unjoni minħabba ksur tal-Artiklu 2(11) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 2 sa fejn il-Kunsill, fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping għall-prodotti kkonċernati ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li ma jikkooperawx, eskluda t-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ ċerti tipi tal-prodott mill-paragun imsemmi f’dan l-artikolu?

Ir-Regolament (KE) Nru 91/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur stabbilit fl-Unjoni minħabba ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 sa fejn, fil-kuntest tal-kalkolu tal-estent tal-marġni ta’ dumping għall-prodotti kkonċernati, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni rrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-paragun tal-valur normali ta’ prodotti ta’ produttur Indjan mal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ prodotti Ċiniżi simili, aġġustamenti marbuta mad-dazji tal-importazzjonijiet fuq materja prima u taxxi indiretti fil-pajjiż ta’ riferiment (jiġifieri l-Indja) u ma’ differenzi fil-produzzjoni (fl-ispejjeż tal-produzzjoni) u/jew sa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, matul l-investigazzjoni, ma pprovdewx lill-produtturi esportaturi Ċiniżi li jikkooperaw (fi żmien xieraq) id-data kollha tal-produttur Indjan fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009 L 29, p. 1).

2     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45).