Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London (Ir-Renju Unit) fis-26 ta’ Marzu 2019 – Secretary of State for the Home Department vs O A

(Kawża C-255/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Secretary of State for the Home Department

Konvenut oħra fil-proċedura: O A

Domandi preliminari

Il-“protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità” fis-sens tal-Artikolu 11(1)(e) u tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 1 għandha tinftiehem bħala protezzjoni tal-Istat?

Sabiex jiġi deċiż jekk teżistix biża’ fondata ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 u jekk teżistix protezzjoni minn tali persekuzzjoni skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, it-“test tal-protezzjoni”, jew l-“eżami tal-protezzjoni”, għandu jiġi applikat għaż-żewġ kwistjonijiet u, jekk dan ikun il-każ, għandu jkun irregolat bl-istess kriterji f’kull każ?

Jekk titwarrab l-applikabbiltà ta’ protezzjoni minn atturi mhux statali taħt l-Artikolu 7(l)(b) tad-Direttiva 2004/83, u jekk jiġi preżunt li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-effettività jew id-disponibbiltà ta’ protezzjoni għandha tiġu evalwata biss b’riferiment għall-atti/funzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ atturi statali jew jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti/funzjonijiet ta’ protezzjoni mwettqa minn atturi privati (soċjetà ċivili) bħall-familji jew klannijiet?

Il-kriterji li jirregolaw l-“eżami tal-protezzjoni” li għandu jitwettaq waqt l-analiżi tal-waqfien fil-kuntest tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 huma (kif huwa preżunt fit-tieni u fit-tielet domanda) l-istess bħal dawk li għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).