Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Jannar 2020 – UK vs Volkswagen Bank GmbH

(Kawża C-33/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Ravensburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UK

Konvenuta: Volkswagen Bank GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)    għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”)) li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(b)    għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)     għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat?

(b)    għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.