Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Middelburg (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-20 ta' Marzu 2012 - Y.S. vs Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

(Kawża C-141/12)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Middelburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Y.S.

Konvenut: Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

Domandi preliminari

Data mogħtija f'nota interna dwar abbozz ta' deċiżjoni dwar il-persuna kkonċernata u li tikkonċerna lil din il-persuna għandha tiġi kkunsidrata bħala data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 2?

Analiżi legali magħmula f'nota interna dwar abbozz ta' deċiżjoni hija data personali fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-data msemmija iktar 'il fuq għandha tiġi kkunsidrata bħala data personali, il-proċessur u/jew l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu wkoll aċċess għal din id-data personali skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 u skont l-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ?

F'dan il-kuntest, il-persuna kkonċernata tista' tinvoka direttament l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tal-UE u, fl-affermattiv, l-espressjoni "filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità [tal-proċess deċiżjonali]" li tinsab f'dan l-artikolu għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt ta' aċċess għan-nota interna dwar abbozz ta' deċiżjoni jista' jiġi rrifjutat fuq il-bażi ta' din ir-raġuni?

Meta l-persuna kkonċernata titlob aċċess għan-nota interna dwar abbozz ta' deċiżjoni, il-proċessur jew l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jipprovdu kopja ta' dan id-dokument sabiex jirrispettaw id-dritt ta' aċċess?

____________

1 - Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2 - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU tat-30.03.2010, C 83, p. 389).