Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-18 ta’ Diċembru 2019 – SA u SA junior vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság u Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

(Kawża C-925/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SA u SA junior

Konvenuti: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság u Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

Domandi preliminari

/(Raġuni ġdida għal inammissibbiltà)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjonijiet inammissibbli tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar proċeduri”) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha applikazzjoni tkun inammissibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż fejn ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ ħsara serja jew fejn huwa ggarantit livell adegwat ta’ protezzjoni?

/(Tmexxja ta’ proċedura ta’ ażil)

a)    L-Artikolu 6 u l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva dwar proċeduri, kif ukoll il-premessa 34 tagħha, li jimponu obbligu ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil ta’ Stat Membru għandha tiggarantixxi lill-applikant il-possibbiltà li jibda’ l-proċedura ta’ ażil fil-każ li hija ma tkunx eżaminat l-applikazzjoni għall-ażil fuq il-mertu billi invokat r-raġuni għal inammissibbiltà msemmija fid-domanda 1 iktar ’il fuq, u sussegwentement jordna t-tneħħija tal-imsemmi applikant lejn Stat terz li madankollu ma aċċettax li dan jerġa jidħol fil-pajjiż?

b)    Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) hija fil-pożittiv, xi jfisser eżattament dan l-obbligu? Dan jinvolvi l-obbligu li tiġi żgurata l-possibbiltà li titressaq applikazzjoni ġdida għall-ażil, u għaldaqstant l-applikazzjoni tal-konsegwenzi negattivi fir-rigward tal-applikazzjonijiet sussegwenti previsti fl-Artikolu 33(2)(d) u fl-Artikolu 40 tad-Direttiva dwar proċeduri hija pprojbita, jew inkella dan ifisser li l-proċedura ta’ ażil għandha tinbeda jew titmexxa ex officio?

ċ)    Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) hija fil-pożittiv, huwa possibbli, anki fid-dawl tal-Artikolu 38(4) tad-Direttiva dwar proċeduri, li l-Istat Membru – sa fejn is-sitwazzjoni fattwali ma tkunx inbidlet – jeżamina mill-ġdid l-inammissibbiltà fil-kuntest ta’ din il-proċedura l-ġdida (u jkun għalhekk jista’ japplika kull tip ta’ proċedura prevista fil-Kapitolu III tad-Direttiva, pereżempju japplika mill-ġdid raġuni għal inammissibbiltà), jew inkella l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi eżaminata fuq il-mertu fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini?

d)    Mill-Artikoli 33(1) u (2)(b) u (c), 35 u 38 tad-Direttiva dwar proċeduri, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta, jirriżulta li wieħed mir-rekwiżiti kumulattivi għall-applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà rispettivament previsti, jiġifieri għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq waħda minn dawn ir-raġunijiet, huwa li l-pajjiż terz jerġa’ jħalli lill-applikant jidħol, jew inkella huwa biżżejjed li jiġi vverifikat li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt biss fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni?

/(Żona ta’ tranżitu inkwantu faċilità ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil)

Dawn id-domandi huma rilevanti jekk hemm lok, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domanda 2, li jkun hemm proċedura ta’ ażil.

a)    L-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti d-detenzjoni tal-applikant f’żona ta’ tranżitu lil hinn minn perijodu ta’ erba’ ġimgħat?

b)    L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33/UE 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar akkoljenza”), applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar proċeduri, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 52(3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, lil hinn mill-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar proċeduri, l-akkomodazzjoni f’żona ta’ tranżitu, f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-kawża prinċipali (żona li minnha ma huwa legalment possibbli ebda tluq volontarju irrispettivament mid-direzzjoni) hija detenzjoni?

ċ)    Huwa kompatibbli mal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar akkoljenza, applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar proċeduri, li, lil hinn mill-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar proċeduri, il-fatt li t-tqegħid f’detenzjoni tal-applikant iseħħ biss għar-raġuni li dan, peress li ma għandux mezzi ta’ sussistenza, ma jistax jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu (akkomodazzjoni u manteniment)?

d)    Huwa kompatibbli mal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva dwar akkoljenza, applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar proċeduri, li l-akkomodazzjoni li tikkostitwixxi detenzjoni de facto u li taqbeż il-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar proċeduri ma tkunx ġiet ordnata permezz ta’ ordni ta’ detenzjoni, li l-applikant ma għandu l-ebda rimedju fir-rigward tal-legalità tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni, li dan it-tqegħid f’detenzjoni de facto seħħ mingħajr eżami la tan-neċessità u tan-natura proporzjonali tiegħu u lanqas tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni prevedibbli, u, li t-tul preċiż tad-detenzjoni, inkluż it-tmiem tagħha, huwa indeterminat?

e)    L-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru, meta jkun manifest li hemm inkwistjoni detenzjoni illegali, tista’, bħala miżura provviżorja, timponi fuq l-awtorità l-obbligu li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, sal-għeluq tal-proċedura amministrattiva kontenzjuża, post ta’ residenza li jkun jinstab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jkunx jikkonsisti f’faċilità ta’ detenzjoni?

/(Żona ta’ tranżitu inkwantu faċilità ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-barranin)

Dawn id-domandi huma rilevanti jekk hemm lok, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domanda 2, li titmexxa proċedura li taqa’ taħt il-kontroll tal-barranin u mhux proċedura ta’ ażil.

Il-premessi 17 u 24, kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115/KE 3 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (iktar ’il-quddiem id-“Direttiva dwar ritorn”), moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-akkomodazzjoni f’żona ta’ tranżitu f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-kawża prinċipali (żona li minnha ma huwa legalment possibbli ebda tluq volontarju irrispettivament mid-direzzjoni) hija ċaħda tal-libertà individwali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

Huwa kompatibbli mal-premessa 16 u mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar ritorn, moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-fatt li t-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz iseħħ biss għar-raġuni li dan huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ ritorn u li, peress li ma għandux mezzi ta’ sussistenza, ma jistax jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu (akkomodazzjoni u manteniment)?

ċ)    Huwa kompatibbli mal-premessa 16 u mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar ritorn, moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 47 u 52(3) tal-Karta, il-fatt li l-akkomodazzjoni li tikkostitwixxi detenzjoni de facto ma ġietx ordnata permezz ta’ ordni ta’ detenzjoni, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandu l-ebda rimedju fir-rigward tal-legalità tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni, li dan it-tqegħid f’detenzjoni de facto seħħ mingħajr eżami la tan-neċessità u tan-natura proporzjonali tiegħu u lanqas tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni prevedibbli?

d)    L-Artikolu 15(1) u (4) sa (6), kif ukoll il-premessa 16 tad-Direttiva dwar ritorn, moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 4, 6 u 47 tal-Karta, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu żamma f’detenzjoni li t-tul preċiż tagħha, inkluż it-tmiem tagħha, huwa indeterminat?

e)    Id-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru, meta jkun manifest li hemm inkwistjoni detenzjoni illegali, tista’, bħala miżura provviżorja, timponi fuq l-awtorità l-obbligu li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, sal-għeluq tal-proċedura amministrattiva kontenzjuża, post ta’ residenza li jkun jinstab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jkunx jikkonsisti f’faċilità ta’ detenzjoni?

/(Rimedju effettiv f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tibdel il-pajjiż ta’ ritorn)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar ritorn, li jipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv sabiex jikkontesta d-“deċiżjonijiet relatati mar-ritorn”, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti għandha teżamina, minn tal-inqas darba, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tibdel il-pajjiż ta’ ritorn, meta r-rimedju previst f’dan il-każ mid-dritt tal-Istat Membru ma jkunx rimedju effettiv.

____________

1 ĠU 2013, L 180, p.60.

2 ĠU 2013, L 180, p. 96.

3 ĠU 2008, L 348, p. 98