Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-102/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tar-rikorrent li għandha bħala suġġett, minn naħa waħda, il-kumpens għad-danni subiti meta sar il-ġarr tal-beni personali li kienu jinsabu fir-residenza pprovduta lilu minn min kien jimpjegah f'Luanda u min-naħa l-oħra, il-qerda tad-dokumentazzjoni kollha relattiva għal dawn il-beni li nġarrew li jinsabu fil-pussess tal-konvenuta u r-reintegrazzjoni tar-rikorrent fil-pussess ta' dawn il-beni.

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara l-ineżistenza ex lege ta' jew, sussidjarjament, tannulla, id-deċiżjoni li tiċħad it-talba tal-1 ta' Settembru 2007 u, sa fejn neċessarju, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-20 ta' Marzu 2008;

sa fejn neċessarju, tiddikjara l-ineżistenza ex lege ta' jew, sussidjarjament, tannula n-nota tat-18 ta' Lulju 2008;

tikkonstata li membri tal-persunal, jew fil-fatt, delegati tal-konvenuta, fit-30 ta' April 2003 u fit-2 ta' Mejju 2003 daħlu kontra l-volontà tar-rikorrent, fir-residenza pprovduta lilu minn min kien jimpjegah, ħadu xi ritratti, fasslu lista ta' beni personali preżunti tar-rikorrent, imbagħad ipproċedew sabiex jagħtu valur lil kull oġġett fil-lista tal-beni personali, daħlu fil-vettura tar-rikorrent, ħadu pussess tal-beni personali u tal-vettura tar-rikorrent u żgumbraw lir-rikorrent mir-residenza u minn kulma jagħmel magħha;

tikkonstata u tiddikjara l-illegalità ta' dawn il-fatti;

tordna lill-konvenuta tfassal lista li tidentifika bi preċiżjoni, kull element tad-dokumentazzjoni relattiv għall-fatti msemmija iktar 'il fuq u, tinnotifika bil-miktub, lir-rikkorrenti b'din il-lista;

tordna lill-konvenuta sabiex tassigura li kull wieħed mill-elementi tad-dokumentazzjoni jinqered u tipprovdi notifika ta' dan;

tordna lill-konvenuta tirreintegra lir-rikorrent fil-pussess tal-oġġetti personali tiegħu;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lir-rikorrent tas-somma ta' EUR 722 000, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis bħala ekwa u ġusta, bħala kumpens għad-danni subiti mill-fatti msemmija iktar 'il fuq;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lir-rikorrent tal-interessi fuq l-imsemmija sooma li jibdew jiddekorru mid-data tat-talba tal-1 ta' Settembru 2007 sa meta s-somma ta' EUR 722 000 titħallas;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-danni subiti min-nuqqas ta' tfassil u notifika tal-lista tad-dokumentazzjoni, minn għada sa dik il-ġurnata meta l-lista ta' dokumentazzjoni tkun innotifikata lir-rikorrent, tas-somma ta' EUR 100 kuljum, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis bħala ekwa u ġusta;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-danni subiti min-nuqqas ta' qerda materjali, minn għada sa dik il-ġurnata li jsir dan, tas-somma ta' EUR 100 kuljum, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis bħala ekwa u ġusta;

tikkundanna lill-konventuta għall-ħlas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-danni li jirriżultaw min-nuqqas ta' reintegrazzjoni fil-pussess, minn għada sa dik il-ġurnata li jsir dan, tas-somma ta' EUR 100 kuljum, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis bħala ekwa u ġusta;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

____________