Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fid-29 ta’ Lulju 2020 – Servizio Elettrico Nazionale SpA et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato et

(Kawża C-377/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Servizio Elettrico Nazionale SpA, ENEL SpA, Enel Energia SpA

Konvenuti: Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, ENEL SpA, Servizio Elettrico Nazionale SpA, Eni Gas e Luce SpA, Eni SpA, Gala SpA, Axpo Italia SpA, E.Ja SpA, Green Network SpA, Ass.ne Codici – Centro per i Diritti del Cittadino

Domandi preliminari

L-aġir li jimmaterjalizza l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fih innifsu jista’ jkun perfettament legali u jiġi kklassifikat biss bħala “abbużiv” minħabba l-effett (potenzjalment) restrittiv prodott fis-suq ta’ referenza; jew għandu jkun ikkaratterizzat wkoll minn komponent speċifiku ta’ illegalità, ikkostitwit bl-użu ta’ “metodi (jew mezzi) kompetittivi oħra” li ma humiex metodi jew mezzi “normali”; u, f’dan l-aħħar każ, abbażi ta’ liema kriterji nistgħu nistabilixxu linja demarkatriċi bejn kompetizzjoni “normali” u kompetizzjoni “distorta”?

L-għan tar-regola li tippenalizza l-abbuż huwa li jimmassimizza l-benesseri tal-konsumaturi, li tiegħu l-qorti għandha l-obbligu li tkejjel it-tnaqqis (jew ir-riskju ta’ tnaqqis); jew is-sanzjoni tal-prattika antikompetittiva għandha l-kompitu li tippreserva fiha nnifisha l-istruttura kompetittiva tas-suq, sabiex tipprevjeni l-ħolqien ta’ aggregazzjonijiet ta’ poter ekonomiku, meqjusa fi kwalunkwe każ bħala ta’ ħsara għall-komunità?

Fil-każ ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fit-tentattiv ta’ preklużjoni taż-żamma tal-livell eżistenti ta’ kompetizzjoni jew l-iżvilupp tagħha, l-impriża dominanti madankollu hija ammessa li tipprova li - minkejja l-kapaċità astratta li tipproduċi l-effett restrittiv - l-aġir ikun irriżulta nieqes minn kwalunkwe dannu konkret; u, fil-każ ta’ tweġiba affermattiva, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż b’esklużjoni atipika, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Awtorità tal-Kompetizzjoni għandha l-obbligu li teżamina fid-dettall l-analiżi ekonomiċi prodotti mill-parti rigward il-kapaċità konkreta tal-aġir taħt investigazzjoni biex jiġu esklużi kompetituri mis-suq?

L-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti għandi jiġi evalwat biss mill-perspettiva tal-effetti tiegħu fuq is-suq (anke jekk biss dawk potenzjali) mingħajr ma jitqies il-motiv suġġettiv tal-operatur; jew l-prova ta’ intenzjoni restrittiva tikkostitwixxi parametru li jista’ jintuża (inkluż fuq bażi esklużiva) biex tiġi evalwata n-natura abbużiva tal-aġir tal-kumpanija dominanti; jew din il-prova tal-element suġġettiv isservi biss biex jiċċaqlaq l-oneru tal-prova għall-impriża dominanti (li jkun meħtieġ, f’dan l-istadju, biex tipprovdi prova li l-effett eskludenti ma seħħx)?

Fil-każ ta’ pożizzjoni dominanti li tinvolvi pluralità ta’ kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji, l-appartenenza f’dan il-grupp hija biżżejjed sabiex jiġi preżunt li anke kumpanniji li ma wettqux l-aġir abbużiv ikkontribwixxew għall-prattika antikompetittiva – b’tali mod li għall-Awtorità tal-Kompetizzjoni jkun suffiċjenti li turi operazzjoni konxja, għalkemm mhux kollużiva, parallela ta’ kumpanniji li joperaw fi ħdan il-grupp dominanti kollettivament - jew (kif inhu l-każ bil-projbizzjoni ta’ akkordji) huwa meħtieġ fi kwalunkwe każ li tiġi pprovduta prova, anke indiretta, ta’ sitwazzjoni konkreta ta’ koordinazzjoni u strumentalizzazzjoni bejn il-kumpanniji varji tal-grupp li jokkupaw pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari sabiex jintwera l-involviment tal-kumpannija omm?

____________