Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Schleswig-Holsteinischen Verwaltungsgericht (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Novembru 2019 – Deutsche Umwelthilfe eV vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-873/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Deutsche Umwelthilfe eV

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Parti oħra fil-proċedura: Volkswagen AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, konkluża f’Aarhus (id-Danimarka) fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom, bħala prinċipju, ikunu jistgħu jikkontestaw quddiem il-qrati deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza – eventwalment bi ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 2  – il-manifattura ta’ vetturi għal passiġġieri b’mutur tad-diesel li għandhom tagħmir ta’ manipulazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bżonn tat-tagħmir ta’ manipulazzjoni f’termini ta’ protezzjoni tal-magna minn ħsarat jew minn inċidenti u għall-funzjonament sigur tal-vettura għandu jiġi evalwat, bħala prinċipju, fid-dawl tal-livell attwali tat-teknoloġija, fis-sens ta’ dak li huwa teknikament fattibbli fid-data tal-għoti tal-approvazzjoni tat-tip KE?

Minbarra l-livell tat-tekonoloġija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, li jistgħu jirrendu legali tagħmir ta’ manipulazzjoni minkejja li, fid-dawl biss tal-livell tat-teknoloġija fid-data rilevanti, ma hemmx “bżonn” għal dan it-tagħmir fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007?

____________

1     ĠU 2006, L 164M, p. 17.

2     ĠU 2007, L 171, p. 1.