Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa miz-Zalaegerszegi Járásbíróság (l-Ungerija) fit-12 ta’ Marzu 2020 – Proċeduri kriminali kontra LU

(Kawża C-136/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Zalaegerszegi Járásbíróság

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

LU

Domandi preliminari

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li, ladarba l-Istat Membru emittenti jkun ikklassifika l-aġir issanzjonat taħt waħda mill-klassifikazzjonijiet elenkati fil-lista prevista f’din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkollux iktar marġni diskrezzjonali li permezz tiegħu huwa jkun jista’ jirrifjuta l-eżekuzzjoni u għandu għalhekk jipproċedi bl-eżekuzzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tqis li l-klassifikazzjoni tal-aġir li tkun saret mill-Istat Membru emittenti fid-deċiżjoni tiegħu ma tkunx tikkorrispondi għar-reat li jinsab fil-lista hawn fuq imsemmija?

____________

1 ĠU 2006, L 159M, p. 256