Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Ġunju 2020 – CY vs Eurowings GmbH

(Kawża C-252/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CY

Konvenuta: Eurowings GmbH

Domandi preliminari

Dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 jista’ jeżisti wkoll meta passiġġier jitlef titjira ta’ konnessjoni diretta minħabba dewmien relattivament minuri fil-wasla, li jirriżulta f’dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali ta’ tliet sigħat jew iktar, meta ż-żewġ titjiriet ikunu operati minn trasportaturi tal-ajru differenti u l-prenotazzjoni ma tkunx saret mat-trasportatur tal-ajru li opera t-titjira fl-ewwel parti tal-vjaġġ u li kontrih saret talba fil-kawża prinċipali?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

It-trasportatur tal-ajru li effettivament opera t-titjira li kellha dewmien fl-ewwel parti tal-vjaġġ huwa t-“trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, jew it-“trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 huwa t-trasportatur tal-ajru li opera t-titjira li kienet puntwali fit-tieni parti tal-vjaġġ, li miegħu tkun saret il-prenotazzjoni għaż-żewġ titjiriet?

Jekk iż-żewġ trasportaturi għandhom jitqiesu bħala t-“trasportatur ta’ l-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004:

Il-passiġġier ikollu għalhekk l-għażla kontra liema miż-żewġ trasportaturi jista’ jitlob kumpens?

____________

1     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).