Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Iaşi (ir-Rumanija) fil-11 ta’ Diċembru 2019 – BX vs Unitatea Administrativ Teritorială D.

(Kawża C-909/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Iaşi

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BX

Konvenuta: Unitatea Administrativ Teritorială D.

Domandi preliminari

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu impjegat isegwi taħriġ professjonali li huwa impost fuqu, li jseħħ barra mill-ħin normali tax-xogħol tiegħu, fis-sede tal-fornitur tas-servizzi ta’ taħriġ, barra mill-post tax-xogħol tiegħu u li matulu ma jeżerċitax il-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu, huwa “ħin tax-xogħol”?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tistabbilixxi l-ħtieġa għat-taħriġ professjonali tal-impjegat, ma tobbligax lill-persuna li timpjega tirrispetta l-perijodu ta’ mistrieħ tal-impjegat sa fejn dan jikkonċerna ż-żmien li matulu għandhom jiġu segwiti l-korsijiet ta’ taħriġ?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 38.