SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Mejju 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli lil klabb tal-futbol professjonali – Soluzzjoni li tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ trasferiment ta’ art inizjalment miftiehem bejn kunsill lokali u klabb tal-futbol – Ammont eċċessiv ta’ kumpens mogħti lil klabb tal-futbol – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq intern – Vantaġġ”

Fil-Kawża T‑791/16,

Real Madrid Club de Fútbol, stabbilit f’Madrid (Spanja), irrappreżentat minn J. Pérez-Bustaamante Köster u F. Löwhagen, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.‑J. Loewenthal, G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2393 tal‑4 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33754 (2013/C) (ex 2013/NN) mogħtija minn Spanja lil Real Madrid CF (ĠU 2016, L 358, p. 3),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑20 ta’ Diċembru 1991, l-Ayuntamiento de Madrid (il-Kunsill Lokali ta’ Madrid, Spanja), il-Gerencia Municipal de Urbanismo ta’ dan il-kunsill lokali (id-Dipartiment tal-Ippjanar Muniċipali) u r-rikorrent, Real Madrid Club de Fútbol, iffirmaw ftehim dwar l-immudellar mill-ġdid tal-istadium Santiago Bernabéu f’Madrid (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1991”).

2        Fid‑29 ta’ Novembru 1996, ir-rikorrent u l-Comunidad autonoma de Madrid (il-Komunità Awtonoma ta’ Madrid) iffirmaw ftehim ta’ tpartit ta’ artijiet (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1996”).

3        Fid‑29 ta’ Mejju 1998, ir-rikorrent u l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ikkonkludew ftehim bl-għan li jeżegwixxu t-tpartit previst mill-Ftehim tal‑1996 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998”). Skont il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, ir-rikorrent kellu jittrasferixxi ċerti artijiet lill-imsemmi kunsill lokali u li, bħala korrispettiv, dan tal-aħħar kellu jittrasferixxi ċerti artijiet lir-rikorrent għal ammont ekwivalenti għall-obbligi tiegħu lejn ir-rikorrent, jiġifieri t-trasferiment ta’ rqajja’ ta’ art ta’ valur ta’ madwar EUR 13.5 miljun. Ġie previst li dan il-kunsill lokali kien ser jittrasferixxi l-irqajja’ ta’ art li jinsabu fiż-żona ta’ Julián Camarillo Sur (l-irqajja’ 33 u 34) u r-roqgħa B‑32 ta’ Las Tablas f’Madrid (iktar ’il quddiem ir-“roqgħa B‑32”). Għall-finijiet ta’ dan it-tpartit, il-valur ta’ din l-aħħar roqgħa ġie stmat mis-servizzi tekniċi tal-istess kunsill lokali għal EUR 595 194.

4        Fid‑29 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent u l-Kunsill Lokali ta’ Madrid iffirmaw ftehim bl-għan li jsolvu tilwima legali bejniethom, dwar il-Ftehim tal‑1991 u t-tpartit ta’ proprjetajiet immobbli li kienu s-suġġett tal-Ftehim tal‑1996 u tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011”). Skont dan il-ftehim, il-partijiet għarfu l-impossibbiltà ġuridika li r-roqgħa B‑32 tiġi ttrasferita, kif kienet attwalment, lir-rikorrent. Billi qies li kien impossibbli li jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, l-imsemmi kunsill lokali ddeċieda li jikkumpensa lir-rikorrent, billi ħallsu ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-imsemmija roqgħa fl‑2011. F’rapport tal‑2011, is-servizzi tekniċi ta’ dan il-Kunsill Lokali ta’ Madrid stmaw li dan il-valur huwa ta’ EUR 22 693 054.44. Il-partijiet qablu li l-kumpens għandu jitħallas billi jiġi ssostitwit it-trasferiment ta’ din ir-roqgħa bit-trasferiment ta’ rqajja’ oħra lir-rikorrent. Dawn l-irqajja’ tal-aħħar ġew identifikati bħala proprjetà ta’ 3 600 m², diversi artijiet b’superfiċji totali ta’ 7 966 m² u żona ta’ 3 035 m², b’valur totali li kien stmat għal EUR 19 972 348.96. Il-partijiet qablu wkoll li jikkumpensaw id-djun reċiproċi tagħhom. Ir-riżultat kien kreditu nett ta’ EUR 8.04 dovut mill-istess kunsill lokali lir-rikorrent.

5        Skont ftehim ta’ żvilupp urban konkluż f’Settembru 2011 bejn il-Kunsill Lokali ta’ Madrid u r-rikorrent, dan tal-aħħar impenja ruħu li jirritorna ċerti proprjetajiet immobbli. Fil-qafas tat-tranżazzjoni, l-imsemmi kunsill lokali u l-Komunità Awtonoma ta’ Madrid emendaw il-pjan għall-użu tal-artijiet ta’ Madrid (iktar ’il quddiem il-“PGOU”).

6        Wara li ġiet informata fl‑2011 dwar l-eżistenza ta’ allegata għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrent mogħtija fil-forma ta’ trasferiment vantaġġuż ta’ proprjetajiet immobbli, il-Kummissjoni Ewropea, fl‑20 ta’ Diċembru 2011, stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-informazzjoni. Fit‑23 ta’ Diċembru 2011 u fl‑20 ta’ Frar 2012 dan l-Istat Membru wieġeb għat-talba tal-Kummissjoni, li ressqet talba ġdida fit‑2 ta’ April 2012, li għaliha huwa wieġeb fit‑18 ta’ Ġunju 2012.

7        B’ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Hija kienet tal-fehma preliminari li l-kumpens mogħti lir-rikorrent mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid skont il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lir-rikorrent fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija stiednet lir-Renju ta’ Spanja u lill-partijiet interessati sabiex jipprovdu informazzjoni rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trasferiment tar-roqgħa B‑32 lir-rikorrent kienx fil-fatt impossibbli skont il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 għall-imsemmi kunsill lokali u jiġu eżaminati l-konsegwenzi possibbli ta’ din l-impossibbiltà taħt il-liġi Spanjola. Hija talbet dettalji dwar il-valur tal-irqajja’ inklużi fil-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 u fil-ftehim ta’ żvilupp urban imsemmi fil-punt 5 hawn fuq. Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura fis‑16 ta’ Jannar 2014.

8        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2393 tal‑4 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33754 (2013/C) (ex 2013/NN) mogħtija minn Spanja lil Real Madrid CF (ĠU 2016, L 358, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li l-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 18 418 054.44 mogħtija illegalment mir-Renju ta’ Spanja lir-rikorrent fid‑29 ta’ Lulju 2011 bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE hija inkompatibbli mas-suq intern.

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li operatur f’ekonomija tas-suq f’sitwazzjoni simili għal dik tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma kienx jikkonkludi l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011. Fl-ewwel lok, hija qieset li, fid-dawl tal-inċertezzi legali eżistenti fl‑2011 dwar jekk l-imsemmi kunsill lokali kienx responsabbli sabiex jagħti kumpens lir-rikorrent għan-nuqqas tiegħu li jittrasferixxi r-roqgħa B‑32 skont il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, operatur f’ekonomija tas-suq fl-istess sitwazzjoni kien jitlob perizja legali qabel ma jikkonkludi l-imsemmi ftehim, sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ kienx fil-fatt responsabbli għal dan in-nuqqas. Il-Kummissjoni ċċarat li dan il-kunsill lokali ma talabx dan it-tip ta’ perizja. Fit-tieni lok, hija qieset li operatur f’ekonomija tas-suq f’sitwazzjoni simili għal dik tal-istess kunsill lokali ma kienx jaċċetta li jħallas lir-rikorrent kumpens ta’ EUR 22 693 054.44 skont dan il-ftehim, peress li dan l-ammont jaqbeż b’mod sinjifikattiv il-livell massimu ta’ responsabbiltà legali li jirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu li jittrasferixxi l-imsemmija roqgħa B‑32.

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-valutazzjoni tal-artijiet imwettqa mis-servizzi tekniċi tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid, dik li kienet f’rapport maħruġ mill-Ministeru tal-Finanzi Spanjol fl‑2011, dik f’rapport ikkomunikat mir-rikorrent u kkummissjonat minn uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli (“ir-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli”) u dik f’rapport ikkummissjonat mill-Kummissjoni minn uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli (“ir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli”). B’mod partikolari, hija qieset li dan ir-rapport tal-aħħar kien jipproponi paragun iddettaljat u bir-reqqa u stima l-valur tar-roqgħa B‑32 fl‑2011 kif ivvalutat f’dan ir-rapport għall-ammont ta’ EUR 4 275 000.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors, fejn talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla, kollha kemm hi, id-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Marzu 2017 u talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

13      Ir-rikorrent ippreżenta r-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ April 2017, u l-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fis‑6 ta’ Ġunju 2017.

14      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet lill-partijiet mistoqsijiet bil-miktub u stednithom iwieġbuhom bil-miktub. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.

15      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2018.

 Id-dritt

 Dwar it-talbiet għal smigħ ta’ xhieda u għall-komunikazzjoni ta’ dokumenti

16      Fir-rikors, ir-rikorrent jagħmel talba sabiex jinstemgħu l-awturi tar-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli, billi jinvoka l-Artikoli 85, 88 u 91(d) tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex jinkisbu l-osservazzjonijiet ta’ dawn il-persuni dwar il-metodu ta’ valutazzjoni tar-roqgħa B‑32 użat mill-Kummissjoni u dwar l-iżbalji li saru, skontu, fir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli. Huwa jagħmel ukoll talba, billi jinvoka l-Artikolu 89(3) tal-imsemmija regoli, sabiex tinkiseb mingħand il-Kummissjoni l-komunikazzjoni ta’ kopja tal-kuntratt konkluż ma’ dan l-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli.

17      Il-Kummissjoni tqis li s-seduta ta’ smigħ mitluba ma hijiex meħtieġa sa fejn spjegat fid-dettall ir-raġunijiet għaliex hija ċaħdet il-valutazzjoni li tinsab fir-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli, li kopja sħiħa tiegħu kienet mehmuża mar-rikors u li tirrifletti bis-sħiħ l-analiżi u l-konklużjonijiet tal-awturi tar-rapport. Fir-rigward tat-talba għal komunikazzjoni ta’ dokument, il-Kummissjoni hemżet mar-risposta tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kuntratt iffirmat mal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli.

18      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrent għal smigħ, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n-neċessità eventwali li tikkompleta l-informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 280 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-Qorti Ġenerali tista’ tesprimi ruħha b’mod utli dwar il-bażi tat-talbiet, tal-motivi u tal-argumenti żviluppati matul il-fażi kemm miktuba kif ukoll orali tal-proċedura u fid-dawl tad-dokumenti prodotti, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għal smigħ ta’ xhud, imressqa mir-rikorrent, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali għandha tiġġustifika b’motivazzjoni speċifika l-evalwazzjoni tagħha għan-nuqqas ta’ bżonn li tfittex provi addizzjonali (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 285 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li kopja tar-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli kienet ipprovduta bħala anness mar-rikors u li dan ir-rapport diġà fih l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex wieħed jifhem l-analiżi u l-konklużjonijiet tal-awturi tiegħu. Barra minn hekk, fil-premessi 47 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenniet l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq il-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport. Fil-premessa 64 tal-imsemmija deċiżjoni, hija indikat ir-riżultati ta’ dan ir-rapport u kif dan huwa distint mill-valutazzjonijiet użati fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998. Fil-premessa 66 ta’ din id-deċiżjoni, hija fakkret il-metodoloġija tar-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli għall-valutazzjoni tar-roqgħa B‑32, kif inhu indikat mir-rikorrent. Fil-premessi 107 u 110 tal-istess deċiżjoni, hija fakkret rispettivament l-istima u l-metodoloġija użati fl-imsemmi rapport. Hija spjegat ukoll fid-dettall għaliex kienet irrifjutat il-valutazzjoni li tinsab fir-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrent għal smigħ ta’ xhieda.

21      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrent għal komunikazzjoni ta’ dokument, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni pprovdiet, bħala anness għar-risposta, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kuntratt iffirmat mal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli. Għalhekk ma għadx hemm il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni dwar l-imsemmija talba.

 Fuq il-mertu

22      Bħala punt preliminari, huwa importanti li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, fl-ewwel lok, li operatur f’ekonomija tas-suq fl-istess sitwazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid kien ifittex perizja legali qabel ma jiffirma l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 u li, fin-nuqqas ta’ tali perizja, l-imsemmi kunsill lokali ma kienx jaċċetta li jinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32.

23      Fit-tieni lok, sabiex tiddetermina l-eżistenza u l-ammont tal-għajnuna mogħtija, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ipoteżi li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid kien inżamm kompletament responsabbli għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32 u eżaminat il-valur ta’ din ir-roqgħa biss, li kien il-bażi tar-rikonoxximent tad-dejn tal-imsemmi kunsill lokali lir-rikorrent skont il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011.

24      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, huwa jsostni li l-Kummissjoni żbaljat fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ favur tiegħu. Fil-kuntest tat-tieni motiv, huwa jgħaqqad il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE ma’ dak tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba sabiex jargumenta li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq perizja mingħajr valur probatorju u billi rrifjutat, mingħajr ġustifikazzjoni, l-istimi l-oħra tar-roqgħa B‑32. Fil-kuntest tat-tielet motiv, huwa jinvoka l-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE ma’ dak tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata fiha kontradizzjonijiet fid-determinazzjoni tal-valur tal-kumpens mogħti lir-rikorrent.

25      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jinvoka tliet ilmenti. Bl-ewwel ilment, huwa jikkritika lill-Kummissjoni talli ssostitwixxiet b’mod żbaljat il-kundizzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq b’test formali ta’ perizja legali esterna. Bit-tieni lment, huwa jsostni li kienet il-Kummissjoni li kellha turi li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma kienx meħtieġ jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tiegħu u li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika b’mod korrett il-livell massimu ta’ responsabbiltà ta’ dan il-kunsill lokali. Bit-tielet ilment, huwa jsostni li l-valur tar-roqgħa B‑32 kif stipulat fil-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 huwa ferm iktar baxx mill-esponiment finanzjarju tal-imsemmi kunsill lokali sabiex dan ikun jista’ jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà tiegħu għan-nuqqas ta’ twettiq tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998.

26      Essenzjalment, bl-ewwel u bit-tieni lmenti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jikkritika d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom ġiet aċċettata b’mod żbaljat ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas li tiġi prodotta perizja esterna li tistabbilixxi din ir-responsabbiltà. Barra minn hekk, bit-tielet ilment tal-ewwel motiv u bit-tieni u bit-tielet motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u l-valutazzjoni tal-ammont tagħha.

27      Il-Qorti Ġenerali qabelxejn ser tanalizza l-ewwel u t-tieni lmenti tal-ewwel motiv, imbagħad, flimkien, it-tielet ilment ta’ dan il-motiv u t-tieni motiv u, fl-aħħar nett, it-tielet motiv.

 Fuq l-ewwel u t-tieni lmenti tal-ewwel motiv

28      Skont ir-rikorrent, minn naħa, il-Kummissjoni ma tistax tissostitwixxi l-kundizzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq b’test formali ta’ perizja legali esterna, li skontu, fl-assenza ta’ tali perizja, l-operatur ipotetiku f’ekonomija tas-suq f’sitwazzjoni simili ma jassumix ir-responsabbiltà legali sħiħa għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali.

29      Il-Kunsill Lokali ta’ Madrid kien irċieva perizja legali mis-servizzi legali tiegħu qabel ma kkonkluda l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, u ma kellu l-ebda obbligu li juża perizja esterna qabel ma kkonkluda l-imsemmi ftehim.

30      Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma kienx obbligat jikkonkludi l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 qabel ma ġie stabbilit tali obbligu minn qorti. B’mod partikolari, huwa jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

31      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li turi li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma kienx obbligat jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod korrett il-livell massimu ta’ responsabbiltà tal-imsemmi kunsill lokali. Fid-dawl ta’ dan, ma hemm l-ebda inċertezza legali dwar ir-responsabbiltà ta’ dan il-kunsill lokali għan-nuqqas ta’ twettiq tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998. Skont il-liġi Spanjola, l-istess kunsill lokali seta’ jaħrab mir-responsabbiltà kollha minħabba li ma kienx ittrasferixxa r-roqgħa B‑32 f’żewġ ipoteżijiet biss, jiġifieri jekk l-imsemmi ftehim ta’ eżekuzzjoni kien null u bla effett minħabba li kien stipula obbligu ta’ trasferiment inizjalment impossibbli jew jekk l-obbligu ta’ trasferiment kien inizjalment validu, iżda, qabel ma sar infurzabbli, inħoloq ostaklu li seta’ jeżonera lill-kunsill lokali inkwistjoni milli jwettaq l-obbligu tiegħu. Issa, il-kundizzjonijiet relatati ma’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

33      F’dan ir-rigward, bħala punt preliminari, għandu jiġi indikat, fl-ewwel lok, li, insostenn tal-ewwel ilment tal-ewwel motiv, ir-rikorrent invoka, fir-replika, argument relatat mal-allegata applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività. Bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrent indika li ma kienx hemm bżonn li dan l-argument jinftiehem bħala motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ selettività, iżda sempliċement bħala espressjoni tal-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku fil-kuntest tal-analiżi tal-kundizzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq. Għalhekk ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-miżura.

34      Fit-tieni lok, kif ġie rrilevat, sabiex tiddetermina f’dan il-każ l-eżistenza ta’ għajnuna u sabiex tivvaluta l-ammont tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ipoteżi li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid kien kompletament responsabbli għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni ma waslitx għal evalwazzjoni differenti minn dik tal-imsemmi kunsill lokali u tar-rikorrent, li, billi kkonkludew il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 bir-rikonoxximent tad-dejn favur ir-rikorrent li jikkorrispondi għall-valur tal-imsemmija roqgħa, qiesu wkoll li dan il-kunsill lokali kellu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa għan-nuqqas ta’ trasferiment ta’ din ir-roqgħa.

35      Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-ewwel u t-tieni lmenti tal-ewwel motiv humiex, fl-aħħar mill-aħħar, ineffettivi, peress li jfittxu li jirriflettu fuq l-eżistenza u l-portata tar-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid li l-Kummissjoni aċċettat bl-istess mod bħalma għamlu dan il-kunsill lokali u r-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni enfasizzat, fid-deċiżjoni kkontestata, li operatur f’ekonomija tas-suq fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-kunsill lokali kien ikollu jfittex perizja legali qabel ma jiffirma l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011.

36      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għal derogi previsti fit-Trattati, sa fejn hija taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, taħt kwalunkwe forma li tista’ toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tkun favur certi impriżi jew ċerti produzzjonijiet, ma hijiex kompatibbli mas-suq intern.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li l-kunċett ta’ “għajnuna” huwa iktar ġenerali minn dak ta’ “sussidju”, għaliex ma jinkludix biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda anki interventi mill-Istat li, f’bosta forom, itaffu r-responsabbiltajiet li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, bla ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, għandhom natura simili u l-istess effetti (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv li jiddependi, b’mod partikolari, minn jekk miżura tal-Istat tagħtix vantaġġ jew le lil impriża waħda jew lil ċerti impriżi.

40      Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna, għandu b’mod partikolari jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ li hija ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 60, u tad‑29 ta’ April 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑342/96, EU:C:1999:210, punt 41; ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il‑Kummissjoni, T‑488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, skont ġurisprudenza li issa saret stabbilita, il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi b’kundizzjonijiet prefenzjali tista’ tikkostitwixxi għanjuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland vs Il‑Kummissjoni, T‑268/08 u T‑281/08, EU:T:2012:90, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      L-implimentazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq jikkonsisti f’paragun bejn l-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi u dak li kien ikollu operatur privat ta’ qies paragunabbli fl-istess ċirkustanzi. Fil-każ li l-Istat fil-fatt sempliċement jaġixxi bħal kwalunkwe operatur privat li jaġixxi fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni, C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma hemm l-ebda vantaġġ marbut mal-intervent mill-Istat, peress li bħala prinċipju l-entità benefiċjarja seta’ jkollha l-istess benefiċċji fil-funzjonament sempliċi tas-suq (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Tisza Erőmű vs Il‑Kummissjoni, T‑468/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:235, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland vs Il‑Kummissjoni, T‑268/08 u T‑281/08, EU:T:2012:90, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent kisibx vantaġġ li kieku ma kienx jikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

43      B’mod iktar speċifiku, u kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 kienx ta vantaġġ ekonomiku lir-rikorrent fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq.

44      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, minn naħa, il-Kummissjoni ssostitwixxiet il-kundizzjoni bbażat fuq il-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq b’test formali ta’ perizja legali esterna u, min-naħa l-oħra, kienx hemm obbligu li l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 jiġi konkluż qabel ma tali obbligu jiġi kkonstatat minn qorti (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), huwa utli li jitfakkar x’sabet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-assenza ta’ perizja legali dwar ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid minħabba n-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32.

45      Fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-inċertezzi legali eżistenti fl‑2011 dwar jekk il-Kunsill Lokali ta’ Madrid kienx responsabbli sabiex jikkumpensa lir-rikorrent għan-nuqqas tiegħu li jittrasferixxi r-roqgħa B‑32, operatur f’ekonomija tas-suq fl-istess sitwazzjoni tal-imsemmi kunsill lokali kien ifittex perizja legali qabel ma jiffirma l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, u enfasizzat li dan il-kunsill lokali ma kienx fittex tali perizja. Il-Kummissjoni żiedet tgħid, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija staqsiet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jipprovdiha “bi kwalunkwe parir legali li talab [l-istess kunsill lokali] qabel ma kkonkluda [l-imsemmi ftehim ta’ riżoluzzjoni]”. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li r-Renju ta’ Spanja kien ikkonferma l-assenza ta’ “parir estern ta’ dan it-tip”.

46      Għalhekk, minbarra fl-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna fejn il-Kummissjoni espressament tirreferi għal parir “estern”, minn premessi differenti kkonċernati tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-premessi 93, 94, 105 u 108, jirriżulta li ma huwiex speċifikat x’qieset il-Kummissjoni fir-rigward ta’ perizja legali u li lanqas ma huwa indikat li hija tikkritika l-assenza ta’ perizja mogħtija minn korp indipendenti.

47      Meta ġiet mistoqsija matul is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li, kieku kienet irċeviet xi rapport ta’ perizja ieħor, hija kienet tieħdu inkunsiderazzjoni.

48      Barra minn hekk, mid-dokumenti kkomunikati mill-partijiet matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, kif ukoll mit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet li saru matul is-seduta, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet fil-fatt staqsiet lir-Renju ta’ Spanja, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑2 ta’ Marzu 2016, matul il-proċedura amministrattiva, jekk il-Kunsill Lokali ta’ Madrid kienx fittex parir legali indipendenti dwar l-obbligi tiegħu u d-diversi għażliet miftuħa għalih.

49      Issa, kien ir-Renju ta’ Spanja li indika, fil-messaġġ elettroniku tiegħu tad‑9 ta’ Marzu 2016, li, jekk, b’parir legali indipendenti, kellu jinftiehem perizja esterna, l-awtoritajiet kompetenti kienu indikaw li ma kienet saret l-ebda konsultazzjoni ta’ dan it-tip.

50      L-ebda dokument ma ġie prodott li jistabbilixxi kwalunkwe tweġiba min-naħa tal-Kummissjoni għal dan il-messaġġ elettroniku li ppreċiża li l-parir legali indipendenti ma jfissirx biss perizja esterna.

51      Madankollu, kif essenzjalment tfakkar il-Kummissjoni, l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat teħtieġ li tiġi stabbilita, b’mod mhux ekwivoku u abbażi ta’ fatturi oġġettivi u verifikabbli, evalwazzjoni paragunabbli għal dik li operatur privat kien ikollu aċċess għaliha qabel jew fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 81 sa 83, u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 57 u 58).

52      Sabiex iwieġeb għat-talba tal-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja seta’ jserraħ fuq kwalunkwe analiżi legali li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid seta’ jwettaq fiċ-ċirkustanzi indikati fil-punt 51 hawn fuq.

53      F’dan il-każ, waqt is-seduta r-rikorrent argumenta li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid kien irċieva żewġ rapporti ta’ perizja teknika mis-servizzi muniċipali tiegħu stess qabel il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011. Il-prova ta’ perizja hija pprovduta billi tinqara l-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmi ftehim, li tirriproduċi l-konklużjonijiet tal-imsemmi kunsill lokali dwar dan il-punt.

54      Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li la matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rapporti ta’ perizja tas-servizzi muniċipali allegatament rċevuti mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma ġew ikkomunikati. Minkejja l-bosta kuntatti li setgħu saru bejn ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, iżda wkoll il-possibbiltajiet offruti lill-imsemmi kunsill lokali sabiex jipparteċipa f’din il-proċedura, l-ebda analiżi legali tar-responsabbiltà ta’ dan il-kunsill lokali fir-rigward tan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32 ma ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni.

55      Min-naħa l-oħra, għalkemm l-espożizzjoni tal-motivi tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 tinkludi xi indikazzjonijiet ta’ natura fattwali dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għar-roqgħa B‑32 u l-obbligu li din ir-roqgħa tiġi ttrasferita lill-Kunsill Lokali ta’ Madrid, tali espożizzjoni ma tistax titqies bħala analiżi legali xierqa tal-kawżi li jwasslu għar-rikonoxximent tar-responsabbiltà ta’ dan il-kunsill lokali għan-nuqqas ta’ trasferiment tal-imsemmija roqgħa. B’mod partikolari, ma ġiex speċifikat fid-dettall kif il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-istess roqgħa evolviet mill-Ftehim tal‑1991 sal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011. Lanqas ma ġie analizzat min ikun responsabbli, u għal liema raġunijiet, għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa inkwistjoni. Kuntrarjament, huwa biss ikkonstatat, kif tinnota l-Kummissjoni, li t-trasferiment tar-roqgħa kkonċernata ma kienx possibbli u huwa enfasizzat li l-partijiet huma lesti li jilħqu ftehim f’kuntest fejn ir-responsabbiltajiet ta’ kull wieħed minnhom ma kinux ċari.

56      Fir-rigward tal-kontestazzjoni tar-rikorrent dwar l-allegat argument tal-Kummissjoni li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma kellu l-ebda obbligu li jikkonkludi l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 qabel ma tali obbligu ġie kkonstatat minn qorti, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li tali kontestazzjoni hija nieqsa minn bażi fattwali, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fl-ebda stadju ma qieset li l-obbligu li l-imsemmi ftehim ta’ riżoluzzjoni jiġi konkluż kellu jkun ir-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ qorti.

57      Huwa importanti li jingħad ukoll li, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457), li fiha l-awtoritajiet nazzjonali kienu ordnati jagħmlu tajjeb għad-dannu li rriżulta minn illegalità kkonstatata minn deċiżjoni ta’ qorti, ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid f’din il-kawża ma ġietx ikkonstatata b’mod ġudizzjarju u l-kumpens mogħti lir-rikorrent jirriżulta mill-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 li huwa intiż sabiex tintemm tilwima bejn il-partijiet u li skontu l-imsemmi kunsill lokali biss kien responsabbli għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32.

58      Il-Kummissjoni ma żbaljatx meta kkonkludiet, fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li operatur prudenti f’ekonomija tas-suq iffaċċjat b’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ kien jitlob perizja legali qabel ma jiffirma l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 u jaċċetta r-responsabbiltà ġuridika kollha għall-impossibbiltà li r-roqgħa B‑32 tiġi ttrasferita skont il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998.

59      Konklużjoni bħal din hija iktar iġġustifikata fid-dawl tal-kuntest ġuridiku applikabbli għar-roqgħa B‑32 mid-data tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 sa dik tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 u b’kunsiderazzjoni tal-kompetenzi kondiviżi fir-rigward tal-ippjanar urban tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid u tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid kif ukoll l-għarfien ta’ dan il-kuntest ġuridiku tar-rikorrent.

60      F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi ppreċiżat li mill-annessi tal-proċess jirriżulta li, sa mill-Ftehim tal‑1996 sal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, il-qafas ġuridiku applikabbli għar-roqgħa B‑32 ma ffaċilitax it-trasferiment ta’ din tal-aħħar.

61      Skont il-fatti stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex ikkontestati, meta r-rikorrent u l-Komunità Awtonoma ta’ Madrid iffirmaw il-Ftehim tal‑1996, l-irqajja’ u d-drittijiet li kellhom jiġu ttrasferiti kellhom jiġu ddeterminati fi stadju sussegwenti u l-partijiet iffissaw l-ammont tat-tranżazzjoni għal EUR 27 miljun. Meta ġie ffirmat il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, ġie miftiehem, inter alia, it-trasferiment tar-roqgħa B‑32 lir-rikorrent, u l-valur ta’ din ir-roqgħa ġie stmat mis-servizzi tekniċi tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid għal EUR 595 194. Kien ġie meqjus il-fatt li kien twettaq biss l-ippjanar urban taż-żona li fiha kienet tinsab ir-roqgħa, iżda mhux l-urbanizzazzjoni tagħha, u l-fatt li l-ebda kostruzzjoni ma kienet inbdiet.

62      Skont fatti stabbiliti wkoll fid-deċiżjoni kkontestata u li lanqas ma huma kkontestati, fis-sena 1998, ir-roqgħa B‑32 ma ġietx ittrasferita mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid lir-rikorrent, minħabba li dan il-kunsill lokali ma kienx għad kellu titolu legali tagħha. Fil-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, kien previst li t-trasferiment kien ser isir effettiv sebat ijiem wara r-reġistrazzjoni ta’ din ir-roqgħa fir-reġistru ta’ proprjetà f’isem l-imsemmi kunsill lokali. Fit‑28 ta’ Lulju 2000, dan tal-aħħar sar il-proprjetarju tal-imsemmija roqgħa, iżda din ġiet irreġistrata biss fil‑11 ta’ Frar 2003. L-istess roqgħa ma ġietx ittrasferita. Skont il-pjan ta’ żvilupp urban lokali tat‑28 ta’ Lulju 1995, din ġiet ikklassifikata għal użu sportiv bażiku u ġiet inkluża fil-PGOU, li ġie approvat fis‑17 ta’ April 1997 minn dan il-kunsill lokali u mill-Komunità Awtonoma ta’ Madrid.

63      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Ley 9/2001, de 17 de julio 2001, del Suelo de la Comunidad de Madrid (il-Liġi 9/2001 tas‑17 ta’ Lulju 2001 dwar l-Art tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid), l-irqajja’, il-faċilitajiet, il-kostruzzjonijiet u l-binjiet kollha jridu jintużaw skont il-kwalifika, il-klassifikazzjoni jew l-istatus ġuridiku urban tagħhom u, skont l-Artikolu 7.7.2(a) tal-PGOU, l-irqajja’ b’deżinjazzjoni għal “użu sportiv” huma rqajja’ ta’ proprjetà pubblika. L-imsemmija liġi kienet fis-seħħ meta l-Kunsill Lokali ta’ Madrid kien ġie rreġistrat bħala l-proprjetarju tar-roqgħa B‑32 fl‑2003. L-istess liġi tinkludi obbligu għall-artijiet ikklassifikati għal użu sportiv bażiku li jkunu proprjetà pubblika u kwalunkwe trasferiment għandu jiġi rrifjutat peress li n-natura pubblika tar-roqgħa tipprojbixxi t-trasferiment tagħha.

64      Ir-rikorrent ma jikkontestax li, fi żmien il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, ir-roqgħa B‑32 kienet, skont il-PGOU, ikklassifikata għal użu sportiv bażiku. Lanqas ma huwa kkontestat li, fl‑2003, meta l-Kunsill Lokali ta’ Madrid kellu jeżegwixxi l-obbligu ta’ trasferiment tiegħu, din ir-roqgħa kienet f’art pubblika muniċipali u kienet inaljenabbli.

65      Huwa importanti li wieħed jinnota li r-rikorrent kien għalhekk konxju, fid-data tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma kienx il-proprjetarju tar-roqgħa B‑32, li din tal-aħħar kienet taqa’ taħt kategorija partikolari, jiġifieri dik għal użu sportiv bażiku, u li tal-inqas kien meħtieġ li l-imsemmi kunsill lokali jakkwistaha u li din ir-roqgħa tiġi rreġistrata fir-reġistru qabel ma seta’ jitqies it-trasferiment tagħha lir-rikorrent.

66      Ir-rikorrent lanqas ma kkontesta li huwa skont l-Artikolu 7.7.2(a) tal-PGOU, li ġie approvat fis‑17 ta’ April 1997 u għalhekk applikabbli fid-data tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, li l-irqajja’ li jaqgħu fil-kategorija għal “użu sportiv bażiku” kienu rqajja’ ta’ proprjetà pubblika. Billi kkonkluda l-imsemmi ftehim ta’ eżekuzzjoni, huwa għalhekk kien jaf li, qabel it-trasferiment lilu tar-roqgħa B‑32, kien meħtieġ li dik ir-roqgħa ma tibqax ikklassifikata sabiex tkun tista’ tiġi ttrasferita, peress li l-irqajja’ ta’ proprjetà pubblika ma jistgħux, bħala tali, taħt il-liġi Spanjola, jiġu ttrasferiti.

67      Mid-deċiżjoni kkontestata u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-PGOU huwa dokument li ma jaqax taħt il-kompetenza unika tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid, iżda wkoll taħt dik tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid. L-imsemmi kunsill lokali ma jistax jibdel il-PGOU motu proprio, iżda jrid jipproponi din il-bidla lill-imsemmija komunità awtonoma.

68      Għandu jingħad ukoll li l-qafas legali applikabbli għar-roqgħa B‑32 inbidel bejn id-data tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 u d-data tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011. Il-Liġi 9/2001 tas‑17 ta’ Lulju 2001 dwar l-Art tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid stipulat li l-irqajja’, il-faċilitajiet, il-kostruzzjonijiet u l-binjiet kollha jridu jintużaw skont il-kwalifika, il-klassifikazzjoni jew l-istatus ġuridiku urban tagħhom.

69      Il-partijiet jaqblu li, għalkemm l-irqajja’ li jappartjenu għall-kategorija għal “użu sportiv bażiku” kienu diġà rqajja’ ta’ proprjetà pubblika skont l-Artikolu 7.7.2(a) tal-PGOU, il-Liġi 9/2001 tas‑17 ta’ Lulju 2001 dwar l-Art tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid għamlitha saħansitra iktar diffiċli li r-roqgħa B‑32 tiġi ttrasferita.

70      Għandu jingħad ukoll li sa fejn la r-Renju ta’ Spanja, la l-Kunsill Lokali ta’ Madrid u lanqas ir-rikorrent ma bagħtu lill-Kummissjoni analiżi legali ddettaljata tar-responsabbiltà ta’ dan il-kunsill lokali għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32, ma kienx obbligu tal-Kummissjoni li twettaq dik l-analiżi hija stess u li twettaq evalwazzjoni globali b’teħid inkunsiderazzjoni, minbarra tal-fatturi pprovduti, ta’ kwalunkwe fattur ieħor rilevanti għall-każ ineżami li jippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni taqax taħt il-kwalità ta’ operatur f’ekonomija tas-suq jew taħt dik ta’ awtorità pubblika tar-Renju ta’ Spanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 86, u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 60). Il-Kummissjoni ma tistax iġġarrab l-oneru tal-prova sabiex jintwera li l-imsemmi kunsill lokali ma kienx obbligat li jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tiegħu u sabiex jiġi ddeterminat il-livell massimu ta’ responsabbiltà tal-istess kunsill lokali.

71      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel u t-tieni lmenti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet ilment tal-ewwel motiv u t-tieni motiv

72      Bit-tielet ilment tal-ewwel motiv u bit-tieni motiv, ir-rikorrent essenzjalment jikkontesta l-valutazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ u, b’mod partikolari, il-valur tar-roqgħa B‑32 kif adottat mill-Kummissjoni.

73      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma setax jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà tiegħu għan-nuqqas ta’ twettiq tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 u li l-esponiment finanzjarju ta’ dan il-kunsill lokali ma kienx ekwivalenti għall-prezz tar-roqgħa B‑32 għall-imsemmi kunsill lokali. Il-valur tas-suq tal-imsemmija roqgħa, kif imwiegħed lir-rikorrent, huwa l-valur tad-dritt li wieħed isir proprjetarju sħiħ ta’ din ir-roqgħa, mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid tagħha.

74      Il-livell massimu ta’ esponiment finanzjarju tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid f’każ ta’ tilwima mar-rikorrent u jekk dan ikun legalment responsabbli għan-nuqqas ta’ twettiq tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 huwa ta’ bejn EUR 33 miljun u EUR 240 miljun, skont l-istimi tar-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli. Fi kwalunkwe każ, l-esponiment finanzjarju huwa ogħla minn EUR 4 275 000. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma kkontestatx li kien ikun possibbli li tinbidel l-assenjazzjoni tar-roqgħa B‑32 sabiex din issir trasferibbli.

75      Ir-rikorrent iżid jgħid li l-esponiment finanzjarju tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid, anki fl-ipoteżi fejn dan ma jinżammx responsabbli għal nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt (f’każ ta’ impossibbiltà inizjali jew ta’ impossibbiltà sussegwenti ta’ trasferiment b’effett ta’ ħelsien mill-obbligi), ma jkunx żero iżda jkun ferm ogħla mill-valur tar-roqgħa B‑32. Il-livell massimu tal-esponiment finanzjarju tal-imsemmi kunsill lokali jikkorrispondi għal EUR 40 miljun jekk il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 jiġi meqjus bħala null, jew għal EUR 33 miljun, jekk dan il-ftehim ta’ eżekuzzjoni jiġi deċiż bħala xolt minħabba impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni fi stadju sussegwenti.

76      Ir-rikorrent iżid jgħid li l-Kummissjoni ħadet stima manifestament żbaljata tal-valur tas-suq tar-roqgħa B‑32 u bbaża ruħu fuq tliet stimi oħra li jattribwixxu valur għal din ir-roqgħa li jvarja bejn EUR 22 miljun u EUR 25 miljun.

77      Wara li fakkar id-diversi xenarji li jinsabu fir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli, jiġifieri x-xenarji SE‑00, SE‑01, SE‑02 u SE‑03, ir-rikorrent isostni li x-xenarju SE‑03, li r-roqgħa B‑32 hija s-suġġett ta’ dritt ta’ użu, b’valur ta’ EUR 4 275 000, li jippermetti 30 sena ta’ sfruttament għal użu sportiv, ma għandu l-ebda valur probatorju.

78      Ix-xenarju SE‑03 ma jippermettix li jiġi ddeterminat il-valur tas-suq tar-roqgħa B‑32, iżda valur ta’ investiment biss.

79      Barra minn hekk, l-istima tal-valur tas-suq imwettqa mill-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli hija vvizzjata minn żbalji metodoloġiċi ovvji. Minn naħa waħda, kien hemm teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ dritt ta’ użu, li ġie vvalutat b’mod mhux korrett. L-istima ma hijiex skont ir-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tad-drittijiet ta’ użu previsti fl-Orden Ministerial ECO/805/2003, de 27 de marzo, sobre normas de valoración de bienes inmuebles y de determinados derechos para ciertas finalidades financieras (l-Ordni ECO/805/2003 tas‑27 ta’ Marzu 2003 dwar ir-regoli ta’ valutazzjoni tal-proprjetajiet immobbli u ta’ ċerti drittijiet għal skopijiet finanzjarji). Skont l-istimi prodotti mir-rikorrent, il-valur tad-dritt ta’ użu kien ivarja bejn EUR 23 miljun u EUR 24 miljun, skont it-tul ta’ żmien tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-proġett ta’ investiment inkluż fir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli ma josservax il-kriterju ta’ użu massimu u ottimali u ma huwiex xieraq sabiex jimmassimizza l-valur tar-roqgħa B‑32.

80      Ir-rilevanza tal-valutazzjonijiet l-oħra disponibbli flimkien ma’ dik tar-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli ma ġietx suffiċjentement ikkonfutata.

81      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

82      Bħala punt preliminari, għandu jiġi indikat li, skont ir-rikorrent, l-esponiment finanzjarju tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid bħala riżultat tan-nuqqas ta’ twettiq tal-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 kien, fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn jekk il-Kunsill Lokali ta’ Madrid kienx responsabbli għal dan in-nuqqas ta’ twettiq, jaqbeż il-valur tas-suq tar-roqgħa B‑32. Għalhekk, lanqas ma huwa meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar dan il-valur.

83      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar, minn naħa, li l-Kunsill Lokali ta’ Madrid ma pprovax li kien fittex perizja legali qabel il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 sabiex jikkjarifika min kien responsabbli, skont il-liġi Spanjola, għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmi ftehim ta’ riżoluzzjoni, kienu r-rikorrent u l-imsemmi kunsill lokali li bbażaw ruħhom fuq il-valur tal-imsemmija roqgħa, stmat mis-servizzi tekniċi ta’ dan il-kunsill lokali, sabiex jiġi kkumpensat ir-rikorrent minħabba li ma kienx possibbli li tiġi ttrasferita lilu din ir-roqgħa skont il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998.

84      F’dawk iċ-ċirkustanzi, minkejja l-konklużjoni tal-Kummissjoni setgħet waslet għaliha preliminarjament, li operatur prudenti f’ekonomija tas-suq, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal f’dan il-każ, ma kienx jiffirma l-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 mingħajr perizja legali, l-imsemmija istituzzjoni ma tistax tiġi kkritikata, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ u tal-ammont tiegħu, li kienet interessata fil-valur tar-roqgħa B‑32 wara li aċċettat il-premessa dwar ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid.

85      Fid-dawl ta’ dan, huwa utli li jitfakkar li l-aġir ta’ investitur privat, li għandu jiġi mqabbel ma’ dak ta’ investitur pubbliku, ma huwiex neċessarjament dak ta’ investitur ordinarju li jalloka l-kapital bil-ħsieb li jikseb profitt fi żmien relattivament qasir. Dan l-aġir għandu, tal-inqas, ikun dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, u jkun iggwidat minn perspettivi ta’ profittabilità fuq perijodu itwal (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑305/89, EU:C:1991:142, punt 20).

86      F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat ma tfittixx li jiġi ddeterminat x’tista’ tkun il-profittabilità massima miksuba minn investitur f’settur partikolari jew fl-ekonomija sħiħa, iżda li jiġi ddeterminat jekk investitur privat komparabbli kienx ikun jista’ jagħmel l-investiment ikkonċernat fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Għalhekk, il-kwistjoni hija jekk l-investiment ikkonċernat ikunx riżultat ta’ ċerta razzjonalità ekonomika, tal-inqas fuq terminu twil (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punt 42).

87      Skont din il-ġurisprudenza, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-intenzjoni inizjali tal-partijiet fil-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 iżda wkoll tal-leġiżlazzjoni applikabbli għar-roqgħa B‑32, fil-mument meta ġie konkluż l-imsemmi ftehim ta’ eżekuzzjoni kif ukoll meta ġie konkluż il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, huwiex raġonevoli li wieħed jassumi li operatur f’ekonomija tas-suq kien jaċċetta li jkopri l-kumpens kollu għan-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa inkwistjoni, li kien stmat għall-valur tal-imsemmija roqgħa, jiġifieri fl-ammont ta’ EUR 22 690 000.

88      Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-ġurisprudenza, għalkemm dan l-istħarriġ huwa bħala prinċipju stħarriġ sħiħ dwar jekk miżura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali stħarriġ ġudizzjarju huwa limitat meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2015, Hammar Nordic Plugg vs Il‑Kummissjoni, T‑253/12, EU:T:2015:811, punt 30 (mhux ippubblikata)).

89      L-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66).

90      Diġà ġie deċiż li, sabiex tivverifika jekk il-bejgħ ta’ art minn awtorità pubblika lil persuna privata jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid tapplika l-kriterju ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju preżunt tal-għajnuna, jikkorrispondix għall-prezz li investitur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, seta’ jiffissa. Inġenerali, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika min-naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68).

91      Huwa importanti li jiġi miżjud li, peress li r-roqgħa B‑32 ma ġietx ittrasferita, ġie previst kumpens, li l-valutazzjoni tiegħu kienet ikkaratterizzata mill-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti mhux ikkundizzjonata. Dan il-fatt jista’ wkoll irendi l-kompitu tal-Kummissjoni kumpless (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 70).

92      Żball manifest biss fid-determinazzjoni tal-valur tar-roqgħa B‑32 huwa għalhekk kapaċi li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2015, Hammar Nordic Plugg vs Il‑Kummissjoni, T‑253/12, EU:T:2015:811, punt 34 (mhux ippubblikata)).

93      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata u mill-informazzjoni l-oħra fil-proċess jirriżulta li d-diversi stimi li saru sabiex jiġi ddeterminat il-valur tar-roqgħa B‑32 ivarjaw ħafna.

94      Għall-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998, il-valur preżunt tar-roqgħa B‑32 ġie vvalutat minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ippjanar Muniċipali għal ammont ta’ EUR 595 194. Huwa indikat li din il-valutazzjoni saret “bl-użu tal-metodoloġija għall-valutazzjoni stabbilita fid-dritt Spanjol”, mingħajr iktar dettalji.

95      Għall-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, is-servizzi tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid ibbażaw ruħhom fuq il-valur katastali li, skont ir-rikorrent, qies fatturi bħall-valur tal-art, il-valur tal-kostruzzjoni, il-post u s-suq inkwistjoni. Fir-rapport ippubblikat fis‑27 ta’ Lulju 2011, l-imsemmija servizzi vvalutaw il-valur tar-roqgħa B‑32 għal EUR 22 693 054.44. Id-dettall tal-valutazzjoni huwa stabbilit fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata u ma ġiex ikkontestat mill-partijiet. Huwa dan il-valur li nżamm fil-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011.

96      Wara l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, l-uffiċjali tal-Katast tal-Artijiet ta’ Spanja, li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Spanjol, aġġornaw il-valur tar-roqgħa B‑32 u stmawh bħala mhux inqas minn EUR 25 776 296. Skont ir-rikorrent, dan it-tip ta’ aġġornament iservi sabiex iressaq il-valur katastali eqreb dak tas-suq, mingħajr ma jinqabeż dan tal-aħħar. Il-valur katastali jkun ibbażat, pereżempju, fuq informazzjoni dwar tranżazzjonijiet tas-suq reali. L-imsemmija uffiċjali huma indipendenti minn dawk tal-Kunsill Lokali ta’ Madrid.

97      Ir-rikorrent ikkummissjona u pproduċa r-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli fejn il-valur tas-suq tar-roqgħa B‑32 fl‑1998 kien ivvalutat għal EUR 574 000, li għalhekk ma huwiex wisq differenti mill-valur stabbilit għall-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998. Fl-istess rapport, il-valur tas-suq tal-istess roqgħa fl‑2011 kien ivvalutat għal EUR 22 690 000, li jikkorrispondi wkoll bejn wieħed u ieħor għall-valur stabbilit fil-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011. Ir-rikorrent jiddikjara li r-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli uża l-metodu ta’ valutazzjoni ta’ statika residwa, bil-preżunzjoni tal-bejgħ tad-diversi unitajiet ftit wara l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura sportiva fuq l-art ikkonċernata. Dan qies it-trasferiment tas-sjieda sħiħa mingħajr restrizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid u fir-rigward tal-għan tal-imsemmi ftehim ta’ riżoluzzjoni sabiex jipprovdi kumpens.

98      Fir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli, ikkummissjonat mill-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar ġew previsti erba’ xenarji: ix-xenarju SE‑00, li l-art hija proprjetà pubblika u ma għandha l-ebda valur fis-suq, iżda prezz tal-kost ta’ EUR 3 930 000 biss; ix-xenarju SE‑01, li l-art hija maħsuba għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali u hija vvalutata għal EUR 18 000 000; ix-xenarju SE‑02, li l-valur tas-suq tal-art jikkorrispondi għal 10 % tal-valur fis-settur, jiġifieri EUR 12 245 000; ix-xenarju SE‑03, li skontu r-roqgħa B‑32 ma tistax tiġi ttrasferita, iżda tista’ tkun is-suġġett biss ta’ dritt ta’ użu, li jippermetti l-użu sportiv għal 30 sena, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe bejgħ mill-ġdid sussegwenti, li jwassal għal valur ta’ EUR 4 275 000.

99      F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li hija kienet għażlet il-valur kif irriżulta mix-xenarju SE‑03 fir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli, filwaqt li qieset l-assenjazzjoni ta’ ppjanar urban tal-art li tiddetermina l-użu tagħha u li teskludi l-bejgħ mill-ġdid tagħha.

100    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta għażlet il-valur li jirriżulta minn tali xenarju u li ġie vvalutat billi ttieħed inkunsiderazzjoni d-dritt ta’ użu tar-roqgħa B‑32.

101    Fil-fatt, ma ġiex ikkontestat li l-valur tar-roqgħa B‑32 kellu jiġi vvalutat fid-data tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011. Din id-data fil-fatt tikkorrispondi għad-data tat-tpaċija u tal-kumpens kif deċiż fl-imsemmi ftehim ta’ riżoluzzjoni u li wasslu għall-proċedura preżenti.

102    Issa, kif jirriżulta mill-qafas ġuridiku applikabbli għar-roqgħa B‑32, f’dik id-data, tali roqgħa kienet parti minn art pubblika u ma setgħetx tiġi ttrasferita, jiġifieri dritt ta’ użu biss seta’ jingħata.

103    Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li kieku kien hemm talba għal kumpens lill-Kunsill Lokali ta’ Madrid, il-valur tar-roqgħa B‑32 kien ikollu jikkorrispondi għall-valur li kellha għal dan il-kunsill lokali, u għalhekk għad-dritt ta’ użu ta’ din ir-roqgħa u mhux għall-valur ipotetiku li kien ikolli li kieku din kienet trasferibbli.

104    Sussegwentement, fir-rigward tad-dritt ta’ użu, ir-rikorrent sostna li dan id-dritt ma kienx ġie vvalutat b’mod korrett u li l-istima tiegħu ma kinitx konformi mar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tad-drittijiet ta’ użu fi Spanja.

105    Issa, dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi adottat ix-xenarju SE‑03 fir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli.

106    Fil-fatt, ix-xenarji l-oħra fir-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli kif ukoll l-istimi l-oħra li uża r-rikorrent huma ħafna iktar imbiegħda miċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li ma humiex ibbażati fuq l-ipoteżi ta’ stima ta’ dritt ta’ użu ta’ roqgħa li tagħmel parti minn art pubblika, iżda fuq il-valur ta’ proprjetà li tista’ tinbiegħ b’sjieda sħiħa.

107    Fix-xenarju SE‑03 tar-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli, il-Kummissjoni kellha l-unika ipoteżi li tistma d-dritt ta’ użu tar-roqgħa B‑32.

108    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Kummissjoni bbażat ruħa fuq l-ipoteżi żbaljata li d-dritt ta’ użu ma setax jinbiegħ.

109    Ċertament, huwa indikat, fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-assenjazzjoni ta’ ppjanar urban tal-art tiddetermina l-użu tagħha u teskludi l-bejgħ mill-ġdid tagħha. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li kienet ippreferiet l-ipoteżi li tikkonsisti fl-adozzjoni tal-valur ta’ investiment u fi sfruttament tad-dritt ta’ użu sportiv għal 30 sena.

110    Issa, tali ipoteżi hija wkoll l-eqreb għal dik li kellu f’moħħu r-rikorrent fl‑1996, fit-tranżazzjoni tiegħu ta’ tpartit ta’ artijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Madrid, peress li dan it-tpartit kien oriġinarjament magħmul sabiex ir-rikorrent jisfrutta l-irqajja’ li rċieva mill-imsemmi kunsill lokali huwa stess.

111    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kienet ikkummissjonat rapport ta’ perizja abbażi ta’ diversi xenarji, hija wettqet analiżi ta’ dawn ix-xenarji differenti kif ukoll tal-valutazzjonijiet l-oħra li twettqu, u li hija ma aċċettatx, sempliċement, il-konklużjonijiet tar-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli.

112    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq id-differenzi li kienu jeżistu bejn il-verżjonijiet inizjali u finali tar-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-valuri indikati f’dawn iż-żewġ verżjonijiet għax-xenarju SE‑03 huma prattikament identiċi, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, jiġifieri EUR 4 270 000 għar-rapport inizjali u EUR 4 275 000 għar-rapport finali.

113    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tielet ilment tal-ewwel motiv u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tielet motiv

114    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 296 TFUE, l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċiti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-Kummissjoni kkontestat il-valur tar-roqgħa B‑32 għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, filwaqt li rrikonoxxiet li l-valur tal-irqajja’ l-oħra ttrasferiti lir-rikorrent bħala kumpens fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 kien korrett. Issa, dan il-valur ġie kkalkulat bl-istess metodu ta’ valutazzjoni użat mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid għar-roqgħa B‑32. Billi jinvoka diversi kawżi, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kellha l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u li din ma setgħetx tillimita ruħha għall-valutazzjoni b’mod selettiv u iżolat ta’ ċerti benefiċċji tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, huwa jindika li kien obbligat jaċċetta l-valutazzjoni tal-irqajja’ mwettqa mill-imsemmi kunsill lokali, minkejja t-tnaqqis tal-valur tagħhom. Bis-saħħa tal-liġi Spanjola, huwa ma kellu l-ebda rimedju ġudizzjarju li kien jippermettilu jikkontesta l-valutazzjoni għall-finijiet li jitlob id-differenza bejn il-valutazzjoni kuntrattwali u l-valur tas-suq. Kieku l-Kummissjoni kienet eżaminat jekk il-benefiċċji kinux ibbilanċjati, hija kienet tikkonkludi li l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija fl-ebda każ ma kien ser jaqbeż EUR 10 931 835.

115    Il-Kummissjoni tfakkar li l-għan tal-investigazzjoni fil-kawża preżenti kien li teżamina l-eżistenza possibbli ta’ għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-kumpens mogħti mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid wara n-nuqqas tiegħu li jwettaq il-Ftehim ta’ Eżekuzzjoni tal‑1998 u li tiddetermina jekk operatur prudenti f’ekonomija tas-suq kienx jaċċetta kompletament ir-responsabbiltà tiegħu mingħajr pariri legali minn qabel, b’kont meħud tal-bosta inċertezzi legali, kif ukoll li tivverifika jekk id-dejn ikkuntrattat minn dan il-kunsill lokali kienx jikkorrispondi għall-esponiment finanzjarju li dak l-operatur kien jaċċetta għall-valur speċifiku tar-roqgħa B‑32 fl‑2011. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u d-deċiżjoni kkontestata kienu ċari f’dan ir-rigward. Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa meħtieġ ukoll li tiġi evalwata l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni fid-dawl tal-kuntest tagħha u hija ma kinitx meħtieġa li twieġeb għall-argumenti kollha invokati matul il-proċedura amministrattiva minn parti interessata. Hija tafferma li, konformement mal-ġurisprudenza, hija mmotivat din id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti. Hija zżid tgħid li l-għan tal-investigazzjoni ma kienx li tiddetermina jekk ir-rikorrent kienx irċieva għajnuna illegali fir-rigward tal-impenji kollha fil-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011. Il-kawżi invokati mir-rikorrent ma humiex rilevanti u, kieku r-rikorrent kien irċieva benefiċċju inqas minn dak li kien ġie miftiehem, huwa seta’ jitlob il-valur iffissat fil-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, ħaġa li dan ma għamilx.

116    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġ setax jinkiseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni hija meħtieġa tagħmel analiżi sħiħa tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/13, T‑190/13 u T‑193/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:447, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Ġie deċiż ukoll li, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valur ta’ għajnuna fil-forma ta’ bejgħ ta’ art minn entità pubblika lil persuna privata bi prezz allegatament preferenzjali, il-prinċipju tal-investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq għandu japplika u li l-valur tal-għajnuna kien daqs id-differenza bejn dak li l-benefiċjarju fil-fatt ħallas u dak li kien iħallas dak iż-żmien skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq sabiex jixtri art ekwivalenti minn bejjiegħ tas-settur privat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/13, T‑190/13 u T‑193/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:447, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li titqies l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni jew li seta’ jkollha fid-data li fiha hija adottat din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, jekk jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tiġi kontradetta jew impoġġija f’dubju minn informazzjoni li ma kinitx taf bihom waqt il-proċedura amministrattiva, ikun hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali informazzjoni setgħetx tkun magħrufa u meħuda inkunsiderazzjoni fi żmien xieraq u, jekk ikun il-każ, jekk din l-informazzjoni kellhiex normalment tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, tal-inqas bħala informazzjoni rilevanti sabiex jiġi applikat il-kriterju ta’ investitur privat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/13, T‑190/13 u T‑193/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:447, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li kienet eżaminat l-eżistenza possibbli ta’ għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-kumpens mogħti mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011.

120    Huwa importanti li jiġi rrilevat li, skont il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011, il-partijiet qablu li l-kumpens kellu jitħallas billi jiġi ssostitwit it-trasferiment tar-roqgħa B‑32 bit-trasferiment ta’ rqajja’ oħra lir-rikorrent mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid u billi jiġu paċuti d-djun ta’ xulxin. Ir-riżultat kien kreditu nett ta’ EUR 8.04 dovut mill-imsemmi kunsill lokali lir-rikorrent.

121    Għalhekk, il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 ma kienx jirrigwarda biss ir-rikonoxximent tad-dejn li jirriżulta min-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32, iżda kien maħsub sabiex jikkumpensa lir-rikorrent għal dan in-nuqqas ta’ trasferiment billi jittrasferixxilu rqajja’ oħra u billi jiġi paċut dejn reċiproku.

122    Issa, huwa stabbilit li l-irqajja’ ttrasferiti, minflok ir-roqgħa B‑32, ma ġewx ivvalutati mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar irripproduċiet il-valuri stabbiliti fil-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011.

123    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ikkonferma, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, li matul il-proċedura amministrattiva, huwa kien indika l-eżistenza ta’ differenza bejn il-valuri tal-irqajja’ ttrasferiti skont il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 u l-valur ta’ dawn l-irqajja’ indikat fir-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli u għalhekk li kien possibbli li kienet twettqet stima eċċessiva ta’ dawn l-irqajja’.

124    Barra minn hekk, anki matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrent kien enfasizza li r-rapport tal-uffiċċju ta’ perizja dwar il-proprjetà immobbli ma kien fih l-ebda valutazzjoni tal-irqajja’ ttrasferiti skont il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011.

125    Għalhekk, billi eżaminat biss il-valur tar-roqgħa B‑32, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tat-tranżazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li kellha l-obbligu li tagħmel, hija ma setgħetx twettaq analiżi sħiħa tal-fatturi rilevanti kollha, sabiex turi mhux biss il-kwistjoni tal-valutazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna, iżda wkoll, u fuq kollox, l-eżistenza stess ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni meqjusa kollha kemm hi.

126    Għandu jiġi ppreċiżat li, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni invokat il-fatt li hija ma kinitx meħtieġa li tqis la fatti sussegwenti għal dawk li kienu s-suġġett tal-proċedura ta’ eżami u lanqas benefiċċji mhux relatati mal-miżura eżaminata bħala tali.

127    Madankollu, huwa biżżejjed li jitfakkar li stima tal-irqajja’ ttrasferiti skont il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011 kienet ġiet inkluża fir-rapport tal-uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-proprjetà immobbli li kien ġie kkomunikat matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-miżura li qed tiġi eżaminata ma kinitx limitata biss għar-rikonoxximent tad-dejn li jirriżulta min-nuqqas ta’ trasferiment tar-roqgħa B‑32, iżda għall-eżistenza possibbli ta’ għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-kumpens mogħti mill-Kunsill Lokali ta’ Madrid skont il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal‑2011.

128    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ lir-rikorrent. Peress li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq ma hijiex issodisfatta, il-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

129    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi ddikjarat bħala fondat. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrent, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2393 tal4 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33754 (2013/C) (ex 2013/NN) mogħtija minn Spanja lil Real Madrid CF hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Real Madrid Club de Fútbol.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ispanjol.