Appell ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2019 minn FVE Holýšov I s. r. o. et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-20 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-217/17, FVE Holýšov I s. r. o. et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-850/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: FVE Holýšov I s. r. o., FVE Stříbro s. r. o., FVE Úsilné s. r. o., FVE Mozolov s. r. o., FVE Osečná s. r. o., Solarpark Rybníček s. r. o., FVE Knĕžmost s. r. o., Hutira FVE - Omice a.s., Exit 90 SPV s.r.o., Onyx Energy s.r.o., Onyx Energy projekt II s.r.o., Photon SPV 1 s.r.o., Photon SPV 3 s.r.o., Photon SPV 4 s.r.o., Photon SPV 6 s.r.o., Photon SPV 8 s.r.o., Photon SPV 10 s.r.o., Photon SPV 11 s.r.o., Antaris GmbH, Michael Göde, NGL Business Europe Ltd, NIG NV, GIHG Ltd, Radiance Energy Holding Sàrl, ICW Europe Investments Ltd, Photovoltaik Knopf Betriebs-GmbH, Voltaic Network GmbH, WA Investments-Europa Nova Ltd (rappreżentanti: A. Reuter, H. Wendt, C. Bürger, T. Christner, W. Schumacher, A. Compes, T. Herbold, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tas-Slovakkja

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza taħt l-appell;

tilqa’ r-rikors tagħhom kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 7827 finali tat-28 ta’ Novembru 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.40171 (2015/NN), dwar il-promozzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li s-sommarju tagħha ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, 1 jew alternattivament

tibgħat lura l-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tal-proċedura

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell jirrigwarda (i) it-terminu “għajnuna mill-Istat” fi skemi ta’ enerġija rinnovabbli ffinanzjati mis-settur privat, (ii) l-affidabbiltà tad-deċiżjonijiet tal-konvenuta għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, (iii) il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħhom kontra l-konvenuta dwar bidla fl-attitudni u (iv) il-limiti tal-abbuż minn konvenuta mill-poteri tagħha. L-appellanti jinvokaw tmien aggravji tal-appell.

L-ewwel aggravju: Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ittra tal-konvenuta ta’ Lulju 2004 lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija rilevanti ma tikkostitwixxix deċiżjoni vinkolanti (a) tinterpreta ħażin u tikser il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ x'jikkostitwixxi deċiżjoni u (b) ittieħdet bi ksur tal-proċedura li taffettwa ħażin lill-appellanti.

It-tieni aggravju: L-appellanti talbu li l-konvenuta kienet marbuta b'deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ għajnuna, li għamlet fl-2006 (id-“Deċiżjoni tal-2006”). Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tali motiv kien inammissibbli minħabba li (i) l-appellanti “naqsu milli jidentifikaw dik id-deċiżjoni b'mod preċiż” u (ii) il-motiv li kien sar biss fir-risposta, jikser (a) ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni li tkun imminenti u (b) li tikser ir-regoli proċedurali.

It-tielet aggravju: Iċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tal-aspettattivi leġittimi tal-appellanti li l-konvenuta ser iżżomm id-Deċiżjoni tal-2004 tagħha, id-Deċiżjoni tal-2006 tagħha, u l-aġir tagħha muri mill-2004 sad-deċiżjoni kkontestata tal-2016 huwa illegali. L-ewwelnett, ma jikkunsidrax iċ-ċirkostanzi tal-każ għalkemm ma humiex ikkontestati u jikser il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżiti għal aspettattivi leġittimi. Fit-tieni lok, huwa bbażat fuq ksur tal-proċedura.

Ir-raba’ aggravju: Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali (fis-86 sa 127) li l-Original Promotion Scheme (l-Iskema ta’ Promozzjoni Oriġinali) tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat tinterpreta ħażin it-terminu “għajnuna mill-Istat”. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Original Promotion Scheme ma kinitx tinvolvi riżorsi tal-Istat, li huwa veru irrispettivament minn jekk iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għall-ispiża tal-enerġija rinnovabbli tikkostitwixxix “imposta” jew le. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jikkunsidra li l-eżistenza ta’ “imposta” bħala waħda determinanti (quod non), il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ “imposta” li teżisti tikser id-dritt tal-UE u hija bbażata fuq ksur tal-proċedura.

Il-ħames aggravju: Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, l-appellanti sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali li l-konvenuta imponiet rekwiżiti żejda fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern. Il-Qorti Ġenerali (130 sa 136) ċaħdet dan il-motiv peress li qieset li r-rekwiżit relevanti ta’ “mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid” ma kienx ġie “impost” mill-konvenuta u li kien konformi mal-Linji Gwida tal-Komunità tal-2008 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent. 2 Dan jikser id-dritt tal-UE.

Is-sitt aggravju: Permezz tal-ewwel parti tal-ħames motiv tagħhom, l-appellanti sostnew li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq żbalji fil-fatt. Bis-seba’ motiv tagħhom, l-appellanti sostnew li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali (fil-139 u l-166) ċaħdet dawn iż-żewġ motivi. Din it-tkeċċija kienet ibbażata fuq ksur ta’ proċedura li taffettwa ħażin lill-appellanti. L-ewwel nett, iċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel parti tal-ħames motiv ma kellhiex x’taqsam mas-sustanza tagħha minħabba interpretazzjoni ħażina mill-Qorti Ġenerali tal-imsemmi motiv. Hija ma rriflettietx ukoll il-kontenut tal-imsemmi motiv kif stabbilit fir-risposta. Fit-tieni lok, it-tkeċċija tal-Qorti Ġenerali tas-seba’ motiv ma tirriflettix il-kontenut ta’ dak l-aggravju kif stabbilit fir-risposta.

Is-seba’ aggravju: L-appellanti jsostnu li ċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tat-tieni parti tal-ħames motiv tagħhom, dwar ksur tar-regoli proċedurali mill-konvenuta, tikser id-dritt tal-Unjoni.

It-tmien aggravju: L-appellanti jsostnu li ċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tas-sitt motiv tagħhom dwar l-aġġudikazzjoni illegali mill-konvenuta ta’ kwistjonijiet barra l-intenzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat u l-ksur mill-konvenuta tal-Artikolu 5(1) TUE, jikser id-dritt tal-Unjoni.

____________

1 ĠU 2017 C 69, p. 2.

2 ĠU 2008 C 82, p. 1.