Rikors ippreżentat fid-29 ta' Frar 2008 - Simões dos Santos vs L-UASI

(Kawża F-27/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Manuel Simões dos Santos (Alicante, Spanja) (rappreżentant: A. Creus Carreras, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament ta' diversi deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern safejn ma jagħtux eżekuzzjoni korretta tas-sentenza T-435/04, billi ma jirrikonoxxux lir-rikorrent il-bilanċ tal-punti li l-kanċellazzjoni tagħhom kienet ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ukoll il-ħlas ta' interessi moratorji fuq l-ammont li jikkorispondi għad-differenza fis-salarju li kellu jirċievi r-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tat-3 ta' Diċembru 2007 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent fit-8 ta' Awwissu 2007, kif ukoll id-Deċiżjoni Nru PERS-01-07 dwar l-attribuzzjoni tal-punti ta' promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' promozzjoni 2003, id-Deċiżjoni ADM-01-17 li tinterpreta d-Deċiżjoni ADM 03-35 dwar il-karriera u l-promozzjoni ta' l-uffiċjali u l-aġenti temporanji, u l-ittra tal-15 ta' Ġunju 2007, intitolata "Definitive awarding of 2007 promotion points adopted by the Appointing Authority";

tordna lill-UASI iħallas lir-rikorrent l-interessi moratorji fuq l-ammont li jikkorispondi għad-differenza fis-salarju li kien jirċievi kieku l-kanċellazzjoni tal-bilanċ tal-punti ta' mertu ma seħħitx, ikkalkolati b'rata fissa mill-Qorti tal-Prim'Istanza;

tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għall-ispejjeż.

____________