Rikors ippreżentat fit-2 ta' Mejju 2007 - Fernandez García u García Rato vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża F-41/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Brígida Fernandez García (Lussemburgu, il-Lussemburgu) u Carolina García Rato (Lussemburgu, il-Lussemburgu) [rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u E. Marchal, Avukati]

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoniiet li fihom ir-rikorrenti ġew innominati uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej safejn dawn jistabbilixxu l-grad ta' l-impjieg tagħhom skond l-Artikolu 13 ta' l-Anness XIII ta' l-Istatut;

tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Wara li għaddew mill-kompetizzjoni CJ/LA/251, li l-avviż tagħha ġie ppubblikat qabel l-1 ta' Mejju 2004, ir-rikorrenti ġew impjegati wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004 (KE, Euratom), tat-22 ta' Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej2.

Fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma japplikawx il-qafas legali stabbilit fl-avviż tal-kompetizzjoni korrettament. Fil-fatt, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti, huma ġew impjegati fi grad aktar baxx minn dak indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Ir-rikorrenti jqisu wkoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati jmorru kontra l-Artikoli 5, 29 u 31 tar-Regoli tal-Persuna u kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tal-kandidati li għaddew mill-istess kompetizzjoni jew minn kompetizzjoni ta' l-istess livell kienet stabbilita f'livelli differenti, skond jekk kinux impjegati qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi, safejn huma kienu leġittimament jistennew li jiġu impjegati fil-grad indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni għall-postijiet tax-xogħol li kienu applikaw għalihom.

____________

1 - ĠU C 182 A tal-31.7.2002, p.8.

2 - ĠU L 124 tas-27.04.2004, p. 1