Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2019 minn Autostrada Wielkopolska S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-24 ta’ Ottubru 2019 fil-Kawża T-778/17, Autostrada Wielkopolska S.A. vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-933/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Autostrada Wielkopolska S.A. (rappreżentanti: O. Geiss, Rechtsanwalt, T. Siakka, dikigoros)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/556 tal-25 ta’ Awwissu 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35356 (2013/C) (l-ex 2013/NN, l-ex 2012/N) implimentata mill-Polonja għal Autostrada Wielkopolska S.A. jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell u tal-proċedura fil-kawża T-778/17 quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-erba’ aggravji li ġejjin:

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali manifestement wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti f’dik il-kawża, għaliex wara li kkonstatat ġustament li l-Kummissjoni kien imissha tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li terġa’ tippreżenta osservazzjonijiet matul il-fażi amministrattiva tal-proċedura (konstatazzjoni li ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell), hija applikat kriterju legali żbaljat (li jeżiġi li jkun stabbilit effett potenzjali fuq id-deċiżjoni), żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni li l-kriterju (legalment żbaljat) ma kienx issodisfatt.

It-tieni aggravju: l-iżbalji ta’ liġi manifesti tal-Qorti Ġenerali jinkludu n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-investitur privat fid-dawl tal-kriterju legali rilevanti, bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, li eċċediet is-setgħat ta’ stħarriġ tagħha billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kkontestata, li qalbet l-oneru tal-prova, nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata, żnaturament tal-provi, nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-prova (dwar il-konstatazzjonijiet rispettivi tagħha u l-obbligu tagħha li teżamina l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji legali applikabbli) u ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Speċifikament, l-iżbalji jirrigwardaw il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni u tevalwa l-bidliet fir-riskji tal-inflazzjoni u r-rata tal-kambju, il-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-liġi tat-28 ta’ Lulju 2005 bħala limitazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni u tevalwa r-riskji ta’ terminazzjoni u ta’ kontenzjuż kif ukoll żbalji dwar l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-tielet element tal-premessa 152.

It-tielet aggravju: billi ċaħdet it-tieni parti tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali manifestement wettqet żball ta’ liġi b’applikazzjoni ħażina tal-kriterji applikabbli, billi ssostitwixxiet illegalment il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, qalbet l-oneru tal-prova, naqset milli tipprovdi motivazzjoni u naqset milli tosserva r-regoli dwar il-provi.

Ir-raba’ aggravju: billi ċaħdet l-ewwel parti tal-ħames motiv, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi bl-iżnaturament tas-sens evidenti tal-provi u n-nuqqas ta’ motivazzjoni.

____________