SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Lulju 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza bejn l-1994 u l-2008 – Sussidji għall-investiment mogħtija mir-Reġjun ta’ Île-de-France – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern – Vantaġġ – Natura selettiva – Artikolu 107(1) TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Artikolu 108 TFUE – Artikolu (1)(b)(i) u (v) tar-Regolament (UE) 2015/1589”

Fil-Kawża T‑292/17,

Ir-Reġjun Île-de-France (Franza), irrappreżentat minn J.-P. Hordies, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, C. Georgieva-Kecsmar u M. T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1470 tat‑2 ta’ Frar 2017 dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (eks 2012/NN) implimentata minn Franza favur tal-impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-Reġjun ta’ Île-de-France (ĠU 2017, L 209, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑9 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, ir-Reġjun Île-de-France, ġie stabbilit bħala stabbiliment pubbliku li ngħata l-personalità ġuridika u l-awtonomija finanzjarja bis-saħħa tal-loi no 76‑394, du 6 mai 1976, portant création et organisation de la Région d’Île-de-France (il-Liġi Nru 76‑394 tas‑6 ta’ Mejju 1976 dwar il-Ħolqien u l-Organizzazzjoni tar-Reġjun ta’ Île-de-France, JORF tas‑7 ta’ Mejju 1976, p. 2741). Skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, huwa b’mod partikolari għandu l-kompitu li jiddefinixxi l-politika reġjonali tat-traffiku u tat-trasport tal-passiġġieri fit-territorju tiegħu u li jiżgura l-implimentazzjoni tagħha.

2        L-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 76‑394 jipprevedi b’mod partikolari dan li ġej:

“Il-Kunsill Reġjonali jirregola permezz tad-deliberazzjonijiet tiegħu l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tar-[R]eġjun […]”.

3        Fl‑20 ta’ Ottubru 1994, il-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France adotta d-deliberazzjoni CR 34‑94, dwar l-għajnuna għat-titjib tas-servizzi tat-trasport pubbliku bit-triq operati minn impriżi privati jew impriżi pubbliċi, għall-finijiet ta’ tiġdid ta’ sett ta’ miżuri ta’ għajnuna implimentati preċedentement favur l-imsemmija impriżi. Żewġ deliberazzjonijiet, jiġifieri d-deliberazzjonijiet CR 44‑98 u CR 47‑01 (iktar ’il quddiem, meqjusa mad-deliberazzjoni CR 34‑94, id-“deliberazzjonijiet kontenzjużi”), ħarġu warajha, rispettivament fl‑1998 u fl‑2001, qabel ma d-dispożittiv ta’ għajnuna implimentat tħassar fl‑2008.

4        Bl-applikazzjoni tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi, ir-rikorrent ta għajnuniet finanzjarji lill-awtoritajiet pubbliċi tat-territorju tiegħu billi kkonkluda kuntratti tal-operat ta’ linji regolari tax-xarabank ma’ impriżi privati tat-trasport pubbliku regolari bit-triq jew billi opera tali linji direttament permezz ta’ impriża pubblika (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet pubbliċi kkonċernati”). L-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati sussegwentement ħallsu l-għajnuniet tar-rikorrent lill-imsemmija impriżi tat-trasport (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarji finali”).

5        Fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna implimentata mid-deliberazzjonijiet kontenzjużi (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”), l-għajnuniet ingħataw fil-forma ta’ sussidji għall-investiment (iktar ’il quddiem is-“sussidji kontenzjużi”) u kienu intiżi sabiex jiffavorixxu l-akkwist ta’ vetturi ġodda u l-installazzjoni ta’ tagħmir ġdid mill-benefiċjarji finali, bl-għan li jtejbu l-offerta ta’ trasport pubbliku u jirrimedjaw għall-esternalitajiet negattivi marbuta mat-traffiku fit-triq partikolarment dens tan-netwerk tar-rikorrent.

6        Skont l-awtoritajiet Franċiżi, 135 impriża bbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bejn l-1994 u l-2008. L-użu tas-sussidji kontenzjużi kien irregolat mill-klawżoli għall-ftehimiet tal-operat konklużi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-benefiċjarji finali. Il-klawżoli kienu kontraffirmati mill-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France u kienu jagħtu fid-dettall l-obbligi li kienu suġġetti għalihom il-benefiċjarji finali b’korrispettiv tal-ħlas tal-imsemmija sussidji.

7        Fis‑17 ta’ Ottubru 2008, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat allegatament illegali, ikkostitwiti mill-miżuri ta’ appoġġ implimentati favur ċerti impriżi tat-trasport bix-xarabank, bejn l-1994 u l-2008, mir-rikorrent fit-territorju tiegħu, u sussegwentement, mill‑2008, mis-syndicat des transports d’Île-de-France (is-Sindakat tat-Trasport ta’ Île-de-France (STIF, Franza)) f’dan l-istess territorju.

8        Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 141, p. 38), il-Kummissjoni stiednet lill-persuni kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

9        Fit‑30 ta’ April 2014, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. L-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mill-partijiet ikkonċernati, fosthom ir-rikorrent, intbagħtu lir-Repubblika Franċiża, li ma għamlet l-ebda kumment.

10      Fil‑21 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni rċeviet nota konġunta min-naħa ta’ erbgħa mis-seba’ partijiet ikkonċernati, intiża sabiex tippreċiża l-pożizzjoni tagħhom wara d-deċiżjoni tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647). Fid‑9 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent ikkompleta l-osservazzjonijiet tiegħu.

11      Fit‑2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, u adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1470 dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (eks 2012/NN) implimentata minn Franza favur tal-impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-Reġjun ta’ Île-de-France (ĠU 2017, L 209, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li s-sussidji kontenzjużi mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mir-rikorrent, bejn l-1994 u l-2008, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Sa fejn il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri ma kienx affettwat b’mod li jmur kontra l-interess komuni, hija qieset li l-imsemmija skema kienet kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE. Hija min-naħa l-oħra kkonkludiet li, sa fejn l-għajnuniet ma ġewx innotifikati u kellhom jiġu kklassifikati bħala “għajnuniet ġodda”, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet implimentata illegalment, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

13      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jinqara kif ġej:

Artikolu 1

L-iskema ta’ għajnuna implimentata illegalment [mir-Repubblika Franċiża] bejn is-sena 1994 u s-sena 2008, f’għamla ta’ sussidji għall-investiment mogħtija mir-Reġjun tal-Île-de-France fil-qafas tad-deliberazzjonijiet CR 34‑94, CR 44‑98 u CR 47‑01, hija kompatibbli mas-suq intern.

[…]

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

II.    Il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali

14      F’Mejju 2004, is-syndicat autonome des transporteurs de voyageurs (is-Sindakat Awtonomu tat-Trasportaturi ta’ Passiġġieri, iktar ’il quddiem is-“SATV”) talab lill-President tal-Kunsill Reġjonali tal-Île-de-France jħassar id-deliberazzjonijiet kontenzjużi. Wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba, is-SATV adixxa lit-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza) b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France, fis‑17 ta’ Ġunju 2004.

15      Permezz tas-sentenza Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008, it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) laqgħet ir-rikors tas-SATV u ordnat lir-rikorrent jissottometti lill-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France deliberazzjoni ġdida minħabba li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni. It-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi), barra minn hekk, ordnat lir-rikorrent sabiex jipproċedi għat-tħassir tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi.

16      Ir-rikorrent, filwaqt li appella minn din id-deċiżjoni, adotta d-deliberazzjoni CR 80‑08, tas‑16 ta’ Ottubru 2008, intiża għat-tħassir tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi.

17      Permezz tas-sentenza Nru 08PA 04753, tat‑12 ta’ Lulju 2010, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ikkonfermat is-sentenza tat-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008. Ir-rikorrent ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). Permezz tas-sentenza Nru 343440, tat‑23 ta’ Lulju 2012, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad dan l-appell u indika li l-fatt li s-suq tat-trasport pubbliku regolari tal-passiġġieri fit-territorju tar-rikorrent kien magħluq għall-kompetizzjoni ma kellux effett fuq il-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi tal-għajnuna mill-Istat, peress li l-benefiċjarji finali kienu joperaw ukoll fi swieq oħra miftuħa għall-kompetizzjoni.

18      Wara ċ-ċaħda ta’ diversi rikorsi għal oppożizzjoni minn terzi mill-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi), fis‑27 ta’ Novembru 2015, il-benefiċjarji finali li kienu ppreżentaw dawn ir-rikorsi ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), li kien għadu pendenti fid-data tal-preżentata tar-rikors.

19      Wara rikors ġdid ippreżentat mis-SATV fis‑27 ta’ Ottubru 2008, it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) ordna lir-rikorrent, permezz tas-sentenza Nru 0817138, tal‑4 ta’ Ġunju 2013, joħroġ it-titoli eżekuttivi li jippermettu l-irkupru tas-sussidji kontenzjużi. Fis‑27 ta’ Novembru 2015, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) ċaħdet l-appell tar-Reġjun minn din id-deċiżjoni (sentenza Nru 13PA 03172). Ir-rikorrent ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), li kien għadu pendenti fid-data tal-preżentata tar-rikors.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżenta dan ir-rikors, intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

21      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bħala “skema ta’ għajnuna mill-Istat”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

23      Il-Kummissjoni, mingħajr ma qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat fuq il-bażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-assenza ta’ locus standi u ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent.

24      Ir-rikorrent isostni li, minkejja li huwa ma huwiex id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa għandu kemm locus standi kif ukoll interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha dritt li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2015, Brouillard vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑420/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:633, punt 18).

26      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li, għall-finijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju, hemm lok li tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tar-rikors, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

B.      Fuq il-mertu

27      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent iqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 249, p. 9), sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset, bi żball, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mogħtija bejn l-1994 u l-2008 taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet għajnuna ġdida li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni, ġiet implimentata illegalment. It-tieni motiv huwa meħud minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha relatata mal-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx immotivat suffiċjentement kif dawn is-sussidji kienu selettivi u kienu jagħtu vantaġġ ekonomiku indebitu lill-benefiċjarji finali.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrent jitlob b’mod espliċitu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat fiha li s-sussidji kontenzjużi kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna mill-Istat.

29      Madankollu, it-titolu tal-motivi mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors ma jippermettix li jiġi preżunt li dawn għandhom l-għan li jqiegħdu f’dubju il-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat.

30      Fil-fatt, mit-titolu tal-motivi mqajma jirriżulta li dawn kienu intiżi biss, għat-tieni wieħed, sabiex jikkonstataw l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li hija vvizzjata minnha d-deċiżjoni kkontestata, fil-konfront tal-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat, u, għall-ewwel wieħed, sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni, dwar il-karattru ġdid tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

31      Madankollu, mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li, għat-tieni motiv, ċertament ifformulat bħala li huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni biss, ir-rikorrent, fir-realtà, jikkritika wkoll lill-Kummissjoni li kkonkludiet li l-kriterji ta’ selezzjoni u ta’ vantaġġ kienu ssodisfatti fil-każ ineżami. Permezz ta’ dan il-motiv, huwa jixtieq għalhekk kemm jikkonstata ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll iqiegħed f’dubju l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li s-sussidji kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

32      Barra minn hekk, kemm mill-argumenti mressqa mir-rikorrent fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll minn dawk li huwa żviluppa matul is-seduta jirriżulta li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex intiża biss sabiex tqiegħed f’dubju l-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat, iżda wkoll sabiex tikkonstata l-karattru ġdid tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament 2015/1589, huwa effettiv insostenn ta’ din it-talba.

33      B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jitqies li l-motivi invokati jaġixxu insostenn tal-kap tat-talbiet tar-rikorrent intiżi sabiex jinkiseb l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn naħa, u tal-klassifikazzjoni żbaljata tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna ġdida, min-naħa l-oħra.

34      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għandhom l-għan li jiġi stabbilit ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jeħtieġu, għalhekk, eżami distint, bħala tali, tal-evalwazzjoni tal-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-istħarriġ jaqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 26).

35      Minn dan isegwi li t-tieni motiv, sa fejn huwa intiż b’mod partikolari sabiex jikkonstata ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat, għandu jiġi eżaminat qabel l-ewwel motiv, li jirrigwarda biss il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.

1.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u żball ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE

a)      Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

36      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tirrileva, f’din id-deċiżjoni, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tħaddem, de facto, selezzjoni fost l-operaturi ekonomiċi tas-settur tat-trasport pubbliku regolari bit-triq u kienet tiffavorixxi dan is-settur ekonomiku meta mqabbel ma’ setturi oħra. Il-kwistjoni tas-selettività tal-għajnuna kienet is-suġġett biss ta’ tliet premessi fid-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri l-premessi 222 sa 224 ta’ din id-deċiżjoni).

37      Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tikkaratterizza d-deċiżjoni kkontestata toriġina mill-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx kif il-benefiċjarji finali kellhom marġnijiet ta’ manuvra speċifiċi, wara l-għoti tas-sussidji kontenzjużi fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Il-Kummissjoni b’mod partikolari naqset milli tanalizza l-mod kif dawn is-sussidji ppermettew lill-benefiċjarji finali jtaffu l-effett tal-oneri li setgħu ġew imposti fuqhom u għalhekk li jagħtuhom vantaġġ ekonomiku.

38      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. B’mod partikolari, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata fiha spjegazzjonijiet iddettaljati kemm dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku kif ukoll dwar in-natura selettiva ta’ dan il-vantaġġ. Hija tippreċiża li, sa fejn id-deliberazzjonijiet kontenzjużi ma kienu jagħtu fid-dettall l-ebda parametru ewlieni dwar l-assorbiment tal-vantaġġ miksub, ikun b’suffiċjenza fid-dritt li hija kkonkludiet dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku indebitu favur il-benefiċjarji finali.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih jiġi adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod, minn naħa waħda, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda, biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 278).

41      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 279).

42      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, hija għandha ssemmi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 280).

43      F’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeħtieġ li jiġu indikati r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, EU:T:2000:148, punt 36).

44      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, qabel ma kkonkludiet dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni wieġbet għall-argumenti tal-awtoritajiet Franċiżi u tal-partijiet ikkonċernati, li hija fakkret fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata u li kienu intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-għajnuna kienet ingħatat mir-rikorrent b’korrispettiv tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u ma setgħetx tagħti tali vantaġġ lill-benefiċjarji finali, konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 87 sa 94).

45      B’mod partikolari, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 201 sa 207 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li s-sussidji kontenzjużi ma kinux intiżi sabiex jikkumpensaw għal obbligi ta’ servizz pubbliku, iżda kienu jintrabtu mad-dispożittiv kuntrattwali diġà fis-seħħ bejn l-impriżi tat-trasport pubbliku regolari tat-territorju tar-rikorrent u l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati, sabiex jiġi stimolat l-investiment. Hija ppreċiżat li l-fatt li l-vantaġġ mogħti minn dawn is-sussidji jkun jista’ jiġi kkorreġut minn assorbiment eventwali tal-ammonti mħallsa minn dawn l-istess awtoritajiet lill-benefiċjarji finali, sabiex jiġu kkumpensati l-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom, ma kienx rilevanti għall-finijiet ta’ tali analiżi.

46      B’kunsiderazzjoni tal-evalwazzjoni ddettaljata li għamlet il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kwistjoni jekk is-sussidji kontenzjużi kinux jagħtu vantaġġ lill-benefiċjarji finali, hija ma tistax tiġi kkritikata li, fil-każ ineżami, ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi vverifikat li dan il-kriterju kien issodisfatt.

47      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mas-selettività tas-sussidji kontenzjużi u tal-motivazzjoni pprovduta fil-konfront ta’ dan il-kriterju fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha turi li l-miżura inkwistjoni tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan ta’ din il-miżura, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, fil-premessi 222 u 223 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li s-sussidji kontenzjużi kienu jikkonċernaw biss lill-impriżi tat-trasport pubbliku privati li magħhom l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati kienu kkonkludew ftehim tal-operat, b’tali mod li s-settur tat-trasport pubbliku regolari bit-triq fit-territorju tar-rikorrent biss kien ikkonċernat minn dawn is-sussidji. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li saret selezzjoni bejn l-impriżi ta’ dan is-settur qabel l-għoti tas-sussidji, sabiex jiġu ddeterminati dawk li jkunu inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fit-territorju tar-rikorrent.

49      Il-Kummissjoni, għaldaqstant, ikkonkludiet, fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-natura selettiva tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet tiġi osservata kemm fil-livell tas-settur ikkonċernat kif ukoll fi ħdan dan is-settur, bejn l-impriżi li kienu ngħataw is-sussidji kontenzjużi u dawk li kienu esklużi mill-imsemmija skema.

50      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet f’dettall suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jifhem ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li s-sussidji kontenzjużi kienu jagħmlu distinzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 iktar ’il fuq, bejn il-benefiċjarji finali u l-impriżi li jinsabu, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mid-deliberazzjonijiet kontenzjużi, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għall-imsemmija benefiċjarji.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma setax jikkritika lill-Kummissjoni li wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħha dwar in-natura selettiva tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, minn naħa, u l-vantaġġ ekonomiku indebitu mogħti lill-benefiċjarji finali, min-naħa l-oħra.

b)      Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat, fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE u, b’mod partikolari, tal-kriterji relatati mal-vantaġġ ekonomiku u mas-selettività

1)      Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni relatata mal-vantaġġ ekonomiku

52      Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni qieset, bi żball, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterju relatat mal-vantaġġ ekonomiku, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, kien issodisfatt. B’mod partikolari, din tal-aħħar naqset milli tippreċiża liema kienu l-oneri partikolari li setgħu jiġu imposti fuq il-benefiċjarji finali kif ukoll il-mod kif is-sussidji kontenzjużi kienu jippermettu li jittaffew dawn l-oneri u, konsegwentement, li huma jingħataw vantaġġ ekonomiku.

53      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Fil-fehma tagħha, id-deliberazzjonijiet kontenzjużi ma jagħtux fid-dettall il-parametri ewlenin relatati ma’ assorbiment eventwali tal-vantaġġ ekonomiku miksub mill-benefiċjarji finali. Ikun għalhekk ġust li hija kkonkludiet, b’kunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, b’mod partikolari, il-fatt li ma kien hemm xejn li jħalli jiġi preżunt, fil-qari tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi, li s-sussidji kontenzjużi ġew assorbiti korrettament, li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tat vantaġġ ekonomiku indebitu lill-benefiċjarji finali.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sa fejn is-sussidji kontenzjużi kienu intiżi sabiex ikopru parti mill-ispejjeż tal-investiment li s-soltu jeħduha l-impriżi tas-suq tat-trasport pubbliku regolari, ir-rikorrent, bl-għoti ta’ dawn is-sussidji, illibera xi marġni ta’ manuvra għall-benefiċjarji finali, li setgħu, għalhekk, jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom għal skopijiet oħra.

55      L-elementi tal-analiżi ddettaljata fil-premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li skontu l-Kummissjoni naqset milli tispjega kif is-sussidji kontenzjużi kienu jippermettu li jnaqqsu l-piż tal-oneri imposti fil-konfront tal-benefiċjarji finali.

56      Peress li r-rikorrent ma ressaq l-ebda argument jew prova oħra sabiex iqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kriterju tal-vantaġġ ekonomiku, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, u peress li kkuntenta ruħu, barra minn hekk, li jafferma l-karattru żbaljat ta’ din l-evalwazzjoni, ma hemmx lok li titqiegħed f’dubju l-fondatezza tal-evalwazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku.

2)      Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni relatata mas-selettività

57      Ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li s-sussidji kontenzjużi huma selettivi. F’dan ir-rigward, huwa jafferma li huwa ma kellu l-ebda setgħa diskrezzjonali dwar l-għoti ta’ dawn is-sussidji. Fil-fehma tiegħu, l-operaturi attivi kollha fis-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri kienu eliġibbli għal dawn is-sussidji, fuq sempliċi preżentazzjoni ta’ fajl, bil-kundizzjoni li jkunu kkonkludew ftehim tal-operat ma’ waħda mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati. Fost il-150 operatur tat-trasport pubbliku regolari li kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tiegħu, iktar minn 130 operatur kienu għalhekk ibbenefikaw minn għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li, bħalma rrikonoxxa r-rikorrent innifsu, ċerti impriżi li kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-suq tat-trasport pubbliku regolari tal-passiġġieri ta’ Île-de-France kienu esklużi miċ-ċirku tal-benefiċjarji finali. Il-fatt li numru kbir ta’ impriżi setgħu jibbenefikaw minnhom ma jistax ikun suffiċjenti sabiex titqiegħed f’dubju in-natura selettiva tas-sussidji kontenzjużi.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma ammetta r-rikorrent innifsu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-għoti tas-sussidji kontenzjużi kien jiddependi mill-konklużjoni ta’ ftehim tal-operat bejn il-benefiċjarji finali u l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati.

60      Minn dan isegwi li l-impriżi li joriġinaw minn Stati Membri oħra jew minn reġjuni Franċiżi oħra ma kinux eliġibbli għall-għoti tas-sussidji kontenzjużi u li l-impriżi attivi fis-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri u li kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tar-rikorrent biss setgħu jibbenefikaw mill-materjal issussidjat mill-għajnuna mogħija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod iktar preċiż, dawn l-impriżi biss setgħu jużaw il-materjal issussidjat b’dan il-mod f’partijiet oħra tal-Unjoni u tat-territorju Franċiż, fejn huma setgħu jsibu ruħhom f’kompetizzjoni ma’ operaturi tat-trasport pubbliku li ma bbenefikawx mill-istess għajnuna.

61      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, hemm lok li jitqies li, minkejja li numru kbir ta’ impriżi li kienu jeżerċitaw attivitajiet ta’ trasport pubbliku regolari bit-triq fit-territorju tiegħu setgħu jibbenefikaw mis-sussidji kontenzjużi, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tagħmel distinzjonijiet ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li kienu, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmija skema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-argumenti mressqa mir-rikorrent ma jippermettux li titqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar is-selettività tas-sussidji kontenzjużi.

63      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent relatati mal-evalwazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-selettività tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu.

2.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn l-iskema ta’ għajnuna kienet ikklassifikata, bi żball, bħala skema ta’ għajnuna ġdida

64      Ir-rikorrent jafferma li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija skema ta’ għajnuna eżistenti, skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, peress li l-possibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati li jagħtu sussidji lill-impriżi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq kienet introdotta mill-Artikolu 19 tad-décret no 49‑1473, du 14 novembre 1949, relatif à la coordination et à l’harmonisation des transports ferroviaires et routiers (id-Digriet Nru 49‑1473, tal‑14 ta’ Novembru 1949, dwar il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tat-trasport bil-ferrovija u bit-triq, JORF tal‑15 ta’ Novembru 1949, p. 11104, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑1949”), qabel id-dħul fis-seħħ fi Franza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (li sar it-Trattat FUE), fl‑1 ta’ Jannar 1958.

65      Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda konklużjoni preċiża dwar id-data tal-introduzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad il-possibbiltà li l-imsemmija skema kienet ġiet introdotta f’suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni u kienet tikkostitwixxi, għalhekk, skema ta’ għajnuna eżistenti, skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589.

66      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li skontu l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet implimentata mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal‑1949, il-Kummissjoni tfakkar li kkonkludiet, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dispożizzjonijiet ma ddefinixxew l-ebda wieħed mill-parametri ewlenin ta’ din l-iskema, jiġifieri, b’mod partikolari, id-durata tagħha, il-baġit tagħha, il-benefiċjarji tagħha, in-natura tal-oġġetti eliġibbli għas-sussidju u r-rata tas-sussidju applikabbli, u li dawn ma kienu joħolqu l-ebda dritt għall-issussidjar.

67      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent relatat mad-data minn meta s-sussidji kontenzjużi setgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni ssostni li, bħalma stabbilixxa it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) fis-sentenza Nru 0417015 tal‑10 ta’ Lulju 2008, il-benefiċjarji finali kienu joperaw kemm fis-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri kif ukoll fis-suq tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri. Madankollu, is-suq tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri kien diġà ġie lliberalizzat fl‑1979. Minn dan isegwi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet taffettwa l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri f’dan is-suq sa mill-introduzzjoni tagħha, irrispettivament mid-data tal-introduzzjoni tagħha, sa fejn din kienet tinsab bejn l-1979 u l-2008.

68      Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk, bħalma jsostni r-rikorrent, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġietx introdotta mid-Digriet tal‑1949, data qabel id-dħul fis-seħħ fi Franza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u kinitx tikkostitwixxi, konsegwentement, skema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589.

69      Id-Digriet tal‑1949 kien jipprevedi b’mod partikolari dan li ġej:

Artikolu 2

Is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li huma suġġetti għal miżuri ta’ koordinazzjoni u ta’ armonizzazzjoni bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-liġi tal‑5 ta’ Lulju 1949 huma:

[…]

2. Is-servizzi bit-triq tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri elenkati iktar ’il quddiem […]:

Is-servizzi regolari, inklużi s-servizzi staġjonali u perijodiċi […];

Is-servizzi okkażjonali, jiġifieri dawk li, minkejja li jsiru fuq talba, jissodisfaw bżonnijiet ġenerali tal-pubbliku, billi jerġgħu jiġu offruti f’ċerti żminijiet ta’ kull sena […]

Artikolu 19

Awtorità territorjali tista’ tissussidja servizz bit-triq billi tikkonkludi kuntratt ma’ impriża li jiffissa l-obbligi imposti fuqha apparti dawk li jirriżultaw mir-regoli tal-operat tagħha.

It-tariffa stabbilita konformement ma’ dan il-kuntratt għandha tosserva r-regoli kollha li jinsabu fl-artikoli preċedenti.”

70      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk is-sussidji kontenzjużi joriġinawx fid-Digriet tal‑1949, l-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-modalitajiet tal-għoti ta’ sussidji previsti mid-Digriet tal‑1949 kienu differenti minn dawk tal-għajnuna mogħtija skont id-deliberazzjoni CR 34‑94. Bħalma tafferma, ġustament, il-Kummissjoni, fil-kuntest tad-deliberazzjoni CR 34‑94, is-sussidji kontenzjużi ngħataw mir-rikorrent lill-awtoritajiet pubbliċi qabel ma tħallsu lill-benefiċjarji finali. Tali mekkaniżmu ta’ ħlas ma kienx jeżisti fil-kuntest tad-Digriet tal‑1949.

71      Fit-tieni lok, jirriżulta mis-sentenza Nru 343440, tat‑23 ta’ Lulju 2012, tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li s-sussidji mogħtija skont id-deliberazzjoni CR 34‑94 kienu intiżi biss sabiex jiffaċilitaw l-akkwist ta’ materjal mill-impriżi tat-trasport pubbliku ta’ Île-de-France, mingħajr ma l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jkollha l-għan jew l-effett li timponi, bħala korrispettiv, obbligi tariffarji fuq il-benefiċjarji finali. Dan ma kienx il-każ tal-Artikolu 19 tad-Digriet tal‑1949, li, filwaqt li kien jipprevedi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għall-awtoritajiet territorjali Franċiżi li jikkonkludu kuntratti ta’ sussidji ma’ dawn l-istess impriżi, kellu l-għan li jikkontrolla t-tariffi applikati. L-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet kien jipprovdi għalhekk li, “għas-servizzi li għandhom kuntratt ma’ awtorità territorjali, it-tariffi [kienu] ffissati […] konformement mal-kuntratt konkluż bejn l-impriża u l-awtorità li [kienet] tħallas is-sussidju”.

72      Fit-tielet lok, id-deliberazzjonijiet kontenzjużi ma kienu jinkludu l-ebda riferiment għad-Digriet tal‑1949. Dawn id-deliberazzjonijiet kienu jsemmu biss il-kodiċi ġenerali tal-awtoritajiet territorjali, il-loi no 82‑1153, du 30 décembre 1982, d’orientation des transports intérieurs (il-Liġi Nru 82‑1153 tat‑30 ta’ Diċembru 1982 ta’ Gwida tat-Trasport Intern, JORF tal‑31 ta’ Diċembru 1982, p. 4004) u diversi deliberazzjonijiet preċedenti u digrieti adottati konformement mad-dritt nazzjonali, li fosthom ma kienx hemm id-Digriet tal‑1949.

73      Fir-raba’ lok, id-deliberazzjonijiet kontenzjużi kienu jidħlu f’kuntest leġiżlattiv speċifiku, relatat mal-organizzazzjoni tat-trasport fl-Île-de-France, li kien ippreċiżat, għall-ewwel darba, fl-ordonnance no 59‑151, du 7 janvier 1959, relative à l’organisation des transports de voyageurs dans la région parisienne (id-Digriet Nru 59‑151 tas‑7 ta’ Jannar 1959 dwar l-organizzazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri fir-reġjun ta’ Pariġi, JORF tal‑10 ta’ Jannar 1959, p. 696), kważi għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Digriet tal‑1949.

74      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-Digriet tal‑1949 ma kienx jikkostitwixxi bażi legali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċiex quddiem il-Qorti Ġenerali l-provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589.

76      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq intern” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal bidla fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni. Tali bidla tista’, b’mod partikolari, tirriżulta mil-liberalizzazzjoni ta’ suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen‑Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punt 188).

77      Minn dan isegwi li skema ta’ għajnuna mibdija f’suq li inizjalment kien magħluq għall-kompetizzjoni għandha titqies, wara l-liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq, bħala skema ta’ għajnuna eżistenti (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, EU:T:2000:151, punt 143).

78      Madankollu, konformement mal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589, id-data tal-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt tal-Unjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet biss biex jiġi eskluż li, wara dik id-data, miżura li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna qabel il-liberalizzazzjoni tkun ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/15, EU:T:2018:6, punt 369).

79      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod iktar partikolari mill-premessa 18(a) u mill-premessi 19, 183 u 186 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet bdiet fl‑1994 u tħassret fl‑2008, bil-konsegwenza li l-għajnuna mogħtija skont id-deliberazzjonijiet preċedenti għandha titqies bħala li tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna distinta minn dik implimentata mid-deliberazzjonijiet CR 34‑94 et seq.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-loi no 93‑122, du 29 janvier 1993, relative à la prévention de la corruption et à la transparence de la vie économique et des procédures publiques (il-Liġi Nru 93‑122 tad‑29 ta’ Jannar 1993 dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u dwar it-Trasparenza tal-Ħajja Ekonomika u tal-Proċeduri Pubbliċi, JORF tat‑30 ta’ Jannar 1993, p. 1588), li lliberalizzat is-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri fit-territorju Franċiż kollu, bl-eċċezzjoni ta’ dak tar-rikorrent, ġiet adottata fl‑1993, jiġifieri qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-deliberazzjoni CR 34‑94, u li din id-data tal-aħħar tikkoinċidi, skont l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mad-data tal-introduzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

81      B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni qieset ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-benefiċjarji finali setgħu, mill‑1994, jużaw it-tagħmir iffinanzjat mis-sussidji kontenzjużi fi swieq oħra tat-trasport pubbliku regolari tal-passiġġieri, miftuħa għall-kompetizzjoni, u, konsegwentement, li dawn is-sussidji setgħu, minn din id-data, jaffettwaw il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha l-kriterji kollha previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE kienu ssodisfatti għal dan il-perijodu hija konformi mal-analiżi li tinsab fid-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sentenza Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008, tat-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) u s-sentenza Nru 08PA 04753, tat‑12 ta’ Lulju 2010, tal-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi), iċċitati notevolment fil-premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni setgħet wettqet, bħalma jallega r-rikorrent, żball meta qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet introdotta biss fl‑1994, dan l-uniku żball ma jkunx suffiċjenti biex tiġi invalidata l-konklużjoni li skontha din għandha titqies bħala skema ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, mill-premessi 226 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, anki jekk tiġi aċċettata l-ipoteżi li skontha l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha titqies bħala li nbdiet mill‑1979 jew l-iktar tard fl‑1994, f’data li fiha s-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri kien għadu magħluq għall-kompetizzjoni, il-benefiċjarji finali setgħu jużaw il-materjal issussidjat mir-rikorrent fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ trasport okkażjonali miftuħa għall-kompetizzjoni.

84      Fil-każ ineżami, ir-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova sabiex jiġi stabbilit li s-suq tat-trasport okkażjonali ma kienx is-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri matul il-perijodu li ppreċeda l-introduzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jew mal-introduzzjoni tagħha. Huwa kkuntenta ruħu li jafferma, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li dan is-suq kien marġinali meta mqabbel ma’ dak tat-trasport pubbliku regolari tal-passiġġieri.

85      Madankollu, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) kienet diġà enfasizzat, ġustament, ir-rilevanza tas-suq tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri fis-sentenza tagħha Nru 15PA 00385, tas‑27 ta’ Novembru 2015. Huwa għalhekk billi bbażat fuq id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li l-Kummissjoni kkonstatat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha titqies bħala li affettwat, sa mill-introduzzjoni tagħha, il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni u li hija ċaħdet il-klassifikazzjoni tagħha bħala skema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589.

86      Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx ksur tal-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament 2015/1589.

87      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

88      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

89      Fil-każ ineżami, peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż proprji tiegħu, dawk tal-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Reġjun ta’ Île-de-France għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Valančius

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2019.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

IV. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà

B. Fuq il-mertu

1. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u żball ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE

a) Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

b) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tas-sussidji kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat, fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE u, b’mod partikolari, tal-kriterji relatati mal-vantaġġ ekonomiku u mas-selettività

1) Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni relatata mal-vantaġġ ekonomiku

2) Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni relatata mas-selettività

2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn l-iskema ta’ għajnuna kienet ikklassifikata, bi żball, bħala skema ta’ għajnuna ġdida

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.