Appell ippreżentat fid-29 ta’ April 2019 minn Souruh SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-28 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-440/16, Souruh vs Il-Kunsill

(Kawża C-350/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Souruh SA (rappreżentant: E. Ruchat, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–    Tiddikjara dan l-appell ammissibbli u fondat;

Konsegwentement, tannulla s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019 (T-440/16).

U, billi tiddeċiedi permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda:

Tannulla d-Deċiżjoni (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 1 u l-atti sussegwenti ta’ implimentazzjoni tagħha, sa fejn dawn jikkonċernaw lill-appellanti;

Tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispetta d-dritt tal-appellanti, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tiġi mismugħa qabel l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ġodda.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq distorsjoni tal-fatti inkwantu l-Qorti Ġenerali injorat l-artikli ppreżentati mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament tagħha sabiex turi li hija ma kinitx issostni lir-reġim Sirjan.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx bħala illegali d-dispożizzjonijiet 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK li skonthom l-appartenenza għall-familja Al-Assad jew għall-familja Makhlouf tikkostitwixxi kriterju awtonomu li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, u fl-istess okkażjoni qalbet l-oneru tal-prova.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 125).