KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2011 (1)

Kawża C‑442/09

Karl Heinz Bablok,

Stefan Egeter,

Josef Stegmeier,

Karlhans Müller,

Barbara Klimesch

vs

Freistaat Bayern

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il‑Ġermanja)]

“Prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament – Regolament (KE) Nru 1829/2003– Prodotti tal-apikultura – Preżenza ta’ polline derivat minn pjanti modifikati ġenetikament – Konsegwenzi – Tqegħid fis-suq – Kunċetti ta’ ‘organiżmu modifikat ġenetikament’ u ‘prodott minn OMĠ’”





1.        Il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) qed tagħmel diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (2).

2.        Dawn id-domandi jikkonċernaw l-istatus legali ta’ prodotti tal-ikel bħall-għasel u tas-supplimenti tal-ikel abbażi tal-polline, fejn ġie kkonstatat li fihom, fi kwantitajiet żgħar, preżenza involontarja ta’ polline li ġej minn pjanti modifikati ġenetikament bħall-qamħirrun MON 810 prodott minn Monsanto u li fih DNA kif ukoll proteini modifikati ġenetikament.

3.        Essenzjalment, dawn id-domandi jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk tali prodott tal-ikel huwiex suġġett għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ttikkettjar u ta’ sorveljanza tal-prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament stabbilita mir-Regolament Nru 1829/2003.

4.        Mir-risposti li se tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja jiddependi, fil-kawża prinċipali, dritt għal kumpens pekunjarju għad-danni tal-apikulturi (3) li jħaddmu ġarar tan-naħal li jinsabu qrib artijiet li jappartjenu lill-Freistaat Bayern u li fuqhom, f’dawn l-aħħar snin, ġie kkultivat il-qamħirrun modifikat ġenetikament MON 810 għal finijiet ta’ riċerka.

5.        B’hekk, din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-problemi marbuta mal-koeżistenza tal-kultivazzjonijiet modifikati ġenetikament u l-produzzjonijiet tradizzjonali li hemm madwarhom. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalissa għażel, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li jħalli lill-Istati Membri jiddefinixxu r-regoli sabiex tiġi żgurata din il-koeżistenza. Tali regoli jistgħu, kif jixhdu d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qalba tal-kawża prinċipali, jikkonsistu fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà speċifika għal dan il-kuntest. L-implementazzjoni ta’ tali sistema ta’ responsabbiltà u b’mod partikolari l-konstatazzjoni ta’ dannu għall-bidwi li jara l-produzzjoni tiegħu kkontaminata, tista’ tagħti lok għall-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk prodott partikolari għandux jiġi kklassifikat jew le bħala prodott tal-ikel modifikat ġenetikament li jkun suġġett, minħabba n-natura tiegħu, għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, ta’ sorveljanza u ta’ ttikkettjar skont ir-Regolament Nru 1829/2003. Din il-problema ta’ klassifikazzjoni hija waħda mill-kwistjonijiet prinċipali ta’ din il-kawża.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel nett, se nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (4) u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (5), u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament li, meta jiġi inkorporat fl-għasel jew jintuża bħala suppliment tal-ikel, ma jkunx jista’ jiżgura iktar l-funzjoni tiegħu fil-proċess tar-riproduzzjoni tal-pjanti, ma jikkostitwix “organiżmu” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

7.        Sussegwentement, se nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa suffiċjenti, sabiex prodott tal-ikel jiġi kkunsidrat bħala li huwa “prodott minn OMĠ”, li dan il-prodott ikun fih materjal li jkun ġej minn pjanti modifikati ġenetikament. Barra minn hekk, se nsostni li l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għasel li jkun fih polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament, kif ukoll is-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ dan il-polline, jikkostitwixxu prodotti tal-ikel li fihom ingredjent prodott minn OMĠ. Se nippreċiża li ma tantx huwa importanti, f’dan ir-rigward, li l-materjal derivat minn pjanta modifikata ġenetikament ikunx inkluż b’mod intenzjonali jew le f’dan il-prodott tal-ikel.

8.        Fl-aħħar nett, se nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-preżenza involontarja f’għasel ta’ polline derivat minn varjetà ta’ qamħirrun, bħall-qamħirrun MON 810, li kiseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenertikament (6), u li minnu ċerti prodotti derivati biss huma awtorizzati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandha l-konsegwenza li t-tqegħid fis-suq ta’ dan l-għasel jeħtieġ awtorizzazzjoni mogħtija skont l-imsemmi regolament. Se ngħid ukoll li l-limiti ta’ tolleranza previsti fl-Artikoli 12(2) u 47(1) tar-Regolament Nru 1829/2003 ma humiex applikabbli b’analoġija għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2001/18

9.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessa 28 tagħha, id-Direttiva 2001/18, kif emendata bir-Regolament Nru 1829/2003 u bir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003 (7), tirregola r-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OMĠ għal skopijiet oħra barra dawk tat-tqegħid fis-suq fil-Komunità u t-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ bħala prodotti jew fi prodotti fil-Komunità, fejn l-użu intenzjonat tal-prodotti jinvolvi r-rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi fl-ambjent.

10.      Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Organiżmi ħajjin, kemm jekk jintefgħu fl-ambjent fi kwantitajiet żgħar jew kbar għal skopijiet sperimentali jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu fl-ambjent u jaqsmu fruntieri nazzjonali u b’hekk jaffetwaw Stati Membri oħra. L-effetti ta’ dan ir-rilaxx fl-ambjent jistgħu jkunu rriversibli.”

11.      Skont il-premessa 5 tal-imsemmija direttiva, “[i]l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent teħtieġ li attenzjoni xierqa tingħata lil kontrolli ta’ riskji minnn rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ GMOs [OMĠ]”.

12.      Barra minn hekk, il-premessa 13 tad-Direttiva 2001/18 tipprovdi li “[i]l-kontenut [tagħha] jieħu in konsiderazzjoni esperjenza internazzjonali f’dan il-qasam u rabtiet ta’ negozju internazzjonali u għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Cartagena fuq il-Biosigurtà [(8)] għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika [(9)]”.

13.      L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-OMĠ jistgħu jiġu rilaxxati intenzjonalment fl-ambjent jew jitqiegħdu fis-suq biss f’konformità mal-parti B jew mal-parti C rispettivament tal-imsemmija direttiva, jiġifieri, prinċipalment, wara notifika ta’ applikazzjoni f’dan is-sens, evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent flimkien ma’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti.

14.      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi li l-effetti potenzjali ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, li jistgħu jseħħu direttament jew indirettament minn trasferiment ta’ ġeni minn OMĠ għall-organiżmi oħra, għandhom jiġu evalwati akkuratament fuq bażi ta’ każ b’każ.

2.      Ir-Regolament Nru 1829/2003

15.      Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1829/2003 tipprovdi li “[i]l-moviment liberu ta’ ikel u għalf siguri u bla periklu hu aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b/mod sinifikattiv għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi tagħhom soċjali u ekonomiċi”.

16.      Il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament tenfasizza li “[g]ħandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana fl-attwazzjoni tal-politika Komunitarja”.

17.      Il-premessa 3 tal-imsemmi regolament, konsegwentement, tipprovdi li “[b]iex tiġi protetta s-saħħa umana u ta’ l-annimali, ikel u għalf li jikkonsistu fi, li fihom jew li huma prodotti minn [OMĠ] (minn hawn’il quddiem imsejħa ikel u għalf modifikati ġenetikament) għandhom jgħaddu minn verifika ta’ sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità”.

18.      Il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1829/2003 tippreċiża li “ikel u għalf modifikati ġenetikament għandhom jiġu awtorizzati li jitqiegħdu fis-suq Komunitarju biss wara li ssir valutazzjoni xjentifika ta’ l-ogħla standard possibbli, li għandha titwettaq taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel [(10)], ta’ kull riskju li jkun fihom għas-saħħa umana u ta’ l-annimali u, kif ikun il-każ, għall-ambjent”.

19.      Skont il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament “meta OMĠ użat fil-produzzjoni ta’ ikel u/jew għalf ikun ġie awtorizzat taħt dan ir-Regolament, ikel u/jew għalf li jkun fihom, jikkonsistu fi jew li huma prodotti minn dak il-OMĠ ma jkollhomx bżonn ta’ awtorizzazzjoni taħt dan ir-Regolament, iżda jkunu suġġetti għall-ħtiġiet imsemmija fl-awtorizzazzjoni mogħtija rigward l-OMĠ”.

20.      Skont il-premessa 16 tal-imsemmi regolament, dan “għandu jkopri ikel u għalf prodott ‘minn’ OMĠ iżda mhux ikel u għalf ‘ma [permezz ta’]’ OMĠ. Il-kriterju determinanti hu jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament hux preżenti fl-ikel jew fl-għalf jew le”.

21.      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1829/2003 jistabbilixxi lista ta’ definizzjonijiet ta’ kunċetti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jekk ikun il-każ permezz ta’ referenza għad-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti mogħtija mid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (11), id-Direttiva 2001/18 jew ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (12).

22.      Din il-lista tinkludi, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li ġejjin:

–        “ikel”: kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem;

–        “organiżmu”: kwalunkwe entità bijoloġika li kapaċi tirreplika [tirriproduċi] ruħha jew li titrasferixxi materjal ġenetiku;

–        “[OMĠ]”: organiżmu, ħlief għall-bniedem, li l-materjal ġenetiku tiegħu ġie mmodifikat b’mod li ma jsirx naturalment permezz ta’ multiplikazzjoni u/jew rikombinazzjoni naturali;

–        “rilaxx intenzjonat”: kwalunkwe introduzzjoni intenzjonata fl-ambjent ta’ OMĠ jew kombinazzjoni ta’ OMĠ li għalihom ma jintużawx miżuri ta’ ħażna biex jillimitaw il-kuntatt tagħhom ma’, u tipprovdi livell għoli ta’ sigurtà għall-popolazzjoni inġenerali u l-ambjent;

–        “stima [evalwazzjoni] ta’ riskju ambjentali”: l-evalwazzjoni ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kemm dirett kif ukoll indirett, immedjat jew mhux immedjat, li jista jimponi r-rilaxx intenzjonat jew it-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ;

–        “ikel modifikat ġenetikament”: ikel li jkun fih, jikkonsisti fi jew huwa prodott minn OMĠ;

–        “organiżmu modifikat ġenetikament għall-użu fl-ikel”: OMĠ li jista’ jintuża bħala ikel jew bħala materjal bażiku għall-produzzjoni tal-ikel;

–        “prodott minn OMĠ”: derivat, għalkollox jew f’parti, minn OMĠ, iżda li ma jkunx fih jew ma jikkonsistix f’OMĠ;

–        “ingredjent”: kwalunkwe sustanza, inklużi additivi, użata fil-manifattura jew fil-preparazzjoni tal-ikel u li tibqa’ preżenti meta jitlesta l-prodott, anke f’forma alterata.

23.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003, fir-rigward tal-ikel modifikat ġenetikament, huwa ddeterminat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Fih huwa ppreċiżat li s-sezzjoni intitolata “Awtorizzazzjoni u superviżjoni” tikkonċerna:

“(a)      OMĠ għall-użu fl-ikel;

(b)      ikel li fih jew jikkonsisti fi OMĠ;

(ċ)      ikel prodott minn jew li fih ingredjenti prodotti minn OMĠ.”

24.      Skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament:

“L-ebda persuna ma għandha tqiegħed fis-suq OMĠ għall-użu bħala ikel jew ikel imsemmi fl-Artikolu 3(1) sakemm ma jkunx kopert b’awtorizzazzjoni mogħtija skont din is-Sezzjoni u l-kondizzjonijiet rilevanti tal-awtorizzazzjoni jkunu ġew osservati.”

25.      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1829/2003 jissuġġetta l-awtorizzazzjoni għall-wiri, b’mod partikolari, li l-OMĠ jew il-prodott tal-ikel modifikat ġenetikament ma għandhomx effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq is-saħħa tal-annimali jew fuq l-ambjent.

26.      Skont l-Artikolu 7(5) tal-istess regolament, l-awtorizzazzjoni mogħtija skont il-proċeduri msemmija f’dan ir-regolament għandha tkun valida fil-Komunità kollha għal għaxar snin u tkun tista’ tiġġedded.

27.      Fir-rigward tal-prodotti eżistenti, l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament jipprovdi dan li ġej:

“1.      B’deroga mill-Artikolu 4(2), il-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-Sezzjoni li jkunu tqiegħdu fis-suq legalment fil-Komunità qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jiġu użati u proċessati sakemm jiġu osservati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      fil-każ ta’ prodotti mqegħdin fis-suq taħt id-Direttiva 90/220 […] qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 258/97 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid] (13) jew skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 258/97, l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti konċernati għandhom, fi żmien sitt xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-data li fiha ġew l-ewwel darba mqegħdha fis-suq fil-Komunità;

(b)      fil-każ ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq fil-Komunità legalment iżda li ma humiex koperti mill-punt (a), l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti konċernati għandhom, fi żmien sitt xhur wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jinnotifikaw lill-Kummissjoni li l-prodotti tqiegħdu fis-suq fil-Komunità qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.      In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha magħha d-dettalji msemmija fl-Artikolu 5(3) u (5), kif ikun xieraq, li l-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Awtorità u lill-Istati Membri. L-Awtorità għandha tgħaddi lil-laboratorju ta’ referenza Komunitarju d-dettalji msemmija fl-Artikolu 5(3)(i) u (j). Il-laboratorju ta’ referenza Komunitarju għandu jittestja u jivvalida l-metodu ta’ sejbien u identifikazzjoni propost mill-applikant.

3.      Fi żmien sena mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u wara li jkun verifikat li l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun ġiet sottomessa u eżaminata, il-prodotti in kwistjoni għandhom jitniżżlu fir-Reġistru. […]

4.      Fi żmien disa’ snin mid-data li fiha l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1(a) tqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq, iżda f’ebda każ qabel ma jgħaddu tliet snin mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi responsabbli għat-tqegħid tagħhom fis-suq għandhom jissottomettu applikazzjoni konformi ma’ l-Artikolu 11, li għandu jgħodd mutatis mutandis.

Fi żmien tliet snin mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jissottomettu applikazzjoni konformi ma’ l-Artikolu 11, li għandu jgħodd mutatis mutandis.

[…]”

28.      Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1829/2003, wara li tkun inħarġet awtorizzazzjoni skont dan ir-regolament, id-detentur tal-awtorizzazzjoni u l-partijiet ikkonċernati għandhom josservaw il-kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet kollha li jkunu ġew imposti fl-awtorizzazzjoni u għandhom b’mod partikolari jiżguraw li prodotti li ma humiex koperti bl-awtorizzazzjoni ma jitqegħdux fis-suq bħala ikel jew għalf.

29.      L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Tikkettjar”, jipprovdi:

“1.      Din is-Sezzjoni għandha tapplika għal ikel li għandu jiġi konsenjat bħala tali lill-konsumatur aħħari jew lil fornituri ta’ ikel bil-massa fil-Komunità u li:

(a)      ikun fih jew jikkonsisti fi OMĠ; jew

(b)      hu prodott minn jew fih ingredjenti prodotti minn OMĠ.

2.      Din is-Sezzjoni ma għandhiex tapplika għal ikel li jkun fih materjal li fih, jikkonsisti fi jew hu prodott minn OMĠ fi proporzjon mhux ogħla minn 0,9 fil-mija ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel kkonsidrati individwalment jew ikel li jikkonsisti f’ingredjent wieħed, sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli.

[...]”

30.      L-Artikolu 47 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri transitorji għall-preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ materjal modifikat ġenetikament li jkun ibbenefika minn valutazzjoni favorevoli tar-riskju” jistipula:

“1.      Il-preżenza f’ikel jew f’għalf ta’ materjal li fih, jikkonsisti fi jew hu prodott minn OMĠ fi proporzjon mhux ogħla minn 0,5 % ma għandhiex titqies bħala ksur ta’ l-Artikolu 4(2) […], basta li:

(a)      din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli;

(b)      il-materjal modifikat ġenetikament ibbenefika minn opinjoni favorevoli mill-Kumitat(i) Xjentifiku Komunitarju jew mill-Awtorità qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(ċ)      l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet rifjutata skond il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti; u

(d)      il-metodi ta’ sejbien huma disponibbli pubblikament.

[…]

5.      Dan l-Artikolu għandu jibqa’ applikabbli għal perjodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

3.      Id-Direttiva 2001/110/KE 

31.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110 tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (14) jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I. Dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw ma’ r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.”

32.      Il-punt 1 tal-Anness I għal din id-direttiva jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“L-għasel huwa s-sustanza naturali ħelwa magħmula min-naħal Apis mellifera min-nektar tal-pjanti jew minn tnixxijiet ta’ partijiet ħajja ta’ pjanti jew eskrezzjonijiet ta’ insetti li jerdgħu mill-pjanti fuq il-partijiet ħajja tal-pjanti, li n-naħal jiġbru, jittrasformaw billi jikkombinaw ma’ sustanzi speċifiċi tagħhom stess, jiddepositaw, [jiddiżidrataw], jaħżnu u jħallu fix-xehdi ta’ l-għasel sabiex isiru u jimmaturaw.”

33.      Fl-ewwel sat-tielet paragrafi tal-Anness II għall-istess direttiva jiġi ppreċiżat li:

“L-għasel jikkonsisti essenzjalment f’zokkrijiet differenti, speċjalment frittosju u glukosju kif ukoll sustanzi oħra bħal aċidi organiċi, enżimi u partikoli solidi derivati mill-ġbir ta’ l-għasel. […]

Meta mqiegħed fis-suq bħala għasel jew użat fi kwalunkwe prodott intenzjonat għal konsum mill-bniedem, għasel ma’ għandux jiżdied miegħu ebda ingredjent ta’ ikel, inklużi addittivi ta’ l-ikel, u l-anqas addizzjonijiet oħra ma għandhom isiru ħlief l-għasel. L-għasel għandu, kemm jista’ jkun, ikun ħieles minn materji organiċi jew inorganiċi barranin għall-kompożizzjoni tiegħu. […]

Mingħajr preġudizzju għall-Anness I, punt 2(b)(viii), l-ebda polline jew kostitwent partikolari għall-għasel ma jista’ jitneħħa ħlief fejn dan hu inevitabbli fit-tneħħija ta’ materjal inorganiku jew organiku [barrani].”

B –    Id-dritt nazzjonali

34.      L-Artikolu 36a tal-Liġi dwar l-inġinerija ġenetika (Gentechnikgesetz, iktar’il quddiem il-“GenTG”), introdott bil-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2004 (15), jipprovdi dan li ġej:

“(1)      It-trasferiment tal-karatteristiċi ta’ organiżmu li huma bbażati fuq manipulazzjonijiet ġenetiċi, jew kwalunkwe introduzzjoni oħra ta’ [OMĠ] jikkostitwixxi bidla sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 906 tal-Kodiċi Ċivili [Bürgerliches Gesetzbuch, iktar’il quddiem il-‘BGB’] meta, minħabba dan it-trasferiment jew dik l-introduzzjoni l-oħra, xi prodotti, b’mod partikolari, kontra l-intenzjoni tal-persuna li hija awtorizzata li tikseb profitt minnhom,

1.      ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq, jew

2.      jistgħu jitqiegħdu fis-suq, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, biss jekk ikollhom tikkettjar li jsemmi l-modifikazzjoni ġenetika […]”

35.      L-Artikolu 906(2) tal-BGB, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit-2 ta’ Jannar 2002 (16), jipprovdi:

“L-istess japplika meta l-bidla sostanzjali tkun ġejja minn użu tal-proprjetà l-oħra li jkun konformi mad-drawwiet lokali, u li ma tistax tiġi mfixkla minn miżuri li jistgħu raġonevolment jiġu mitluba, fuq il-livell ekonomiku, minn dan it-tip ta’ utenti. Il-proprjetarju li, abbażi ta’ din ir-regola, huwa obbligat jittollera ħsara, jista’ jeżiġi mingħand il-proprjetarju tal-proprjetà l-oħra kumpens pekunjarju xieraq meta l-imsemmija ħsara tbiddel l-użu konformi mad-drawwiet lokali tal-proprjetà tiegħu jew il-profitt li dan iġib lil hinn minn dak li jista’ jiġi raġonevolment mitlub mingħandu.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

36.      Fl-1998, Monsanto kisbet, b’implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE, tat-22 ta’ April 1998, rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. linja MON 810), skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (17), awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-qamħirrun modifikat ġenetikament MON 810 (18).

37.      Diversi prodotti derivati mil-linja MON 810 ġew awtorizzati abbażi tar-Regolament Nru 258/97 u ġew innotifikati wkoll bħala prodotti eżistenti skont l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 1829/2003. Dawn huma d-dqiq tal-qamħirrun, il-gluten tal-qamħirrun, is-semolina tal-qamħirrun, il-lamtu tal-qamħirrun, il-glukożju tal-qamħirrun u ż-żejt tal-qamħirrun.

38.      Fl-2007, Monsanto ppreżentat applikazzjoni biex jiġġeddu dawn l-awtorizzazzjonijiet. Din l-applikazzjoni għadha qed tiġi eżaminata. Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1829/2003, it-terminu ta’ awtorizzazzjoni jiġi awtomatikament imġedded sakemm tittieħed deċiżjoni.

39.      Madankollu, il-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 ġiet ipprojbita fil-Ġermanja b’deċiżjoni, tas-17 ta’ April 2009, tal-Bundesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (l-Uffiċċju Federali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u għas-Sigurtà tal-Ikel) li ordna s-sospensjoni provviżorja tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

40.      Il-qamħirrun modifikat ġenetikament MON 810 fih ġene tal-batterju tal-ħamrija Bacillus thuringiensis (Bt), li jikkawża l-formazzjoni ta’ tossini Bt fil-pjanta tal-qamħirrun. Dawn it-tossini Bt jippermettu li jiġi miġġieled ix-xagħat tat-taqqab il-qmuħ (corn borer), speċi ta’ farfett parassita tal-qamħirrun li l-larvi tiegħu, fil-każ ta’ infestazzjoni, idgħajfu l-pjanta tal-qamħirrun fl-iżvilupp tagħha. It-tossini Bt jeqirdu ċ-ċelluli tal-intestini tal-larvi, u dan iwassal għal mewthom.

41.      Il-Freistaat Bayern huwa l-proprjetarju ta’ diversi artijiet fejn matul l-aħħar snin il-qamħirrun MON 810 ġie kkultivat għal finijiet ta’ riċerka. Huwa ma jeskludix li jerġa’ jibda din il-kultivazzjoni wara li tiskadi l-projbizzjoni ordnata għat-territorju federali kollu.

42.      K. H. Bablok huwa apikultur dilettant. Qrib l-artijiet tal-Freistaat Bayern, huwa jipproduċi għasel intiż għall-bejgħ u għall-konsum personali. Sal-2005, huwa kien jipproduċi anki l-polline li kien jinbiegħ bħala prodott tal-ikel, fil-forma ta’ supplimenti tal-ikel. Huwa għandu l-ħsieb li jerġa’ jibda jipproduċi l-polline meta jiġi eskluż ir-riskju li jiġi introdott polline modifikat ġenetikament.

43.      S. Egeter, J. Stegmeier, K. Müller kif ukoll B. Klimesch ingħaqdu mal-proċedura nazzjonali fl-istadju tal-appell. Huma wkoll huma apikulturi dilettanti, uħud minnhom unikament għal finijiet ta’ konsum personali. Il-ġarar tan-naħal tagħhom jinsabu bejn kilometru u tliet kilometri’l bogħod mill-artijiet tal-Freistaat Bayern.

44.      Polline, miġbur min-naħal biex jikluh, jista’ jkun inkorporat mal-għasel jew aċċidentalment, min-naħal stess waqt li jkunu għaddejjin bil-produzzjoni tal-għasel tagħhom, jew teknikament, minħabba ċ-ċentrifugazzjoni tax-xehdiet meta jinġabar l-għasel, li jista’ jwassal għall-estrazzjoni, minbarra tal-kontenut tat-toqob tax-xehdiet tal-għasel li jkun fihom l-għasel, anki tal-kontenut tat-toqob ġirien maħsuba għall-polline.

45.      Fl-2005, fil-polline tal-qamħirrun miġbur minn K. H. Bablock f’ġarar tan-naħal li kienu jinsabu 500 metru’l bogħod mill-qasam agrikolu sperimentali tal-Freistaat Bayern ġiet ikkonstatata l-preżenza, min-naħa l-waħda, tad-DNA MON 810, fi proporzjon ta’ 4.1 % meta pparagunat mad-DNA totali tal-qamħirrun, u mill-oħra, ta’ proteini transġeniċi (it-tossina Bt).

46.      Barra minn hekk, f’uħud mill-kampjuni tal-għasel ta’ K. H. Bablok ġiet osservata wkoll il-preżenza ta’ kwantitajiet ferm żgħar ta’ DNA MON 810, li kienu ġejjin mill-introduzzjoni tal-polline ta’ dan il-qamħirrun.

47.      Fid-data meta ngħatat id-deċiżjoni tar-rinviju, il-preżenza tad-DNA MON 810 ma kinitx ġiet osservata fil-prodotti tal-apikultura tar-rikorrenti l-oħra.

48.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, bejn K. H. Bablok et u l-Freistaat Bayern, sostnut minn Monsanto Technology LLC, Monsanto Agrar Deutschland GmbH u Monsanto Europe SA, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi b’mod partikolari jekk, minħabba l-polline tal-qamħirrun MON 810, il-prodotti tal-apikultura inkwistjoni humiex is-suġġett ta’ “bidla sostanzjali” fis-sens tal-Artikolu 36a tal-GenTG u tal-Artikolu 906(2) tal-BGB u li, b’hekk, ma humiex adatti għall-kummerċjalizzazzjoni jew għall-konsum (19).

49.      Fl-ewwel istanza, permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Mejju 2008, il-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg ikkunsidrat li l-introduzzjoni tal-polline tal-qamħirrun MON 810 kienet tagħmel mill-għasel u mis-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ polline, prodotti tal-ikel suġġetti għal awtorizzazzjoni, b’tali mod li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, dawn il-prodotti ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq jekk ma jkollhomx tali awtorizzazzjoni (20).

50.      K. H. Bablok, il-Freistaat Bayern kif ukoll Monsanto Technology LLC u Monsanto Agrar Deutschland GmbH ippreżentaw appell mis-sentenza tal-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.

51.      Quddiem dik il-qorti, il-Freistaat Bayern kif ukoll Monsanto Technology LLC u Monsanto Agrar Deutschland GmbH isostnu li r-Regolament Nru 1829/2003 ma huwiex applikabbli għall-polline tar-razza tal-qamħirrun MON 810, preżenti fl-għasel jew li jintuża bħala suppliment tal-ikel, għaliex il-konsegwenzi ta’ introduzzjoni naturali u minima fil-prodotti tal-ikel ġew eżaminati u, konsegwentement, awtorizzati meta ngħatat l-awtorizzazzjoni għar-rilaxx tal-polline fl-ambjent skont id-Direttiva 2001/18.

52.      Huma jiddefendu wkoll il-fehma li l-polline preżenti fl-għasel jew użat bħala suppliment tal-ikel ma huwiex “OMĠ” fis-sens tar-Regolament Nru 1829/2003 għaliex, fil-mument tal-inkorporazzjoni fl-għasel jew tal-użu fl-ikel, b’mod partikolari fil-forma ta’ suppliment tal-ikel, huwa ma jibqagħlu l-ebda kapaċità konkreta u individwali għar-riproduzzjoni u li s-sempliċi preżenza ta’ DNA u/jew ta’ proteini transġeniċi ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

53.      Skont dawn l-istess partijiet, ir-Regolament Nru 1829/2003 ma huwiex, f’kull każ, applikabbli għall-għasel sa fejn dan jikkostitwixxi prodott tal-ikel li joriġina mill-annimali. Jekk dan ir-regolament jiġi kkunsidrat bħala applikabbli, ikun hemm lok li tingħata interpretazzjoni restrittiva tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni inklużi fih. Fil-każ ta’ introduzzjoni aċċidentali tal-polline tar-razza tal-qamħirrun MON 810 preżenti b’mod għalkollox legali fin-natura, awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-għasel tkun neċessarja biss jekk jinqabeż il-limitu ta’ 0.9 %, kif inhu previst fil-qasam tat-tikkettjar fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament.

54.      Il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tosserva li l-kultivazzjoni tal-qamħirrun tar-razza MON 810, li kienet issir fl-imgħoddi u li tista’ terġa’ tibda iktar’il quddiem, hija ammissibbli mil-lat legali, sakemm tiġi mġedda l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, u li K. H. Bablok et konsegwentement, għandhom jittollerawha skont l-Artikolu 906(2) tal-BGB.

55.      Inkunsiderazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, hija tispjega li l-kwistjoni tal-bidla sostanzjali tal-prodotti tal-apikultura, li hija determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, tiddependi minn jekk, fil-każ ta’ introduzzjoni ta’ polline tar-razza tal-qamħirrun MON 810, dawn il-prodotti jistgħux iktar, bħala prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament, jitqiegħdu fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, jew jekk, f’kull każ, jistgħux jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikollhom tikkettjar li jsemmi l-modifikazzjoni ġenetika.

56.      Hija tenfasizza li l-preżenza tal-polline tar-razza tal-qamħirrun MON 810 tista’ tipproduċi tali konsegwenzi biss jekk il-prodotti tal-apikultura li jkun fihom dan il-polline jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003.

57.      Il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tikkonstata li din il-kwistjoni tiddependi, qabel xejn, minn jekk polline tal-qamħirrun bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex “organiżmu” fis-sens tal-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament u “OMĠ” fis-sens tal-Artikolu 2(5) tal-istess regolament, fejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirreferu għad-definizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kunċetti mogħtija mid-Direttiva 2001/18.

58.      Fil-fehma tagħha, il-polline tal-qamħirrun huwa organiżmu, peress li, għalkemm huwa stess ma jistax jimmultiplika ruħu, huwa jista’, bħala ċellula sesswali maskili, jittrasferixxi f’kundizzjonijiet naturali l-materjal ġenetiku liċ-ċelluli sesswali femminili.

59.      Madankollu, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tosserva li l-polline tal-qamħirrun jitlef ferm malajr, minħabba li jinxef, il-kapaċità tiegħu għall-fertilizzazzjoni ta’ fjura tal-qamħirrun femminili, b’tali mod li ma jkunx iktar organiżmu ħaj li jista’ jiffunzjona matul il-perjodu kollu tal-maturazzjoni tal-għasel, sa mill-mument meta dan tal-aħħar, li jinkorpora l-polline, ikun maħżun fix-xehdiet tal-għasel u ssiġillat fihom. Hija żżid ukoll li l-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-polline inkluż fil-prodotti abbażi ta’ polline, fil-mument fejn dawn tal-aħħar ikunu maħsuba sabiex jittieklu, b’mod partikolari fil-forma ta’ supplimenti tal-ikel.

60.      Skont il-qorti tar-rinviju, ċertu numru ta’ elementi jagħtu lok sabiex wieħed jaħseb li l-kunċetti ta’ organiżmu u ta’ OMĠ jistgħu jirreferu biss għal entità li tista’ tiffunzjona, jiġifieri entità bijoloġika ħajja. Ma huwiex suffiċjenti li l-polline tal-qamħirrun mejjet ikun fih DNA transġeniku jew proteini transġeniċi. Id-definizzjonijiet ta’ “organiżmu” u ta’ “OMĠ” mogħtija mid-Direttiva 2001/18 jimplikaw ċertament li l-informazzjoni ġenetika inkluża tkun tista’ tiġi ttrasferita b’mod konkret lil destinatarju adegwat għall-finijiet ta’ rikombinazzjoni. Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tikkorrobora din l-analiżi. L-imsemmija direttiva b’hekk tidher li tadotta b’mod determinanti żewġ kriterji li jimxu id f’id, jiġifieri dawk tal-vijabbiltà u tal-fertilità, u mhux is-sempliċi trasport tad-DNA li ma għadux kapaċi jirriproduċi ruħu naturalment u b’mod awtonomu.

61.      Madankollu, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tistaqsi jekk interpretazzjoni f’dan is-sens tmurx kontra l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali li għandu r-Regolament Nru 1829/2003 li, skont il-premessi 1 sa 3 tiegħu kif ukoll skont il-premessa 9, għandu l-għan li jħalli li jitqiegħdu fis-suq biss il-prodotti tal-ikel u l-għalf li jkunu siguri, bla periklu u li jissodisfaw rekwiżiti tal-ogħla standard possibbli. Jekk mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu esklużi prodotti tal-ikel li fihom DNA modifikat ġenetikament jew proteini modifikati ġenetikament fi kwantitajiet bla limitu, dan jista’ jirriżulta f’inkompatibbiltà ma’ tali għan. Għaldaqstant, l-element rilevanti fil-kuntest tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel għall-bniedem, jista’ jkun qiegħed inqas fil-kapaċità konkreta għar-riproduzzjoni tal-OMĠ milli fil-preżenza ta’ materjal modifikat ġenetikament.

62.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-kunċett ‘[OMĠ]’, kif iddefinit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament […] Nru 1829/2003 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll materjal minn pjanti modifikati ġenetikament (f’dan il-każ, polline mir-razza tal-qamħirrum [modifikat ġenetikament] MON 810) li għalkemm jinkorpora DNA modifikat ġenetikament u proteini modifikati ġenetikament (f’dan il-każ, it-toxin Bt), fil-mument li jagħmel parti mill-ikel (f’dan il-każ għasel) jew ikun intiż għall-użu bħala ikel/suppliment tal-ikel ma jkollux (jew ma jkollux iktar) il-kapaċità speċifika jew individwali li jirriproduċi?

(2)      Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

(a)      Huwa biżżejjed, fi kwalunkwe każ, li, sabiex ikel jitqies bħala ‘prodott minn OMĠ’ fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament […] Nru 1829/2003, għandu jinkludi materjal li joriġina minn pjanti modifikati ġenetikament li qabel kellu l-kapaċità speċifika jew individwali li jirriproduċi?

(b)      Jekk tingħata risposta pożittiva għal din id-domanda:

Il-kunċett ‘prodott minn OMĠ’, fis-sens tal-Artikolu 2(10) u tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-OMĠ, ma jeżiġix proċess ta’ produzzjoni intenzjonali u partikolari, u jkopri wkoll il-kontaminazzjoni involontarja u aċċidentali ta’ OMĠ (preċedenti) fi prodott tal-ikel (fil-każ inkwistjoni, għasel jew polline bħala suppliment tal-ikel)?

(3)      Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament […] Nru 1829/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li kull kontaminazzjoni ta’ ikel mill-annimali, bħall-għasel, dovut għal materjal modifikat ġenetikament li huwa legalment preżenti fl-ambjent, għandha l-effett li tissuġġetta tali ikel għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni u sorveljanza prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, jew huwa possibbli li jiġu applikati mutatis mutandis il-limiti applikabbli f’każijiet oħra (f’dan il-każ, pereżempju, fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament)?”

III – Analiżi

63.      L-ewwel żewġ domandi li għamlet il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof għamlithom sabiex issir taf jekk is-sitwazzjoni fejn polline tar-razza tal-qamħirrun modifikat ġenetikament MON 810 jinstab fl-għasel jew jintuża bħala suppliment tal-ikel, hijiex koperta mir-Regolament Nru 1829/2003. It-tielet domanda, min-naħa tagħha, saret sabiex jiġi ppreċiżat x’inhuma l-konsegwenzi tal-inklużjoni ta’ tali prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

A –    Fuq l-ewwel domanda

64.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof essenzjalment tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament li, meta jiġi inkorporat fl-għasel jew jintuża bħala suppliment tal-ikel, ma jibqax f’kundizzjoni li jiżgura l-funzjoni tiegħu fil-proċess tar-riproduzzjoni tal-pjanti, jikkostitwixxix “organiżmu” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

65.      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1829/2003 jirreferi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organiżmu” inkluża fid-Direttiva 2001/18. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li tikkostitwixxi organiżmu “kwalunkwe entità bijoloġika li kapaċi tirreplika ruħha jew li tittrasferixxi materjal ġenetiku”.

66.      Ir-referenza espliċita li jagħmel ir-Regolament Nru 1829/2003 b’hekk timplika li l-kunċett ta’ organiżmu għandu jkollu l-istess tifsira fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi.

67.      Per se, id-diċitura tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 ma tippermettix li tingħata risposta b’mod evidenti għad-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju. Minkejja dan, sa fejn il-kapaċità li tirriproduċi ruħha jew li tittrasferixxi materjal ġenetiku tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi li jippermettu li tiġi identifikata entità ħajja, l-istess bħall-kapaċità tagħha li tibqa’ ħajja u li tiżviluppa skont l-ambjent li fih hija tevolvi, diġà hemm it-tendenza li wieħed jaħseb, sempliċiment wara li jaqra l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18, li l-leġiżlatur Komunitarju adotta diċitura maħsuba sabiex tiddefinixxi bħala organiżmi biss l-entitajiet bijoloġiċi li għandhom tabilħaqq, fil-mument li tqum il-kwistjoni jekk jistgħux jiġu kklassifikati bħala OMĠ, il-kapaċità li jirriproduċu rwieħhom jew li jittrasferixxu materjal ġenetiku. Peress li l-bijoloġija tista’ tiġi ddefinita bħala x-xjenza tal-ħajja u, b’mod speċjali, bħala l-istudju taċ-ċiklu riproduttiv tal-ispeċi ħajjin, il-kombinazzjoni tal-espressjoni “entità bijoloġika” mal-element tal-frażi “kapaċi tirreplika ruħha jew li tittrasferixxi materjal ġenetiku” tista’ tidher xi ftit żejda jekk hija ma kinitx maħsuba biex tirreferi biss għall-entitajiet bijoloġiċi fi stat ta’ attività li għadhom kapaċi jirriproduċu rwieħhom jew jittrasferixxu l-materjal ġenetiku tagħhom.

68.      Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2001/18 iwassluni naħseb li “organiżmu”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha, tirreferi biss għall-organiżmi ħajjin, jiġifieri l-entitajiet li l-funzjonijiet vitali tagħhom għadhom jaħdmu u, l-ewwel waħda fosthom, il-funzjoni tar-riproduzzjoni.

69.      Qabel xejn, il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tippreċiża li l-“[o]rganiżmi ħajjin [(21)], kemm jekk jintefgħu fl-ambjent fi kwantitajiet żgħar jew kbar għal skopijiet sperimentali jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu fl-ambjent u jaqsmu fruntieri nazzjonali u b’hekk jaffetwaw Stati Membri oħra. L-effetti ta’ dan ir-rilaxx fl-ambjent jistgħu jkunu rriversibli”. Għaldaqstant, jekk l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jinqara fid-dawl ta’ din il-premessa, wieħed jista’ jiddeduċi li, meta qed jirreferi għal “entit[ajiet] bijoloġi[ċi] li kapaċi [jirreplikaw irwieħhom] jew li [jittrasferixxu] materjal ġenetiku”, il-leġiżlatur Komunitarju qed jirreferi biss għall-entitajiet li, fil-mument li jiġu rilaxxati fl-ambjent, ikun għad għandhom il-funzjonijiet vitali tagħhom, u b’mod partikolari, ikunu għadhom kapaċi jirriproduċu rwieħhom u jxerrdu l-karatteristiċi ġenetiċi tagħhom.

70.      Sussegwentement, mill-premessa 13 tad-Direttiva 2001/18 jirriżulta li l-“kontenut [tagħha] jieħu in konsiderazzjoni esperjenza internazzjonali f’dan il-qasam u rabtiet ta’ negozju internazzjonali u għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-Protokoll […] għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika”.

71.      L-għan tal-Protokoll huwa li jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni għat-trasferiment, għall-immaniġġjar u għall-użu żgur ta’ organiżmi ħajjin modifikati li huma r-riżultat tal-bijoteknoloġija moderna u li jista’ jkollhom effett ħażin fuq id-diversità bijoloġika, billi jiġu kkunsidrati wkoll ir-riskji għal saħħet il-bniedem. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokoll huwa espressament limitat għall-organiżmi ħajjin. Issa, għandu jiġi osservat li d-definizzjoni adottata ta’ dak li jikkostitwixxi “organiżmu ħaj” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Protkoll tixbah ferm dik inkluża fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18. B’hekk, skont l-Artikolu 3(h) tal-Protokoll, organiżmu ħaj “tfisser kwalunkwe entità bioloġika li kapaċi tittrasferixxi jew tirreplika materjal ġenetiku, inklużi organiżmi sterili, vajrusijiet u virojds”.

72.      Għandu jiġi osservat ukoll li r-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003, dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (22), li għandu l-għan li jimplementa l-proċeduri previsti mill-Protokoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jirreferi għall-kunċett ta’ “organiżmu” kif ġie ddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18, li jagħti wieħed x’jifhem li d-definizzjonijiet ta’ “organiżmu” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni u ta’ “organiżmu ħaj” fis-sens tal-Artikolu 3(h) tal-Protokoll jaqblu.

73.      Minn dawn l-elementi jista’ jiġi dedott li l-aġġettiv “kapaċi” li jinsab kemm fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 kif ukoll fl-Artikolu 3(h) tal-Protokoll, jindika l-entitajiet bijoloġiċi li għad għandhom tabilħaqq il-kwalitajiet neċessarji sabiex jirriproduċu rwieħhom jew jittrasferixxu materjal ġenetiku. Minn din il-perspettiva, l-aġġettiv “kapaċi” ma għandux jiġi interpretat bħala riferiment iktar estiż għal kapaċità ġenerali u astratta ta’ riproduzzjoni jew ta’ trasferiment ta’ materjal ġenetiku li tkun tipika fi speċi partikolari.

74.      K. H. Bablok et ma jaqblux ma’ din il-konklużjoni. Anzi, huma jikkunsidraw li l-element determinanti sabiex jiġi ddefinit x’jikkostitwixxi organiżmu hija l-kapaċità ġenerali u astratta tal-organiżmu għar-riproduzzjoni. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 3(h) tal-Protokoll li jinkludi espressament l-organiżmi sterili fil-kategorija tal-“organiżmi ħajjin”. Huma jikkunsidraw li, jekk l-element determinanti huwa l-kapaċità konkreta u individwali għar-riproduzzjoni, il-pjanti modifikati ġenetikament sterili (b’hekk li ma humiex kapaċi jirriproduċu rwieħhom) jibqgħu żgur pjanti, imma ma jkunux iktar organiżmi. Il-kunċett ta’ “organiżmu” fis-sens tad-Direttiva 2001/18 għalhekk huwa iktar ristrett mill-kunċett bijoloġiku ta’ organiżmu, li jmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju.

75.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti għaliex ma jikkunsidrax il-fatt li, jekk l-organiżmi sterili ma jistgħux jirriproduċu rwieħhom sesswalment, huma jistgħu, minkejja kollox, jirreplikaw il-materjal ġenetiku tagħhom filwaqt li jirriproduċu rwieħhom permezz ta’ proċessi mhux sesswali jew veġetattivi. Organiżmu sterili b’hekk jista’ tabilħaqq jiġi kkunsidrat bħala entità li għandha l-kapaċità konkreta li tittrasferixxi materjal ġenetiku (23).

76.      Insostenn tal-argument tagħhom li d-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 tirreferi għal kapaċità ġenerali u astratta tal-organiżmu għar-riproduzzjoni, K. H. Bablok et jiċċitaw il-każ tal-virus u tal-virojdi. Dawn il-mikroorganiżmi ma humiex ħajjin. Huma lanqas ma huma kapaċi jirriproduċu rwieħhom b’mod indipendenti. Ir-riferiment li sar għall-virus u għall-virojdi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2009/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar l-użu konfinat ta’ mikroorganiżmi modifikati ġenetikament (24), u fl-Artikolu 3(h) tal-Protokoll, juri li l-kunċett ta’ organiżmu ma jkoprix biss lill-organiżmi ħajjin.

77.      Il-kwistjoni jekk il-virus u l-virojdi humiex jew le entitajiet ħajjin, ma hijiex se tiġi deċiża hawnhekk, peress li l-kwistjoni tqajjem kontroversja xjentifika. Mil-lat tal-kapaċità tagħhom li jittrażmettu materjal ġenetiku, jidher li l-espressjoni “tittrasferixxi materjal ġenetiku”, li wieħed isib fl-artikoli msemmija iktar ’il fuq, għandha eżattament l-għan li tinkludi fid-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi organiżmu lil entitajiet bħall-virus u l-virojdi, minkejja l-fatt li huma minnhom infushom ma jistgħux jirreplikaw attivament il-materjal ġenetiku. Il-virus huma mikroorganiżmi mhux ċellulari magħmula minn proteini u minn aċidi nukleiċi (DNA jew RNA) li fihom materjal ġenetiku, li ma għandhomx il-kapaċità li jirreplikaw lilhom infushom, imma li jistgħu jinserixxu l-materjal ġenetiku tagħhom f’ċelluli oħra (ta’ annimali, ta’ pjanti jew ta’ mikrobi), fejn jiġi rreplikat bil-mekkaniżmi ta’ dawn iċ-ċelluli. Fir-rigward tal-virojdi, dawn huma aġenti patoġeni infettivi tal-pjanti magħmula minn molekuli żgħar għerja minn RNA (jiġifieri ma humiex mgħottija bi proteini). Il-virus, bħall-virojdi, jużaw iċ-ċelluli tal-organiżmi ospitanti sabiex jirreplikaw il-materjal ġenetiku tagħhom (25). Din id-dipendenza madankollu ma teskludix, fis-sens li qed jintuża hawnhekk, l-eżistenza ta’ kapaċità konkreta min-naħa ta’ virus u ta’ virojdi bijoloġikament attivi sabiex “[jittrasferixxu] materjal ġenetiku”.

78.      Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, m’iniex konvint li l-inklużjoni tal-organiżmi sterili kif ukoll tal-virus u tal-virodji fid-definizzjonijiet li jixbhu lil dik inkluża fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18, hija tali li jiġi eskluż li l-organiżmi msemmija f’dak l-artikolu huma kkostitwiti biss minn entitajiet bijoloġikament attivi li għandhom tabilħaqq il-kapaċità li jirriproduċu rwieħhom jew li jittrasferixxu materjal ġenetiku.

79.      Barra minn hekk, dawn l-eżempji jippermettu, fil-fehma tiegħi, li jinftiehem is-sens tar-riferiment għat-trasferiment tal-materjal ġenetiku kif ukoll is-sens tar-riferiment għar-riproduzzjoni. Il-leġiżlatur Komunitarju, l-istess bħall-Istati fuq il-livell internazzjonali fil-kuntest tal-Protokoll meta huma rreferew għar-replikazzjoni u għat-trasferiment tal-materjal ġenetiku, b’hekk ried ikopri l-modalitajiet differenti tat-trażmissjoni tal-materjal ġenetiku, sew bir-riproduzzjoni u sew bit-trasferiment ta’ materjal ġenetiku.

80.      K. H. Bablok et, sostnuti fuq dan il-punt mill-Gvern Grieg, jinvokaw argumenti oħra sabiex isostnu li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 jinkludi definizzjoni wiesgħa ta’ organiżmi li tmur lil hinn minn entitajiet ħajjin li għandhom kapaċità konkreta li jirriproduċu rwieħhom jew li jittrasferixxu materjal ġenetiku. Huma jikkunsidraw li kemm il-prinċipju ta’ prekawzjoni kif ukoll l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa jiffavorixxu tali kunċett. B’hekk, iċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur Komunitarju kien qed jirreferi mhux biss għar-riproduzzjoni imma anki għat-trasferiment ta’ materjal ġenetiku, tfisser pjuttost li anki l-organiżmi li jkunu tilfu l-funzjonijiet vitali tagħhom jaqgħu taħt din id-definizzjoni. L-argument prinċipali li fuqu tistrieħ l-analiżi tagħhom huwa bbażat fuq il-kunċett tat-trasferiment ġenetiku orizzontali.

81.      Għandu jingħad, tabilħaqq, li, minkejja li r-realtà u l-estensjoni tal-fenomenu jibqgħu suġġetti għal dibattitu fuq il-livell xjentifiku, it-trasferiment tal-materjal ġenetiku jista’ jkun kemm vertikali, jiġifieri fi ħdan l-istess speċi, kif ukoll orizzontali, jiġifieri minn speċi għal oħra.

82.      Fost l-ipoteżijiet ta’ trasferiment orizzontali tal-materjal ġenetiku hemm dik fejn il-materjal ġenetiku ta’ pjanta modifikata ġenetikament jiġi assorbit minn mikroorganiżmi bħall-batterji. Pereżempju, dawn jistgħu jkunu partijiet minn pjanti bħall-weraq li, meta jiddekomponu fil-ħamrija, iħallu jippersisti fiha l-materjal ġenetiku tagħhom li b’hekk jista’ jiġi assorbit mill-batterji preżenti f’dik l-ekosistema. Jista’ wkoll jiġri li l-materjal ta’ pjanta modifikata ġenetikament isib ruħu inkorporat minn batterji preżenti fis-sistema diġestiva ta’ bniedem. Dan it-trasferiment, f’ċerti kundizzjonijiet (u, għal darba oħra, dan is-suġġett għadu jqajjem dibattitu fost ix-xjenzati), jista’ jiġi segwit minn rikombinazzjoni ġenetika fi ħdan l-organiżmu riċeventi.

83.      Skont K. H. Bablok et, il-fatt li l-mewt ta’ entità bijoloġika ma timpedixxix il-persistenza tal-materjal ġenetiku li jikkaratterizzaha fir-residwi tagħha, li b’hekk tħalli possibbiltà li jkun hemm trasferiment ta’ materjal ġenetiku, jimplika li l-kunċett ta’ “organiżmu” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 jirreferi wkoll għall-entitajiet bijoloġiċi mejta. B’hekk, peress li l-polline mejjet li wieħed isib fl-għasel jew li jintuża bħala suppliment tal-ikel, wara trasformazzjoni bħat-tnixxif, ma jkunx tilef sistematikament il-materjal ġenetiku tiegħu u li dan tal-aħħar b’hekk jista’ dejjem jinxtered lejn organiżmi jew mikroorganiżmi oħra, dan il-polline għandu jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala “organiżmu” fis-sens ta’ dak l-artikolu. Fi ftit kliem, sakemm materjal partikolari, anki jekk ma jkunx għadu attiv, ikun għad fih informazzjoni ġenetika (DNA jew RNA) li tista’ tiġi inkorporata minn entitajiet oħrajn, huwa għandu dejjem jiġi kkunsidrat bħala “organiżmu” fis-sens tal-imsemmi artikolu.

84.      Jien ma naqbilx ma’ din l-analiżi għar-raġunijiet segwenti.

85.      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li l-eżami tal-Protokoll kif ukoll tad-dokumenti preparatorji u spjegattivi tiegħu jagħti pjuttost wieħed x’jifhem li mhux biss qed issir referenza għar-replikazzjoni, imma wkoll għat-trasferiment tal-materjal ġenetiku bil-għan li jiġu koperti l-modalitajiet differenti ta’ trażmissjoni minn entità bijoloġikament attiva tal-materjal ġenetiku tagħha. Minkejja x-xebh li hemm bejn id-definizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 3(h) tal-Protkoll u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18, niddubita kemm ir-riferiment għat-trasferiment tal-materjal ġenetiku jista’ jkollu portata iktar estiża fil-kuntest ta’ dan l-aħħar artikolu, b’tali mod li dan jinkludi wkoll l-ipoteżi ta’ trasferiment orizzontali ta’ materjal ġenetiku minn entitajiet bijoloġiċi mejtin.

86.      Sussegwentement, meta entità bijoloġika tkun tilfet il-funzjonijiet vitali tagħha, hija ma tkunx tista’ tipparteċipa iktar b’mod attiv fit-trasferiment tal-materjal ġenetiku. Hija ma jkollhiex iktar rwol f’dan it-trasferiment. Jekk il-materjal ġenetiku tagħha jinxtered kif ukoll jiġi rċevut mill-batterji, din tkun trażmissjoni purament passiva ta’ dan il-materjal li tiddependi mill-kuntest li fih ikun jinsab l-imsemmi materjal. F’dan il-każ, l-entità bijoloġika ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi kkunsidrata bħala li għadha “kapaċi” tittrasferixxi l-materjal ġenetiku. Fi kliem ieħor, is-sempliċi preżenza tad-DNA f’materjal bijoloġiku li l-funzjonijiet vitali tiegħu għebu u l-possibbiltà li dan id-DNA jiġi inkorporat minn organiżmi oħra, ma humiex ekwivalenti, fil-fehma tiegħi, għal kapaċità tal-entità bijoloġika li tittrasferixxi materjal ġenetiku fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18.

87.      Barra minn hekk, l-argument żviluppat minn K. H. Bablok et, li jqiegħed enfasi fuq il-persistenza, f’ċerti kundizzjonijiet, tal-materjal ġenetiku wara l-mewt tal-entità bijoloġika jista’ jwassal sabiex l-organiżmu u l-materjal ġenetiku tiegħu, jiġifieri prinċipalment id-DNA tiegħu, jiġu kompletament assimilati peress li dan tal-aħħar dejjem ikun jista’, sakemm ma jinqeridx, jiġi integrat minn organiżmu ieħor. Issa, ma għandhiex issir konfużjoni bejn iż-żewġ kunċetti. B’xhieda ta’ dan hemm l-ispjegazzjoni inkluża fil-gwida għall-implementazzjoni tad-Direttiva 90/220 stabbilita mill-Kummissjoni (26), li tippreċiża:

“The definition of ‘organism’ covers: micro-organisms, including viruses and viroids; plants and animals; including ova, seeds, pollen, cell cultures and tissue cultures from plants and animals. This definition does not cover naked r DNA and naked r-plasmids [(27)].” (28)

88.      Nifhem ix-xewqa li għandhom K. H. Bablok et li tikkonsisti, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ organiżmu, f’li jiġi ggarantit li r-riskji marbuta ma’ trasferiment orizzontali tal-materjal ġenetiku jkunu dejjem is-suġġett ta’ evalwazzjoni. Din ix-xewqa leġittima madankollu ma hijiex suffiċjenti sabiex fil-kunċett ta’ organiżmu jiġu inklużi l-entitajiet bijoloġiċi kollha, ħajjin jew mejtin, li jappartjenu lil speċi li kapaċi tirriproduċi ruħha jew tittrasferixxi materjal ġenetiku.

89.      Fil-fatt, jekk huwa kif qed naħseb jiena, li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jillimita l-kunċett ta’ “organiżmu” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 għall-entitajiet bijoloġikament attivi, dan ma jfissirx li, bl-awtorizzazzjoni ta’ rilaxx mogħtija lil OMĠ, ma ssirx evalwazzjoni tar-riskji marbuta ma’ trasferiment orizzontali tal-materjal ġenetiku ta’ dak l-organiżmu, waqt li jkun ħaj jew wara mewtu. Tixhed dan id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2002/623/KE], tal-24 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi noti ta’ gwida biex jissupplimentaw l-Anness II tad-Direttiva 2001/18 (29) (huwa stess relatat mal-“Prinċipji għall-istima [evalwazzjoni] ta’ riskju ambjentali”). Fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-karatteristiċi li jista’ jkollhom effetti negattivi, il-Kummissjoni tirreferi espressament għat-trasferiment tal-materjal ġenetiku, kemm jekk ikun vertikali kif ukoll jekk ikun orizzontali (30). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni li biħsiebni nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18, la tmur kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni u lanqas tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa.

90.      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-polline derivat mill-qamħirrun MON 810 li ma għadux vijabbli, u li b’hekk ma għadux f’kundizzjoni li jiżgura l-funzjoni tiegħu fir-riproduzzjoni ta’ din il-varjetà ta’ pjanta, ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi kkunsidrat bħala “organiżmu” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18 u tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1829/2003. Għaldaqstant, dan il-polline ma jikkostitwix OMĠ fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva (31) u tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament. Sitwazzjoni bħal dik li hija ċentrali għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-preżenza ta’ polline mhux vijabbli derivat minn pjanta modifikata ġenetikament f’għasel jew f’supplimenti tal-ikel, għalhekk la taqa’ fil-kategorija tal-“OMĠ għall-użu fl-ikel” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1829/2003 u lanqas fil-kategorija tal-“ikel li fih jew jikkonsisti fi OMĠ” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan l-istess regolament (32).

91.      Biex wasalt għal din il-konklużjoni, jiena ħadt bħala punt ta’ tluq l-istess premessa li pproponiet il-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-polline preżenti fl-għasel jew li jintuża bħala suppliment tal-ikel ma għadux jikkostitwixxi entità bijoloġika ħajja, imma huwa materjal bla ħajja, bil-kontra, pereżempju, ta’ żerriegħa li dejjem tista’ tinbet anki jekk tiġi introdotta fis-sistema alimentari. Naturalment, fl-aħħar mill-aħħar għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika, abbażi tal-istudji xjentifiċi li, jekk ikun il-każ, se jiġu ppreżentati lilha, jekk il-polline użat fil-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għadux jikkostitwixxi entità bijoloġika ħajja.

92.      Kif se jintwera issa, ir-risposta li se nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-ewwel domanda ma tfissirx li l-preżenza fil-prodotti tal-ikel ta’ polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003. Fil-fatt, huwa permezz tal-kunċett ta’ prodott tal-ikel prodott minn OMĠ li din it-tip ta’ sitwazzjoni tista’ taqa’ taħt dan ir-regolament u li tkun tista’ titwettaq evalwazzjoni tar-riskji marbuta ma’ trasferiment ġenetiku orizzontali għal din il-kategorija ta’ prodotti tal-ikel (33).

B –    Fuq it-tieni domanda

93.      It-tieni domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju tinvolvi żewġ partijiet. Dik il-qorti, qabel xejn, essenzjalment, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex essenzjalment tiddeċiedi jekk l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa suffiċjenti, biex prodott tal-ikel jiġi kkunsidrat bħala li huwa “prodott minn OMĠ”, li dan il-prodott tal-ikel ikun fih materjal li ġej minn pjanti modifikati ġenetikament li, preċedentement, kellu kapaċità konkreta u individwali li jirriproduċi ruħu. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju mbagħad titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tippreċiża jekk il-kunċett ta’ prodott tal-ikel “prodott minn OMĠ” jeżiġix li l-materjal derivat mill-OMĠ ikunx inkluż b’mod intenzjonali f’dan il-prodott tal-ikel jew jekk dan jirreferix ukoll għall-introduzzjoni involontarja ta’ dan il-materjal fl-imsemmi prodott tal-ikel.

94.      Kif jirriżulta mill-premessa 3 tiegħu, ir-Regolament Nru 1829/2003 huwa bbażat fuq l-idea fundamentali li, biex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali, il-prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament u l-għalf modifikat ġenetikament għandhom jgħaddu minn verifika ta’ sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni.

95.      B’“ikel modifikat ġenetikament”, l-Artikolu 2(6) ta’ dan l-istess regolament, jirreferi għal “ikel li jkun fih, jikkonsisti fi jew hu prodott minn OMĠ”.

96.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 ġie ppreċiżat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Huwa jkopri, l-ewwel nett, l-OMĠ għall-użu fl-ikel; it-tieni nett, il-prodotti tal-ikel li fihom jew li jikkonsistu f’OMĠ; u, it-tielet nett, il-prodotti tal-ikel prodotti minn jew li fihom ingredjenti prodotti minn OMĠ jew li jinkludu tali ingredjenti. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa ferm wiesa’ sa fejn huwa jeskludi biss lill-ikel prodott “ma [permezz ta’]” OMĠ.

97.      Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1829/2003 tippermetti li tinftiehem sew id-distinzjoni bejn il-kategorija tal-prodotti tal-ikel prodotti “minn” OMĠ u dik tal-prodotti tal-ikel prodotti “ma [permezz ta’]” OMĠ. Skont din il-premessa, il-“kriterju determinanti hu jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament hux preżenti fl-ikel […] jew le (34)” (35). Fir-rigward ta’ dan il-kriterju, l-imsemmija premessa tiċċita bħala eżempju ta’ prodotti miksuba “[permezz ta’]” OMĠ, u li b’hekk huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003, il-“prodotti miksuba minn annimali mi[t]mugħa għalf modifikat ġenetikament jew li jkunu ġew ikkurati bi prodotti mediċinali modifikati ġenetikament”. Fil-fatt, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, ma ġiex ipprovat li d-DNA preżenti f’ikel modifikat ġenetikament jew, b’mod iktar ġenerali, materjal derivat minn dan l-ikel jew anki l-prodott mediċinali modifikat ġenetikament, jista’ jsib ruħu fil-laħam li ġej minn annimal mitmugħ b’dak l-għalf jew li kien ikkurat b’dak il-prodott mediċinali.

98.      Meta jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-kriterju determinanti dwar jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament huwiex preżenti fi prodotti tal-ikel jew le, jiena tal-fehma li kemm l-għasel fejn tista’ tiġi stabbilita l-preżenza ta’ polline derivat mill-qamħirrun MON 810 kif ukoll is-supplimenti tal-prodotti tal-ikel abbażi ta’ polline li fihom polline derivat minn din l-istess varjetà ta’ qamħirrun, għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti tal-ikel prodotti “minn” OMĠ.

99.      Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, naħseb li la distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti tal-ikel u lanqas distinzjoni bejn dak li huwa kostitwent naturali tal-għasel u ingredjent tiegħu ma huma rilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala prodott tal-ikel “prodott minn OMĠ”.

100. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk is-supplimenti tal-ikel li fihom polline derivat minn OMĠ jaqgħu tabilħaqq fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003, peress li huma jikkostitwixxu prodotti tal-ikel prodott minn OMĠ, min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ ta’ għasel li fih ġew stabbiliti traċċi ta’ polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament. F’dan ir-rigward, hija tiddefendi l-fehma li dan il-polline għandu jiġi kkunsidrat bħala kostitwent naturali tal-għasel, u mhux bħala ingredjent ta’ dan tal-aħħar.

101. Dan l-argument tal-Kummissjoni jwassalni biex nittratta d-diċitura tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar “ikel prodott minn jew li fih ingredjenti prodotti minn OMĠ”. Dan l-artikolu jiżviluppa, fir-rigward tal-ikel (36), id-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament, billi jagħmel referenza għall-kunċett ta’ “ingredjenti”.

102. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-polline preżenti fl-għasel jew li jintuża bħala suppliment tal-ikel jistax jiġi kklassifikat bħala “ingredjent” fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dan it-terminu mogħtija fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament Nru 1829/2003 b’referenza għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2000/13. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar “ingredjent” tfisser “kwalunkwe sustanza, inklużi additivi, użati fil-manifattura jew preparazzjoni tal-prodott ta’ l-ikel u jibqgħu ippreżenti [preżenti]meta jitlesta l-prodott, anke f’forma alternata [alterata]”.

103. Jekk huwa faċli li jintwera li l-polline ikluż f’supplimenti tal-ikel abbażi ta’ polline jikkostitwixxi b’mod inkontestabbli ingredjent ta’ dawn tal-aħħar, l-istess konklużjoni teħtieġ xi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-preżenza tal-polline fl-għasel.

104. L-Anness II għad-Direttiva 2001/110 li tirrigwarda l-għasel jispjega l-“kriterji ta’ komposizzjoni għall-għasel”. Skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-anness, l-għasel jikkonsisti essenzjalment f’zokkrijiet differenti, kif ukoll f’“sustanzi oħra” bħal “partikoli solidi derivati mill-ġbir ta’ l-għasel”.

105. Skont l-ispjegazzjonijiet li taw K. H. Bablok et, il-polline li jikkostitwixxi nutrijent importanti għan-naħal żagħżugħ, jinġabar min-naħal fuq il-fjuri permezz tal-pil li għandhom fuq ġisimhom. Fuq saqajhom kollha huma għandhom xorta ta’ pettnijiet u ta’ pniezel magħmula minn xagħar, li jippermettilhom jiġbru l-polline u jagħtuh il-forma ta’ blalen żgħar. Fi ħdan il-ġarra, dawn il-blalen żgħar jiġu maqlugħa minn max-xagħar u ddepożitati fit-toqob tal-ħażna apposta. Dawn jinsabu fuq superfiċje ta’ xehdiet direttament biswit it-toqob għall-ħażna tal-għasel.

106. Għall-ġbir tal-għasel, l-apikultur jiġbor mill-ġarra x-xehdiet bl-għasel biex jiċċentrifugahom. It-toqob b’hekk jiġu żvujtati mill-għasel tagħhom bil-forza taċ-ċentrifugazzjoni. Fuq ix-xehdiet bl-għasel madankollu jkun hemm ukoll, inevitabbilment, it-toqob tal-polline. Għaldaqstant, it-toqob tal-polline jiġu żvujtati fl-istess ħin mat-toqob tal-għasel u l-polline jitħallat mal-għasel (37).

107. Għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tielet paragrafu tal-Anness II għad-Direttiva 2001/110, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Anness I, punt 2(b)(viii) (38), l-ebda polline jew kostitwent partikolari għall-għasel ma jista’ jitneħħa ħlief fejn dan hu inevitabbli fit-tneħħija ta’ materjal inorganiku jew organiku [barrani]”.

108. Minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li l-polline jikkostitwixxi materjal organiku inerenti għall-kompożizzjoni tal-għasel. Huwa ma huwiex materjal barrani, impurità tal-għasel, imma komponent normali tiegħu li, fil-prinċipju, ma jistax jitneħħa (39). Din il-kwalità ta’ kostitwent partikolari tal-għasel hija indipendenti mill-perjodiċità tal-inkorporazzjoni tiegħu u mill-kwantitajiet li fihom jinstab fl-għasel, billi dawn l-elementi jiddependu minn ċerti imprevisti li jistgħu jinqalgħu matul l-ipproċessar u l-ġbir tal-għasel.

109. B’referenza għall-kunċett ta’ “ingredjent” kif jirriżulta mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2000/13, jidhirli li huwa pjuttost faċli li jiġi ammess li filwaqt li huwa kostitwent partikolari tal-għasel, il-polline jikkostitwixxi sustanza “użat[a] fil-manifattura jew preparazzjoni” tal-għasel, u li “[tibqa’] ippreżenti [preżenti] meta jitlesta l-prodott”.

110. Id-distinzjoni proposta mill-Kummissjoni bejn “ingredjent” u “kostitwent naturali”, minbarra n-natura teoretika tagħha, ikollha bħala effett li teskludi l-preżenza fl-għasel ta’ polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament, li jmur kontra l-intenzjoni sostnuta b’mod ċar mil-leġiżlatur Komunitarju fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1829/2003, li jibbaża ruħu fuq il-kriterju determinanti jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament huwiex preżenti fil-prodott tal-ikel jew le. Barra minn hekk, jekk għandu jiġi kkunsidrat, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li biex tkun ikklassifikata bħala “ingredjent” sustanza għandha tkun ġiet introdotta fi prodott tal-ikel b’intervent tal-bniedem, għandu jiġi kkonstatat li l-ġbir tal-għasel b’ċentrifugazzjoni, li għandha l-effett li tħallat il-polline mal-għasel, jikkostitwixxi tabilħaqq intervent ta’ dan it-tip.

111. Fil-fehma tiegħi, jista’ anki jiġi faċilment ammess li l-polline tal-qamħirrun MON 810 preżenti fl-għasel jikkostitwixxi ingredjent “prodott minn OMĠ” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan l-istess regolament. Fil-fatt, skont id-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament, il-polline inkwistjoni huwa “derivat” minn OMĠ u, fid-dawl tal-iżviluppi li ġew stabbiliti fir-rigward tal-ewwel domanda, la għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkonsisti f’OMĠ u lanqas bħala li fih OMĠ.

112. Fl-aħħar nett, ladarba jiġi ammess li l-polline huwa ingredjent tal-għasel u li dan huwa ingredjent prodott minn OMĠ, nikkunsidra li l-għasel inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, bħala prodott tal-ikel “li fih” tali ingredjent. Għaldaqstant, huwa stabbilit, mil-lat ta’ din id-dispożizzjoni, li dan l-għasel jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

113. F’dan ir-rigward, ma tantx huwa importanti, u din hija t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, li apikultur ikollu jew le l-intenzjoni li jinkorpora l-polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament fl-għasel tiegħu.

114. L-ispjegazzjonijiet relatati mal-mod li bih il-polline jsib ruħu fl-għasel juru li din l-inkorporazzjoni, li l-volum tagħha huwa imprevedibbli, hija l-frott mhux tar-rieda tal-apikultur imma ta’ stadju inerenti fil-proċess tal-produzzjoni tal-għasel.

115. L-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1829/2003, li tidħol fis-seħħ bil-preżenza (kriterju oġġettiv) fi prodott tal-ikel, jew ta’ OMĠ jew ta’ materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament, ma tistax tiddependi minn kriterju suġġettiv ibbażat fuq in-natura volontarja jew le ta’ din il-preżenza. Tali kriterju suġġettiv imur kontra l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li għandu r-Regolament Nru 1829/2003 sa fejn ir-riskju li jista’ jkollu prodott tal-ikel modifikat ġenetikament għas-saħħa tal-bniedem huwa indipendenti min-natura volontarja jew involontarja tal-introduzzjoni tas-sustanza inkwistjoni.

116. Barra minn hekk, kif josservaw ġustament K. H. Bablok et, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett “prodott minn OMĠ” ibbażata fuq kriterju suġġettiv tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1829/2003 dwar l-ittikkettjar ta’prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament b’mod li jmur kontra l-kontenut leġiżlattiv ċar tagħhom. Fil-fatt, f’konformità mal-Artikolu 12(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-prodotti tal-ikel li jkunu prodotti minn OMĠ għandhom jiġu ttikkettjati bħala tali. Dan l-obbligu ta’ ttikkettjar ma jkunx applikabbli biss meta l-perċentwali tal-materjal derivat minn OMĠ ma taqbiżx iż-0.9 %, sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli. Il-fatt li tissemma din il-kundizzjoni tal-aħħar jitlef kull sinjifikat jekk, per se, in-natura aċċidentali jew teknikament inevitabbli tal-preżenza tal-materjal derivat minn OMĠ fi prodott tal-ikel tkun suffiċjenti sabiex ittellfu l-kwalità ta’ “prodott minn OMĠ” u, minħabba f’hekk, teskludih mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003.

117. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jiġi dedott li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa suffiċjenti, sabiex prodott tal-ikel jiġi kkunsidrat li huwa “prodott minn OMĠ”, li dan il-prodott tal-ikel ikun fih materjal li jkun ġej minn pjanti modifikati ġenetikament. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan l-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li għasel li jkun fih polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament kif ukoll is-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ dan il-polline, jikkostitwixxu prodotti tal-ikel li fihom ingredjent prodott minn OMĠ. F’dan ir-rigward ma tantx huwa importanti li l-materjal derivat minn pjanta modifikata ġenetikament ikunx inkluż b’mod intenzjonali jew le f’tali prodotti.

118. Fl-aħħar nett, l-argument li l-għasel, bħala prodott li joriġina mill-annimali, ma jaqax, għal din ir-raġuni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu jingħata tweġiba. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għal opinjoni maħruġa mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali waqt laqgħa li saret fit-23 ta’ Ġunju 2004, fejn jingħad li l-għasel, prodott li joriġina mill-annimali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament peress li ma huwiex prodott minn naħal modifikat ġenetikament. Fil-fehma tiegħi, din ma hijiex kundizzjoni determinanti.

119. Mill-punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2001/110 jirriżulta li, jekk l-għasel huwa tabilħaqq sustanza prodotta min-naħal, il-materjal bażiku ġej kemm mill-pjanti (in-nektar tal-pjanti u t-tnixxijiet mill-partijiet ħajja tal-pjanti) kif ukoll mill-annimali (l-eskrezzjonijiet li l-insetti li jerdgħu jħallu fuq il-pjanti). Barra minn hekk, kif ingħad iktar ’il fuq, skont it-termini tal-ewwel paragrafu tal-Anness II għal din l-istess direttiva, l-“għasel jikkonsisti [partikolarment f’]partikoli [partiċelli] solidi derivati mill-ġbir ta’ l-għasel”. Iktar ’il fuq diġà ġie ppreċiżat li l-kriterju determinanti sabiex l-għasel jiddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 hija l-preżenza fih ta’ materjal derivat minn pjanta modifikata ġenetikament, f’dan il-każ il-polline (40).

120. Barra minn hekk, ma naqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni, li l-premessa 16 tar-Regolament Nru 1829/2003 għandha tinqara bħala li tfisser li l-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. L-eżempji msemmija mil-leġiżlatur Komunitarju f’din il-premessa, bħall-prodotti miksuba minn annimali mitmugħa għalf modifikat ġenetikament, għandhom biss l-għan li jillustraw dak li tkopri l-kategorija tal-prodotti tal-ikel prodotti “ma [permezz ta’]” OMĠ”, fejn wieħed ma jistax jindika jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament hux preżenti jew le. Fil-fehma tiegħi, dawn l-eżempji ma jesprimux r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, bħall-għasel, li jista’ jkun fihom materjal derivat minn materjal bażiku modifikat ġenetikament.

121. Fi tmiem l-analiżi tiegħi tal-ewwel żewġ domandi preliminari, naħseb li huwa utli li niġbor fil-qosor l-interpretazzjoni tiegħi tas-suddiviżjoni inkluża fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1829/2003, li għandha l-għan li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

122. Skont dak li ġie spjegat fl-analiżi tal-ewwel domanda, l-organiżmi ħajjin biss jew, jekk wieħed jippreferi, l-organiżmi bijoloġikament attivi biss, jikkostitwixxu OMĠ. Għaldaqstant, il-kategoriji deskritti fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament (“OMĠ għall-użu fl-ikel”) kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament (“ikel li fih jew jikkonsisti fi OMĠ”) jeżiġu l-preżenza ta’ organiżmi li għadhom ħajjin, jiġifieri li huma kapaċi jirriproduċu rwieħhom jew li jittrasferixxu materjal ġenetiku.

123. Ladarba prodott tal-ikel ikun fih frammenti bla ħajja jew mejta li jkunu ġejjin minn OMĠ, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 abbażi tal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament. Fis-sens tal-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament, huwa għandu jiġi kkunsidrat ukoll bħala “derivat, għal kollox jew f’parti, minn OMĠ, iżda li ma jkunx fih jew ma jikkonsistix fi OMĠ”.

124. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li, skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1829/2003, l-element determinanti sabiex prodott tal-ikel jiġi inkluż f’dik il-kategorija huwa jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament ikunx preżenti fil-prodott tal-ikel jew le. Din l-espressjoni tal-aħħar tmur lil hinn mis-sempliċi preżenza ta’ materjal ġenetiku fis-sens strett tat-terminu, espressjoni li hija relatata speċifikament mal-aċidi nukleiċi li fihom l-unitajiet funzjonali tal-eredità (id-DNA). F’sens iktar wiesa’ huwa kopert ukoll il-materjal li joriġina mill-pjanti, mill-annimali jew li għandu oriġini oħra, li huwa derivat mill-OMĠ u li jista’ jkun għad fih jew le DNA jew proteini li jkunu r-riżultat tal-modifikazzjoni ġenetika. Din il-persistenza tal-materjal ġenetiku fil-prodotti tal-ikel hija diffiċilment prevedibbli u tiddependi minn kull tip ta’ ikel, skont jekk il-proċess ta’ trasformazzjoni tal-materjal bażiku modifikat ġenetikament ikollux jew le bħala konsegwenza l-qerda tal-materjal ġenetiku (41).

125. Id-diviżjoni li għaldaqstant tista’ ssir bejn it-tliet kategoriji ta’ prodotti tal-ikel tippermetti li tinżamm l-effettività tal-aħħar waħda. Fil-fatt, jekk għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel u t-tieni kategoriji jinkludu wkoll l-OMĠ jew il-partijiet tal-OMĠ li huma bijoloġikament inattivi, il-kategorija tal-“ikel prodott minn jew li fih ingredjenti prodotti minn OMĠ” tiġi ridotta għall-prodotti tal-ikel fejn id-DNA ma jistax jiġi osservat. Issa, kif tipprovdi b’mod partikolari l-premessa 21 tar-Regolament Nru 1829/2003 fil-qasam tat-tikkettjar, il-leġiżlatur Komunitarju ma jidhirx li xtaq li jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-DNA jew il-proteina li jirriżultaw mill-modifikazzjoni ġenetika jkunu jistgħu jiġu osservati fil-prodott finali.

126. Billi tbiegħed mill-kriterju relatat mal-preżenza fil-prodott finali ta’ DNA jew ta’ proteini derivati mill-modifikazzjoni ġenetika li kien applikabbli qabel (kif jixhed, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1139/98), il-leġiżlatur Komunitarju b’hekk ried ikabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 billi jinkludi fih, permezz tal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, il-prodotti kollha derivati minn OMĠ, indipendentement mill-fatt jekk fil-prodott finali jkunx hemm jew le DNA jew proteini derivati mill-modifikazzjoni ġenetika.

C –    Fuq it-tielet domanda

127. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 jistgħux, bil-kontra tad-diċitura tagħhom, ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva fis-sens li r-rekwżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ma jirrigwardax prodott tal-ikel bħall-għasel, li fih kwantità ċkejkna, li bilkemm taqbeż il-limitu ta’ osservazzjoni, ta’ materjal derivat minn pjanta modifikata ġenetikament, f’dan il-każ il-polline tar-razza tal-qamħirrun modifikat ġenetikament MON 810.

128. Hija tispjega li interpretazzjoni restrittiva tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni inklużi f’dan ir-regolament tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif inhu espress fil-premessa 24 tal-imsemmi regolament fil-qasam tat-tikkettjar. Hija tfakkar li l-introduzzjoni, fi kwantità ferm żgħira, ta’ polline derivat minn qamħirrun modifikat ġenetikament ma ssirx b’mod studjat u li, fil-prattika, hija inevitabbli fil-każ ta’ kultivazzjonijiet estiżi ta’ dan it-tip ta’ qamħirrun.

129. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li, sa fejn il-qamħirrun tar-razza MON 810, bl-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont id-Direttiva 90/220, ġie suġġett għal evalwazzjoni tar-riskji li ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti kollha potenzjalment dannużi fuq l-ambjent, is-soluzzjoni li t-tqegħid fis-suq ta’ għasel li jkun fih polline derivat minn din il-varjetà ta’ qamħirrun jiġi kkunsidrat bħala li ma jaqax, taħt ċertu limitu, taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, tista’ tiġi kkonċiljata mal-għan ta’ protezzjoni li għandu dan ir-regolament. Ma’ dan jiżdied il-fatt li diġà teżisti awtorizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju għal diversi forom ta’ prodotti tal-ikel prodotti minn qamħirrun MON 810 jew li fihom ingredjenti prodotti minn dan il-qamħirrun, pereżempju d-dqiq tal-qamħirrun u l-gluten tal-qamħirrun.

130. Il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tammetti, madankollu, li d-diċitura u l-istruttura tar-Regolament Nru 1829/2003 kif ukoll l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa li għandu dan ir-regolament jistgħu jipprekludu tali interpretazzjoni restrittiva tar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq prevista fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

131. Fi ftit kliem, bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-preżenza involontarja f’għasel ta’ polline derivat minn varjetà ta’ qamħirrun, bħall-qamħirrun MON 810, li kiseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq abbażi tad-Direttiva 90/220 u li ċerti prodotti derivati minnu biss huma awtorizzati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 1829/2003, timplikax jew le li dan l-għasel għandu jikseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Din il-qorti qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża jekk applikazzjoni b’analoġija tal-limiti ta’ tolleranza previsti fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament hijiex possibbli fir-rigward tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

132. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda fir-rigward tal-każ partikolari ta’ għasel li jkun fih polline derivat mill-qamħirrun MON 810 (42), qabel xejn għandu jiġi analizzat l-istatus legali ta’ din il-varjetà ta’ pjanta u tal-prodotti tal-ikel li huwa derivat minnha fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar, min-naħa l-waħda, ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OMĠ u, mill-oħra, dwar prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament.

133. Mil-lat tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OMĠ, jiġifieri, prinċipalment mill-kultivazzjoni tal-OMĠ, il-qamħirrun MON 810 kien is-suġġett tad-Deċiżjoni 98/294, li ttieħdet abbażi tad-Direttiva 90/220 li, għandu jitfakkar, ġiet irrevokata u sostitwita bid-Direttiva 2001/18.

134. Mil-lat alimentari, diversi prodotti derivati mil-linja MON 810 ġew awtorizzati abbażi tar-Regolament Nru 258/97 u ġew ukoll innotifikati bħala prodotti eżistenti f’konformità mal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 1829/2003 (43). Dawn huma d-dqiq tal-qamħirrun, il-gluten tal-qamħirrun, is-semolina tal-qamħirrun, il-lamtu tal-qamħirrun, il-glukożju tal-qamħirrun u ż-żejt tal-qamħirrun.

135. Monsanto ppreżentat applikazzjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1829/2003, sabiex iġġedded l-awtorizzazzjoni għal dawn il-prodotti. Din l-applikazzjoni għadha qed tiġi eżaminata (44). Skont l-Artikolu 11(4) ta’ dan ir-regolament, it-terminu ta’ awtorizzazzjoni jiġi awtomatikament imġedded sakemm tittieħed deċiżjoni.

136. Monsanto u l-Gvern Pollakk isostnu li, sa fejn OMĠ ikun awtorizzat skont id-Direttiva 2001/18, jew skont il-leġiżlazzjoni preċedenti, jiġifieri d-Direttiva 90/220, dan ifisser li l-effetti kollha potenzjali tal-kultivazzjoni ta’ dan l-OMĠ fuq l-ambjent ikunu ġew evalwati, inklużi l-effetti marbuta mal-emissjoni tal-polline minn pjanti modifikati ġenetikament kif ukoll l-introduzzjoni ta’ dan il-polline fi prodotti tal-ikel bħall-għasel. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni ma teħtieġx il-kisba ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003.

137. Jiena ma jiniex tal-istess fehma. Fil-fatt, ma naħsibx li awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Direttiva 2001/18 tkopri r-riperkussjonijiet kollha ta’ rilaxx jew ta’ tqegħid fis-suq ta’ OMĠ. Li kieku dan kien il-każ, l-effettività tar-Regolament Nru 1829/2003 titqiegħed f’dubju u l-OMĠ ikunu jistgħu, bla ebda limitu speċifiku u evalwazzjoni speċifika mil-lat tas-sigurtà tal-ikel, jikkostitwixxu prodotti tal-ikel jew jiġu integrati f’tali prodotti.

138. Id-Direttiva 2001/18 tikkostitwixxi norma b’portata orizzontali li hija applikabbli sakemm leġiżlazzjoni settorjali ma tibdiex tirregola l-użu tal-OMĠ f’settur partikolari. Qabel xejn, hija għandha, kif jindika t-titolu tagħha, l-għan li tevalwa l-effetti potenzjali tal-OMĠ fuq l-ambjent qabel ma r-rilaxx tagħhom fih jiġi awtorizzat.

139. Ir-Regolament Nru 1829/2003 jikkostitwixxi, min-naħa tiegħu, leġiżlazzjoni settorjali li tirrigwarda l-prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tiegħu, dan ir-regolament jipprovdi, qabel xejn, evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li dawn il-prodotti tal-ikel għandhom għas-saħħa tal-bniedem u għal dik tal-annimali. Evalwazzjoni tar-riskji għall-ambjent għaldaqstant ma hijiex eskluża, imma hija ma ssirx b’mod sistematiku (45).

140. Id-Direttiva 2001/18 u r-Regolament Nru 1829/2003 b’hekk jidhru bħala żewġ normi komplementari, bl-ewwel waħda tkun iffokata fuq ir-riskji marbuta mat-tixrid intenzjonat fl-ambjent tal-OMĠ, filwaqt li t-tieni waħda hija ċċentrata fuq ir-riskji li jistgħu jkollhom il-prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq dik tal-annimali. Meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-kuntest ta’ analiżi previst mir-Regolament Nru 1829/2003, jista’ jiġi kkunsidrat biss li awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ li tingħata abbażi tad-Direttiva 2001/18 tista’ tkopri l-prodotti tal-ikel kollha li fihom dan l-OMĠ, li jikkonsistu f’dan l-OMĠ jew li huma prodotti minnu. Fi kliem ieħor, awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Direttiva 2001/18 ma tippreġudikax il-“verifika ta’ sigurtà” tal-prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament li trid issir abbażi tar-Regolament Nru 1829/2003, skont dak li tipprevedi l-premessa 3 tiegħu.

141. Mill-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta b’mod ċar li kull tqegħid fis-suq ta’ OMĠ għall-użu fl-ikel jew ta’ ikel imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, huwa suġġett, min-naħa l-waħda, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni mogħtija f’konformità mas-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1829/2003 u, mill-oħra, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet rilevanti tal-awtorizzazzjoni.

142. Din tista’ tkun jew awtorizzazzjoni ġdida mogħtija skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, jew tiġdid ta’ awtorizzazzjoni mogħtija preċedentement lil prodotti skont is-sistema applikabbli għall-prodotti eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament.

143. Barra minn hekk, skont il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1829/2003, “meta OMĠ użat fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel u/jew għalf ikun ġie awtorizzat taħt dan ir-Regolament, prodotti tal-ikel u/jew għalf li jkun fihom, jikkonsistu fi jew li huma prodotti minn dak il-OMĠ ma jkollhomx bżonn ta’ awtorizzazzjoni taħt dan ir-Regolament, iżda jkunu suġġetti għall-ħtiġiet imsemmija fl-awtorizzazzjoni mogħtija rigward l-OMĠ”.

144. Għaldaqstant, jista’ wieħed jikkunsidra li l-għasel li fih traċċi ta’ polline derivat minn qamħirrun MON 810 huwa prodott tal-ikel modifikat ġenetikament li jista’ jitqies bħala debitament awtorizzat abbażi tar-Regolament Nru 1829/2003?

145. Jiena nkun inklinat nirrispondi b’mod affermattiv għal din id-domanda kieku ikun hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza, mingħajr enumerazzjoni jew restrizzjoni partikolari, il-prodotti tal-ikel prodotti minn pjanta modifikata ġenetikament bħall-qamħirrun MON 810, fuq il-mudell, pereżempju, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2009/866/KE], tat-30 ta’ Novembru 2009, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qamħirrun modifikat ġenetikament MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46).

146. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-qamħirrun MON 810 fejn l-uniċi prodotti li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma awtorizzati abbażi ta’ dan ir-regolament huma d-dqiq tal-qamħirrun, il-gluten tal-qamħirrun, is-semolina tal-qamħirrun, il-lamtu tal-qamħirrun, il-glukożju tal-qamħirrun u ż-żejt tal-qamħirrun. Wieħed ma jistax jeskludi li l-limitu għall-awtorizzazzjoni għal dawn il-prodotti għandha sinjifikat mil-lat tas-sigurtà tal-ikel, u din hija r-raġuni għaliex nippreferi nikkunsidra li din ma tistax tiġi assimilata ma’ awtorizzazzjoni ġenerali għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ikel prodotti minn qamħirrun MON 810.

147. Fl-istat attwali tal-awtorizzazzjonijiet għall-qamħirrun MON 810 u għall-prodotti derivati minnu, nikkunsidra b’hekk li kull prodott tal-ikel għajr dak imsemmi iktar ’il fuq, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala prodott minn din il-varjetà ta’ pjanta, għandu jikseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament Nru 1829/2003. Jekk dan ir-rekwżit jidher eċċessiv fid-dawl tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem li għandhom il-prodotti derivati mill-qamħirrun MON 810, għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti li jawtorizzaw b’mod ġenerali t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ikel prodotti minn din il-varjetà ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament.

148. F’kull każ, l-inkonvenjenti u d-diffikultajiet prattiċi li jista’ jkollu tali rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ma jistgħux jiġu kkumpensati b’interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 li twassal sabiex ikun introdott limitu ta’ tolleranza li jippermetti li operatur ikun eżentat minn tali awtorizzazzjoni.

149. Minkejja kollox, il-limiti ta’ tolleranza ma humiex għalkollox assenti minn dan ir-regolament. Madankollu, huma applikabbli għal każijiet ferm limitati.

150. L-ewwel nett, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprevedi li l-obbligu tat-tikkettjar “ma għand[ux] [j]applika għal ikel li jkun fih materjal li fih, jikkonsisti fi jew hu prodott minn OMĠ fi proporzjon mhux ogħla minn 0.9 fil-mija ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel kkonsidrati individwalment jew ikel li jikkonsisti f’ingredjent wieħed, sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli”. Dan il-limitu ta’ tolleranza huwa applikabbli biss għall-obbligu tal-ittikkettjar ta’ prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’dan is-sens mil-leġiżlatur Komunitarju, dan ma jistax jiġi applikat b’analoġija għall-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003.

151. It-tieni nett, l-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament introduċa limitu ta’ 0.5 % għall-preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli fi prodotti tal-ikel ta’ materjal modifikat ġenetikament mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, imma li kien suġġett għal evalwazzjoni tar-riskji u kiseb valutazzjoni favorevoli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti. Fir-rigward tal-prodotti tal-ikel, ġie ppreċiżat li jekk din il-preżenza ma taqbiżx proporzjon ta’ 0.5 %, hija ma tikkostitwix ksur tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

152. Għaldaqstant, din hija tabilħaqq eċċezzjoni għall-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, imma din l-eċċezzjoni hija biss miżura tranżitorja (47), li hija applikabbli biss, kif jiġi ppreċiżat fl-Artikolu 47(5) tar-Regolament Nru 1829/2003, għal perjodu ta’ tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. B’hekk, hija ma tistax tiġi applikata b’analoġija għal każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.

153. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni dak li huwa l-istat attwali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-OMĠ, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali li jipprevedu r-regoli u l-mekkaniżmi proċedurali adattati sabiex itaffu l-inkonvenjenti li jistgħu jinqalgħu mill-koeżistenza bejn il-kultivazzjonijiet modifikati ġenetikament u l-uċuħ tar-raba’ mkabbra b’mod tradizzjonali, meta s-soluzzjoni għal tali inkonvenjenti ma tirriżultax direttament mid-dritt tal-Unjoni. Il-kumpens għad-dannu ekonomiku li jsofri apikultur li jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn ma jitħalliex iqiegħed il-prodotti tiegħu fis-suq hija waħda minn dawn is-soluzzjonijiet.

IV – Konklużjoni

154. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmulin mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof bil-mod kif ġej:

“1)      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament li, meta jiġi inkorporat fl-għasel jew jintuża bħala suppliment tal-ikel, ma jkunx jista’ jiżgura iktar l-funzjoni tiegħu fil-proċess tar-riproduzzjoni tal-pjanti ma jikkostitwix ‘organiżmu’ fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2)      L-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa suffiċjenti, sabiex prodott tal-ikel jiġi kkunsidrat li huwa ‘prodott minn [organiżmi modifikati ġenetikament]’, li dan il-prodott tal-ikel ikun fih materjal li jkun ġej minn pjanti modifikati ġenetikament. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan l-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li għasel li jkun fih polline derivat minn pjanta modifikata ġenetikament kif ukoll is-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ dan il-polline, jikkostitwixxu prodotti tal-ikel li fihom ingredjent prodott minn organiżmi modifikati ġenetikament. F’dan ir-rigward ma tantx huwa importanti li l-materjal derivat minn pjanta modifikata ġenetikament ikunx inkluż b’mod intenzjonali jew le f’tali prodotti tal-ikel.

3)      L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-preżenza involontarja f’għasel ta’ polline derivat minn varjetà ta’ qamħirrun, bħall-qamħirrun MON 810, li kiseb awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li ċerti prodotti derivati minnu biss huma awtorizzati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandha l-konsegwenza li t-tqegħid fis-suq ta’ dan l-għasel jeżiġi awtorizzazzjoni mogħtija skont l-imsemmi regolament. Il-limiti ta’ tolleranza previsti fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1829/2003 ma humiex applikabbli b’analoġija għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432.


3 – K. H. Bablok, S. Egeter, J. Stegmeier, K. Müller u B. Klimesch, iktar ’il quddiem, flimkien, “K. H. Bablok et”.


4 –      Iktar ’il quddiem “OMĠ”.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77.


6 – ĠU L 117, p. 15.


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 455, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/18”


8 – Protokoll ta’ Cartagena dwar il-bijosigurtà għall-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika, konkluż f’Montréal, fid-29 ta’ Jannar 2000, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”.


9 –      Konvenzjoni miftuħa għall-firem matul il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ambjent u l-iżvilupp (CNUED) f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992. Din daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 1993.


10 – Iktar ’il quddiem l-“Awtorità”.


11 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75.


12 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463.


13 –      Regolament (KE) Nru  258/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244).


14 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 179.


15 – BGBl. 2005 I, p. 186.


16 – BGBl. 2002 I, p. 42.


17 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 77.


18 – Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u f’konformità mal-Artikolu 13(4) ta’ dik id-direttiva, il-Ministru tal-Agrikoltura u tas-Sajd Franċiż, b’digriet tat-3 ta’ Awwissu 1998, ta l-kunsens bil-miktub tiegħu għal dan it-tqegħid fis-suq [ara d-digriet, tat-3 ta’ Awwissu 1998, dwar kunsens bil-miktub, abbażi tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva  90/220, tad-Deċiżjonijiet  98/293/KE u  98/294/KE, tat-22 ta’ April 1998, rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. T 25 u MON 810) (JORF tal-5 ta’ Awwissu 1998, p. 11985)].


19 – K. H. Bablok et jippreċiżaw li huma qed jitolbu sabiex issir inġunzjoni fil-konfront tal-Freistaat Bayern sabiex jieħu l-miżuri kollha xierqa ħalli jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ polline tal-qamħirrun MON 810 fil-prodotti tal-apikultura tagħhom u l-konsegwenza, għall-prodotti kkonċernati, li ma jibqgħux adattati għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-konsum.


20 – K. H. Bablok et jippreċiżaw li abbażi ta’ din il-konstatazzjoni huma jistgħu biss jippretendu li jingħataw id-danni, jew kumpens għad-danni, u li din il-qorti ma riditx tirrikonoxxi d-dritt għall-protezzjoni jew id-dritt li jinkiseb il-waqfien tal-inkonvenjent minħabba li, f’dan il-każ partikolari, l-interessi tal-kultivazzjoni li jixirqilhom protezzjoni (f’dan il-każ, il-kultivazzjoni għal finijiet ta’ riċerka) kienu iktar importanti.


21 – Enfasi miżjuda.


22 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 650.


23 – Ara, f’dan is-sens, R. Mackenzie et, “Guide explicatif du Protocole de Cartagena sur la prévention des risques biotechnologiques’’, p. 51, punt 205. Dan id-dokument jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz Internet li ġej: http://bch.cbd.int/protocol/publications/iucn_guide_fr.pdf.


24 – ĠU L 125, p. 75. Fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, mikroorganiżmu huwa ddefinit bħala “kull entità mikrobijoloġika, ċellulari jew mhiex ċellulari, li kapaċi li tirreplika ruħha jew li tittrasferixxi materjal ġenetiku, inklużi virus, virojdi, u ċelloli tal-annimali u tal-pjanti f’kultura”.


25 – Ara R. Mackenzie et, op. cit., p. 51, punt 204.


26 – Handbook for the implementation of Directive 90/220/EEC on the deliberate release of genetically modified organisms to the environment, vol. 1, Mejju 1992, p. 17.


27 –      Enfasi miżjuda.


28 –      Traduzzjoni libera:


      “Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘organiżmu’ jinkludi: il-mikroorganiżmi, inklużi l-virus u l-virojdi; il-pjanti u l-annimali, inklużi l-ova, iż-żerriegħa, il-polline, il-kulturi taċ-ċelluli u l-kulturi in vitro tal-pjanti u tal-annimali. Din id-definizzjoni la tkopri d-DNA rekombinanti għeri u lanqas il-plażmidi rekombinanti għerja.”


29 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 118.


30 – Idem, p. 28 u 29. Ir-riskju marbut ma’ trasferiment orizzontali ta’ ġeni b’hekk jagħmel parti mill-avvenimenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe evalwazzjoni tal-OMĠ. Dan ma jfissirx, però, li dan huwa element tad-definizzjoni ta’ dak li huwa OMĠ.


31 – Ara wkoll f’dan is-sens, il-premessa 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/98, tas-26 ta’ Mejju 1998, li tirrigwarda l-indikazzjoni obbligatorja fuq it-tikkettjar ta’ ċerti oġġetti tal-ikel prodotti mill-organiżmi modifikati ġenetikament, ta’ partikolaritajiet oħra għajr dawk li hemm provvediment għalihom fid-Direttiva 79/112/KEE (ĠU L 159, p. 4), li tippreċiża li d-Direttiva 90/220, li d-Direttiva 2001/18 issostitwiet mingħajr ma mmodifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, “ma tkoprix il-prodotti mhux vijabbli dderivati minn [OMĠ]”.


32 – Barra minn hekk, għandu jingħad, u dan huwa argument supplimentari favur it-teżi li l-OMĠ huma organiżmi ħajjin, li fl-abbozz ta’ rakkomandazzjoni għat-tieni qari dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill sabiex ikun adottat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Parlament Ewropew jgħid, meta jindika l-kategorija tal-ikel u tal-għalf li fih jew li jikkonsisti f’OMĠ, li dawn huma “OMĠ ħajjin” [traduzzjoni mhux uffiċjali] [ara l-espożizzjoin tal-motivi, (b), p. 34].


33 – Dan huwa fuq l-istess bażi bħal konsegwenzi oħrajn mhux mixtieqa, bħall-allerġiji.


34 – Enfasi miżjuda.


35 – L-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament [traduzzjoni mhux uffiċjali] [COM(2001) 425 finali] b’hekk tispjega kif hija “tkopri l-prodotti ‘miksuba minn OMĠ’, imma mhux il-prodotti ‘miksuba permezz ta’ OMĠ’. L-ewwel espressjoni timplika li proporzjon mill-prodott finali, irrispettivament minn jekk ikunx ikel jew għalf jew wieħed mill-ingredjenti tal-ikel jew tal-għalf, huwa derivat minn materjal bażiku modifikat ġenetikament. It-tieni espressjoni tfisser li dan huwa prodott magħmul permezz ta’ [OMĠ], imma li l-ebda materjal derivat minn [OMĠ] ma huwa preżenti fil-prodott finali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-proposta tagħti bħala eżempju ta’ din it-tieni kategorija ġobon prodott permezz ta’ enzima modifikata ġenetikament li ma tibqax fil-prodott finali (p. 5).


36 – Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għalf modifikat ġenetikament, l-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament bl-ebda mod ma jagħmel referenza għall-kunċett ta’ “ingredjenti”.


37 – Fir-rigward tal-polline għall-użu fl-ikel f’forma ta’ supplimenti tal-ikel, K. H. Bablok et jispjegaw li l-polline jinkiseb permezz ta’ “bokkaporti għall-polline” imqiegħda fil-fetħa tal-ġarar tan-naħal. Essenzjalment, din hija xibka metallika li minnha jrid jgħaddi n-naħal li jkun mar jiġbor in-nektar u l-polline mill-fjuri (forager bees), u dan iwassalhom biex jitilfu l-basket ta’ polline tagħhom meta jħokku magħha. Imbagħad, il-blalen jaqgħu f’reċipjent qabel ma jinġabru, jitnaddfu u jitnixxfu.


38 – Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-każ partikolari tal-għasel iffiltrat, jiġifieri l-għasel miksub bl-eliminazzjoni tal-materjal organiku jew inorganiku barrani b’mod li dan jirriżulta fl-eliminazzjoni ta’ kwantitajiet sinjifikattivi ta’ polline. Il-premessa 6 tad-Direttiva 2001/110 tipprovdi li l-konsumatur għandu jkun informat b’dan korrettament permezz ta’ indikazzjoni approprjata fuq it-tikketta.


39 – Il-polline preżenti fl-għasel jippermetti l-identifikazzjoni tal-oriġini botaniċi tiegħu. Il-melissopalinoloġija, jiġifieri l-istudju tal-polline preżenti fl-għasel, tippermetti li jiġu skoperti t-taħlitiet u l-frodi kif ukoll li jiġu ttikkettjati tipi differenti ta’ għasel iċċertifikati fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom.


40 – Il-kwistjoni tista’ wkoll tiġi ttrattata mill-perspettiva tal-preżenza fl-għasel ta’ nektar derivat minn pjanta modifikata ġenetikament. Madankollu, f’din il-kawża, il-problema ma tinqalax peress li l-qamħirrun MON 810 ma jipproduċix nektar.


41 – Pereżempju, huwa probabbli li prodott ferm raffinat, bħaż-żejt, miksub minn qamħirrun modifikat ġenetikament ma jibqagħlux iktar traċċi ta’ DNA. Minkejja dan, dan il-prodott xorta jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003.


42 – L-iżviluppi segwenti japplikaw, però, anki għas-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ polline.


43 – Se niċċita biss in-notifiki tal-ikel mingħajr ma nsemmi n-notifiki tal-għalf prodott minn qamħirrun MON 810. Għal stampa sħiħa, għandu jsir riferiment għar-Reġistru Komunitarju tal-Ikel u l-Għalf Modifikati Ġenetikament li huwa disponibbli mill-indirizz Internet li ġej: http://ec.europa.eu/food/dyna/gm_register/gm_register_auth.cfm?pr_id=11 .


44 – F’dan ir-rigward, ara l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità dwar l-imsemmija applikazzjoni [EFSA Journal (2009) 1149, 1-85], disponibbli mill-indirizz Internet li ġej: http://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/doc/1149.pdf


45 – Hija ssir fil-każ ta’ OMĠ jew ta’ ikel li fih jew li jikkonsisti f’OMĠ (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1829/2003).


46 – ĠU L 314, p. 102.


47 – Ara l-premessa 26 tar-Regolament Nru 1829/2003.