Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Novembru 2019 – M-GmbH vs Finanzamt für Körperschaften

(Kawża C-868/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Berlin-Brandenburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M-GmbH

Konvenut: Finanzamt für Körperschaften

Domandi preliminari

1.     L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi d-dispożizzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 2(2) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ; iktar ’il quddiem l-“UstG”) sa fejn din tipprekludi lil soċjetà, f’dan il-każ GmbH & Co. KG, li s-soċji tagħha, minbarra l-kumpannija li tikkontrolla, ma humiex biss persuni integrati fil-livell finanzjarju fl-impriża tal-kumpannija li tikkontrolla fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(2) tal-UStG, milli tkun kumpannija kkontrollata fil-kuntest ta’ unità fiskali għall-finijiet tal-VAT?

2.    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv :

a.    Fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jista’ jiġġustifika li jiġu esklużi minn unità fiskali għall-finijiet tal-VAT soċjetajiet tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda għaliex il-konklużjoni u l-modifika tal-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ soċjetajiet ma huma suġġetti, fid-dritt nazzjonali, għal ebda rekwiżiti formali, u għaliex il-ftehimiet purament orali jistgħu eventwalment iqajmu diffikultajiet ta’ prova fir-rigward tal-eżistenza tal-integrazzjoni finanzjarja tal-kumpannija kkontrollata?

b.    L-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT hija prekluża meta l-leġiżlatur nazzjonali ma jkunx esprima l-intenzjoni tiegħu li jipprevjeni l-frodi u l-evażjoni fiskali fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.