Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal du travail du Brabant wallon, division Wavre (il-Belġju) fl-24 ta’ Lulju 2020 – PR vs Agence fédérale pour l’Accueil des demandeurs d’asile (Fedasil)

(Kawża C-335/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal du travail du Brabant wallon, division Wavre

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: PR

Konvenuta: Agence fédérale pour l’Accueil des demandeurs d’asile (Fedasil)

Domandi preliminari

Id-deċiżjoni ta’ bdil tal-post ta’ reġistrazzjoni obbligatorja ta’ applikant għall-ażil f’ċentru tal-akkoljenza, li l-missjoni prinċipali tiegħu hija li jiffaċilita t-trasferiment ta’ dan l-applikant lejn l-Istat kompetenti li jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni, adottata minn awtorità amministrattiva tal-Istat, u interpretata bħala miżura preparatorja għat-trasferiment effettiv, filwaqt li huwa jkun ippreżenta rikors għal annullament u għal sospensjoni kontra din l-ordni ta’ tneħħija quddiem qorti nazzjonali, tikkostitwixxi diġà l-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni ta’ tneħħija fis-sens tar-Regolament Dublin III 1 ?

Fil-każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, l-uniku rikors li għandu effett sospensiv, jiġifieri r-rikors għal sospensjoni f’każijiet ta’ urġenza estrema previst fl-Artikolu 39/82§4 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin, favur applikant għall-ażil li ġie mistieden jissottoponi l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, u marbut mal-eżekuzzjoni imminenti ta’ ordni ta’ tneħħija jew ta’ refoulement, jikkostitwixxi rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III?

____________

1 Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, Rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)