Appell ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2019 mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-27 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-315/17, Hebberecht vs SEAE

(Kawża C-93/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (rappreżentanti: S. Marquardt, R. Spac, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Chantal Hebberecht

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-315/17;

tiċħad ir-rikors oriġinali bħala infondat;

tikkundanna lill-parti l-oħra għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Skont is-SEAE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat is-sentenza tagħha fuq ksur tal-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u billi qieset li din id-dispożizzjoni tinkludi prinċipju direttament applikabbli għad-deċiżjonijiet individwali adottati mill-istituzzjoni b’applikazzjoni tal-imsemmija Regolamenti (punti 93-94 tas-sentenza kkontestata).

Barra minn hekk, anki jekk jingħad li l-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi obbligu li huwa direttament applikabbli, din id-dispożizzjoni ma setgħetx tapplika fil-każ inkwistjoni minħabba n-natura tad-deċiżjoni kontenzjuża, li kienet tikkonċerna lir-rikorrent biss fil-kapaċità tiegħu ta’ kap ta’ delegazzjoni u li ma kinitx xierqa għall-applikazzjoni ta’ prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

____________