Appell ippreżentat fl-1 ta’ Mejju 2019 mir-Région de Bruxelles-Capitale mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-28 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-178/18, Région de Bruxelles-Capitale vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-352/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Région de Bruxelles-Capitale (rappreżentant: A. Bailleux, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tannulla d-digriet tat-28 ta’ Frar 2019 (T-178/18);

Tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat mir- Région de Bruxelles-Capitale kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2324 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 1 , u għall-kumplament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Bid-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli għan-nuqqas ta’ interess ġuridiku r-rikors ippreżentat mir-Région de Bruxelles-Capitale. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-Région de Bruxelles-Capitale ma kienx direttament ikkonċernat mir-regolament ikkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Insostenn tal-appell tiegħu, ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapital iqajjem aggravju wieħed li jinqasam f’żewġ partijiet.

L-ewwel nett, ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li teżamina l-kundizzjonijiet ta’ ammissibilità tar-rikors fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 2(4) u 9 ta’ din l-istess Konvenzjoni u ma huwiex motivat b’mod adegwat.

It-tieni nett, huwa abbażi ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikoli 20(2), 32(1), 36(3), 41(1) u 43(5) u (6) tar-Regolament 1107/2009 li l-Qorti Ġenerali ikkonkludiet li r-rikorrent ma ġiex affettwat direttament.

Fit-tieni parti tal-appell tiegħu, żviluppat fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba għall-annullament tad-digriet ikkontestat u tiddeċiedi li hija stess għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibilità tar-rikors, ir-Région de Bruxelles-Capitale jesponi r-raġunijiet li għalihom ir-rikors tiegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli billi jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

____________

1 ĠU 2017, L 333, p. 10.