Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (Spanja) fis-6 ta’ Awwissu 2019 – MA vs Ibercaja Banco, SA

(Kawża C-600/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Zaragoza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: MA

Appellata: Ibercaja Banco, SA

Parti oħra: PO

Domandi preliminari

Regola nazzjonali li minnha jirriżulta li, jekk klawżola inġusta speċifika tkun għaddiet mill-istħarriġ ġudizzjarju ex officio inizjali mwettaq waqt l-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni, [jiġifieri,] stħarriġ negattiv tal-validità tal-klawżoli tagħha, dan l-istħarriġ jipprojbixxi li, sussegwentement, l-istess qorti tkun tista’ tevalwaha ex officio, meta diġà mill-ewwel mument kienu jeżistu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi, anki jekk dan l-istħarriġ inizjali ma għamel, la fid-dispożittiv tiegħu u lanqas fil-motivazzjoni tiegħu, ebda kunsiderazzjoni dwar il-validità tal-klawżoli tagħha, hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE 1 , hekk kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja?

Il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni li, filwaqt li diġà jkunu jeżistu l-punti ta’ fatt [u] ta’ liġi li jiddeterminaw in-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt konkluż mal-konsumatur, ma topponihiex fil-kuntest tal-opożizzjoni inċidentali prevista għal dan il-għan mil-liġi, tista’, wara li tkun ġiet deċiża din l-oppożizzjoni inċidentali, tressaq talba inċidentali ġdida intiża sabiex tiġi deċiża n-natura inġusta ta’ klawżola oħra jew ta’ klawżoli oħra, meta hija diġà kienet setgħet opponithom inizjalment permezz tal-proċedura ordinarja prevista mil-liġi? Fi kliem ieħor, hemm effett ta’ dekadenza, li jimpedixxi lill-konsumatur milli jqajjem għal darb’oħra n-natura inġusta ta’ klawżola oħra fil-kuntest tal-istess proċeduri ta’ eżekuzzjoni u, inkluż, fi proċeduri dikjaratorji sussegwenti?

Fil-każ li jitqies li l-konklużjoni, li l-parti ma tistax tressaq tieni opożizzjoni inċidentali jew opożizzjoni inċidentali sussegwenti sabiex tinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola li hija setgħet topponi preċedentement peress li diġà kienu ddefiniti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji, hija konformi mad-Direttiva 93/13, dan jista’ jservi ta’ bażi għal użu bħala mezz li bih il-qorti, avżata dwar din in-natura inġusta, tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha ex officio?

Ladarba l-bejgħ bl-irkant ikun ġie aċċettat u l-proprjetà immobbli tkun ingħatat, potenzjalment lill-istess kreditur, u ladarba anki jkun sar it-trasferiment tal-proprjetà tal-beni mogħtija bħala garanzija, tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni interpretazzjoni li abbażi tagħha, ladarba l-proċeduri [jkunu intemmu], u l-għan tagħhom ikun intlaħaq, [jiġifieri] it-twettiq tal-garanzija, id-debitur jista’ jressaq talbiet inċidentali ġodda intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ xi klażwola inġusta li kellha effett fuq il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, jew jista’ [jsir], wara li jkun seħħ it-trasferiment tal-proprjetà, li jista’ jkun [favur] il-kreditur u dan ikun ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet, stħarriġ ex officio li jwassal għall-annullament tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kollha jew fl-aħħar mill-aħħar jaffettwa l-ammonti koperti mill-ipoteka, li jista’ jaffettwa l-kundizzjonijiet li fihom saru l-offerti?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).